Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/319

Brussell, is-16 ta' Marzu 2011

Bażi Ewropea tat-taxxa korporattiva: inrendun-negozju aktar faċli u orħos

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet sistema komuni għall-kalkolu tal-bażi tat-taxxa ta' negozji li joperaw fl-UE. L-għan ta' din il-proposta huwa li jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv, il-kosti tal-konformità u l-inċertezzi legali li negozji fl-UE qed jiffaċċjaw bħalissa, sabiex jikkonformaw ma' total ta' 27 sistema nazzjonali differenti biex jiddeterminaw il-profitti taxxabli tagħom. Il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (Common Consolidated Corporate Tax Base - CCCTB) li qed tiġi proposta, għandha twassal biex il-kumpaniji jibbenefikaw minn sistema ta' "punt ta' waqfa waħda" biex jimlew id-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom u għandha tikkonsolida l-profitti u t-telf kollu tagħhom madwar l-UE kollha. L-Istati Membri għandu jibqa' jkollhom id-dritt sovran sħiħ tagħhom biex jistabbilixxu r-rata tagħhom stess għat-taxxa korporattiva. Il-Kummissjoni tistima li, kull sena, madwar l-UE kollha, is-CCCTB se tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għan-negozjii b'EUR 700 miljun u b'EUR 1.3 biljun permezz tal-konsolidazzjoni. Barra minn hekk, in-negozji li qed jippruvaw jespandu fil-livell transkonfinali se jibbenefikaw minn total ta' EUR biljun bħala tfaddil. Is-CCCTB għandha twassal ukoll biex l-UE issir suq aktar attraenti għal investituri barranin.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Taxxa, id-Dwana, il-Ġlieda Kontra l-Frodi u l-Verifika qal: "Is-CCCTB se tiffaċilita, traħħas u tagħmilha iżjed konvenjenti biex isir in-negozju fl-UE. Għandha tiftaħ ukoll il-bibien għall-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju li qed jippruvaw jespandu lil hinn mis-suq domestiku tagħhom. Il-proposta tal-lum hija tajba kemm għan-negozju kif ukoll għall-kompetittività globali tal-UE."

Meta niġu għat-taxxa korporattiva, għad baqa' ostakli serji għas-Suq Uniku li qegħdin iżommu lin-negozji lura. Kumpaniji transkonfinali qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' total ta' 27 sistema ta' regoli differenti biex jikkalkulaw il-bażi tagħhom tat-taxxa u qed ikollhom jaħdmu ma' total ta' 27 amministrazzjoni tat-taxxa differenti. Barra minn hekk, qed jiffaċċjaw sistema kumplessa għall-aħħar biex jiddeterminaw kif għandhom jiġu ntaxxati tranżazzjonijiet bejn il-gruppi – l-ipprezzar ta' trasferimenti (transfer pricing), u ma jistgħux ipattu għat-telf tagħhom fi Stat Membru wieħed bil-profitti fi Stat Membru ieħor. Dan jirriżulta fi spejjeż u kumplessitajiet kbar ħafna għall-negozji akbar, filwaqt li negozji iżgħar ta' sikwit huma mxekkla kompletament milli jespandu madwar l-UE.

L-għan tas-CCCTB huwa li dawn il-problemi jingħelbu bl-offerta ta' sett uniku ta' regoli għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva li għandhom jitħarsu, u bil-possibbiltà li tkun irreġistrata dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata unika ma' amministrazzjoni waħda għall-attività kollha tagħhom fi ħdan l-UE. Abbażi ta' din id-dikjarazzjoni tat-taxxa unika, il-bażi tat-taxxa tal-kumpaniji mbagħad tinqasam bejn l-Istati Membri fejn tiġi applikata, skont formola speċifika. Din il-formola se tqis tliet fatturi: assi, ħaddiema, u bejgħ. Wara li l-bażi tat-taxxa tkun ġiet ipproporzjonata, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jintaxxaw is-sehem tagħhom minnha bir-rata tat-taxxa korporattiva tagħhom stess. Bis-CCCTB, l-Istati Membri se jibqgħu jistabbilixxu r-rata tat-taxxa korporattiva tagħhom fil-livell li jarawh xieraq, billi din hija prerogattiva nazzjonali tagħhom.

Is-CCCTB se tkun fakultattiva għall-kumpaniji. Dan ifisser li dawk li jidrilhom li se jibbenefikaw minn sistema armonizzata tal-UE japplikawha, filwaqt li kumpaniji oħrajn jistgħu jkomplu jaħdmu fi ħdan is-sistemi nazzjonali tagħhom.

Is-CCCTB ġiet identifikata bħala inizjattiva importanti tal-Kummissjoni ta' Barroso II fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020. Issemmiet ukoll f'serje ta' dokumenti ewlenin ta' politika li huma mmirati biex ineħħu l-ostakli għas-Suq Uniku u biex jistimulaw it-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi fi ħdan l-UE (Att dwar is-Suq Uniku, Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u "Patt għall-Ewro").

Għal iktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/company_tax/common_tax_base/index_en.htm

MEMO/11/171


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site