Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Autres langues disponibles: FR EN DE EL ET HU LT SL

IP/11/298

Brussell, id-14 ta’ Marzu 2011

Trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur kontra sitt Stati Membri minħabba ftehimiet mar-Russja dwar it-trattament ugwali tal-linji tal-ajru tal-UE fir-rigward ta' titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet proċeduri ta' ksur kontra l-Estonja, il-Ġreċja, l-Ungerija, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja dwar il-ftehimiet bilaterali tagħhom dwar is-servizzi tal-ajru mar-Russja, billi bagħtet lil kull wieħed minn dawn l-Istati Membri talba formali għal informazzjoni magħrufa bħala 'avviż ta' tqegħid fil-mora'. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-ftehimiet jistgħu jfixxklu t-trattament ugwali tal-linji tal-ajru tal-UE u l-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru Ewropej u jipprovdu l-bażi għal imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja li jistgħu jkunu illegali skont ir-regoli tal-UE dwar antitrust. Fix-xhur riċenti, diġà ntbagħtu ittri simili ta’ avviż ta' tqegħid fil-mora lil 17-il Stat membru ieħor u l-Kummissjoni issa qed tevalwa l-konformità mal-liġijiet tal-UE tal-erba’ Stati Membri li fadal mal-ftehimiet bilaterali dwar l-avjazzjoni mar-Russja. Il-fatt li l-linji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea jridu jħallsu biex itiru minn fuq is-Siberja fi triqithom lejn destinazzjonijiet tal-Asja mhux biss se jgħolli l-prezz tat-titjiriet, iżda se jwassal ukoll għal kompetizzjoni inġusta bejn il-linji tal-ajru tal-UE u dawk li mhumiex.

Fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, il-ftehimiet dwar it-trasport bl-ajru għandhom jittrattaw lil-linji tal-UE b'mod ugwali, u għandhom iħarsu r-regoli tal-antitrust. Inkella, ċerti linji tal-ajru tal-UE jista' jkollhom trattament inqas favorevoli minn dak li jingħata lill-kompetituri diretti tagħhom jew ikollhom iħallsu imposti addizzjonali mhux raġonevoli li jistgħu jgħaddu għal fuq il-konsumaturi billi jgħolew il-biljetti tal-ajru.

Libertà tal-istabbiliment

Il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn Stat Membru individwali u pajjiż li mhuwiex fl-UE għandhom jinkludu "klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE" li tirrikonoxxi li t-termini japplikaw b'mod ugwali għal-linji tal-ajru kollha tal-UE, u mhux biss għal-linji tal-ajru ta' dak l-Istat Membru. Din hija parti essenzjali mis-Suq Uniku Ewropew tal-Avjazzjoni li nħoloq fil-bidu tas-snin disgħin, li jiggarantixxi li l-linji tal-ajru huma intitolati joperaw taħt l-istess kundizzjonijiet fl-UE kollha. Ir-rekwiżit li jkun hemm "klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE" ġie kkonfermat fid-"deċiżjonijiet tas-Smewwiet Miftuħa" [Open Skies] tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2002 (ara IP/02/1609). Il-Qorti stqarret li d-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru għaċ-ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru konċernat imorru kontra r-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment (issa stabbiliti fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

Il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE issa ġew adattati skont id-deċiżjoni tal-Qorti. Ir-Russja hija waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li tonqos milli tirrikonoxxi li t-trasportaturi kollha tal-UE għandhom jiġu ttratati b'mod ugwali, u li kwalunkwe ftehim bilaterali għandu jinkludi l-klawżola ta' "deżinjazzjoni tal-UE" u għandha tapplika għal kollha kemm huma. Din toħloq problemi prattiċi serji, u tpoġġi d-drittijiet tat-traffiku f'riskju, pereżempju, għal-linji tal-ajru li ġew akkwistati minn trasportatur ta' Stat Membru ieħor.

Imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Il-linji tal-ajru nnominati għandhom l-obbligu li jħallsu imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja għal rotot lejn bosta destinazzjonijiet tal-Asja. Huwa stmat li fl-2008 biss, it-trasportaturi tal-UE konċernati ħallsu madwar USD 420 miljun f'imposti – il-parti l-kbira mis-somma direttament lil-linja tal-ajru Russa Aeroflot. Il-Kummissjoni hija mħassba li dan huwa ksur tal-liġi dwar antitrust tal-UE fejn il-linji tal-ajru ma għandhomx ikunu sfurzati li jikkonkludu ftehim kummerċjali ma' kompetitur dirett. Il-Kummisjoni hija mħassba wkoll li dan huwa ksur tal-liġi internazzjonali (Konvenzjoni ta' Chicago). Dawn il-ftehimiet bilaterali jimponu wkoll kundizzjonijiet differenti fuq il-linji tal-ajru tal-UE skont il-pajjiż li jkunu bbażati fih, li joħolqu aktar tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, hemm ir-riskju li l-passiġġieri jkollhom iħallsu prezzijiet ogħla għat-titjiriet tagħhom milli kieku jkun meħtieġ.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu l-avviż ta' tqegħid fil-mora. Jekk jonqsu milli jwieġbu b’mod sodisfaċenti, il-Kummissjoni ser tibgħat opinjoni motivata fejn titlob lill-Istati Membri konċernati biex jemendaw il-ftehimiet bilaterali tagħhom dwar is-servizz bl-ajru mar-Russja.

F’Ottubru 2010, diġà ntbagħtu ittri ta’ avviż ta’ tqegħid fil-mora lill-Awstrija, il-Finlandja, Franza u l-Ġermanja (ara IP/10/1425), f’Jannar 2011 lill-Belgju, id-Danimarka, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Iżvezja u r-Renju Unit (ara IP/11/74) u fi Frar 2011 lil Ċipru, l-Irlanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja.

Il-Kummissjoni qed tevalwa b'mod attiv il-konformità mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li l-erba’ Stati Membri l-oħra għandhom mar-Russja.

Ara wkoll MEMO/11/167.

Għal iktar tagħrif dwar il-proċeduri ta’ ksur tal-UE, ara MEMO/11/162


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site