Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Almada tirbaħ il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2010

European Commission - IP/11/318   15/03/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/318

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2011

L-Ambjent: Almada tirbaħ il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2010

Il-belt Portugiża ta' Almada rebħet il-Premju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà. Matul il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2010 Almada ġiet iġġudikata minn bord indipendenti ta' esperti tal-mobbiltà li għamlet dak kollu li setgħet biex tippromwovi alternattivi għall-karozza, u biex temfasizza l-impatt pożittiv ta' mezzi oħrajn tat-trasport fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent. Murcia fi Spanja u l-belt kapitali Latvjana ta' Riga kienu l-finalisti l-oħra. Il-premjijiet ġew ippreżentati mill-Kummissarju Ewropew Janez Potočnik f'ċerimonja fi Brussell fl-14 ta' Marzu 2011.

Il-Kummissarju Potočnik qal: "Wisq Ewropej jiddependu fuq il-karozzi tagħhom anke għal vjaġġi qosra. It-tniġġis u l-konġestjoni li dejjem qed jiżdiedu jagħmlu ħsara lill-ambjent imma wkoll lil saħħitna. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà tippromwovi awtoritjiet lokali li jinkuraġġixxu b'suċċess lin-nies biex jużaw modi oħra kif jivvjaġġaw, u b'hekk itejbu saħħithom u l-kwalità tal-ħajja fil-bliet. Nispera li Almada, Murcia u Riga jispiraw ħafna bliet fl-Ewropa."

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2010

Rekord ta' 2,221 belt Ewropea pparteċipaw fid-disa' edizzjoni annwali tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà mis-16 sat-22 ta' Settembru 2010. L-edizzjoni tal-2010 kienet dwar it-tema "Ivvjaġġa b'mod iktar intelliġenti, Għix aħjar" biex jiġu emfasizzati l-benefiċċji tal-mobbiltà attiva u sostenibbli fuq is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini. Il-premju ppremja lill-awtorità lokali li tqieset li għamlet ħafna biex toħloq kuxjenza pubblika ta' vvjaġġar sostenibbli bħala mezz biex tippromwovi l-attività fiżika u biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-istorbju, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni li huma magħrufin li għandhom effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benesseri Il-belt rebbieħa ntgħażlet minn bord indipendenti ta' esperti tat-trasport li vvalutaw 30 applikazzjoni u għażlu 10 awtoritajiet lokali li huma kkunsidraw li kellhom prestazzjoni eċċellenti matul il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2010.

Il-belt rebbieħa: Almada

Il-belt kostali Portugiża, Almada, ippromwoviet il-mobbiltà sostenibbli permezz ta' bosta miżuri permanenti. Biex tikkommemora l-għaxar anniversarju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà f'Almada, il-muniċipalità, flimkien mal-Aġenzija tal-Enerġija lokali, organizzat ġimgħa impressjonanti ta' attivitajiet iddedikati għat-trasport u s-saħħa sostenibbli. Din laħqet il-qofol tagħha f'avveniment ewlieni fit-18 ta' Settembru – Jum ta' Festival dwar il-Mobbiltà – li offra swieq fit-toroq, demostrazzjonjiiet ta' vetturi elettriċi, fieri tar-roti, kunċerti, attivitajiet sportivi, żfin u preżentazzjonijiet fit-toroq, tlielaq bir-roti, sessjonijiet ta' ħidma (workshops), films, wirjiet u demostrazzjonijiet tal-arti fit-toroq. Almada tejbet ukoll l-infrastruttura tat-toroq għal min jimxi u għaċ-ċiklisti u ħolqot diversi spazji ta' parkeġġ għar-roti u stazzjonijiet għall-iċċarġjar għar-roti u l-vetturi elettroniċi. Għall-Jum Mingħajr Karozzi, Almada bidlet iċ-ċentru storiku u kummerċjali ta' Cacilhas f'żona pedonali.

Finalista oħra: Murcia

Għall-edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2010, l-ALEM li hija l-aġenzija lokali tal-enerġija ta' Murcia fi Spanja organizzat taħlita kreattiva ta' attivitajiet biex tippromwovi l-imġiba ta' vvjaġġar tajba għas-saħħa u sostenibbli għal firxa ta' gruppi ta' mira differenti. Murcia varat firxa ta' miżuri permanenti biex tħeġġeġ iċ-ċikliżmu, inkluż strateġija tar-roti, uffiċċju b'websajt apposta, sistema pubblika tar-roti u roti b'xejn għall-persunal tal-belt. Il-belt estendiet ukoll il-linji tax-xarabank, introduċiet rotot integrati b'rati orħos għal kategoriji speċifiċi ta' utenti u tejbet is-servizzi elettroniċi tal-ġestjoni tat-traffiku tagħha.

Finalista oħra: Riga

Il-belt kapitali Latvjana, Riga, ħeġġet l-ivvjaġġar attiv billi offriet programm ambizzjuż ta' attivitajiet relatati maċ-ċikliżmu. Dan inkluda kompetizzjonijiet, wirjiet, programmi ta' informazzjoni, ġiti tar-retroċikliżmu, promozzjoni ta' vetturi elettriċi, demostrazzjonjiiet ta' miżuri tal-kwalità tal-arja u s-sikurezza tat-traffiku, preżentazzjonijiet tal-arti, kunċerti u logħob fit-toroq dwar it-tema tat-trasport u s-saħħa. Matul il-ġimgħa, iċ-ċittadini ġew imħeġġa jidentifikaw u jirrappurtaw titjib potenzjali għall-infrastrutturi tal-mixi u taċ-ċikliżmu. Permezz ta' kompetizzjoni dwar “L-Iktar Post tax-Xogħol favur is-Saħħa”, id-Dipartiment tat-Traffiku tal-Belt ta' Riga ġabar l-informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu fil-post tax-xogħol biex jippromwovu stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u vvjaġġar attiv. Riga organizzat ukoll diversi avvenimenti għall-Jum Mingħajr Karozzi, fejn it-toroq fiċ-ċentru tal-belt ġew irriservati għall-mixi, għaċ-ċikliżmu u għal mezzi oħra tat-trasport sostenibbli.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà 2011 se ssir mis-16 sat-22 ta' Settembru u se tiffoka fuq "Mobbiltà Alternattiva".

http://www.mobilityweek.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website