Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/275

Brussell, it-10 ta’ Marzu 2011

Il-Kummissjoni tipproponi regoli aktar effiċjenti għall-qsim tal-fruntieri

Il-Kummissjoni llum ipproponiet li temenda Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen bil-għan li tiffaċilita ċ-ċaqliq tan-nies biex jaqsmu l-fruntieri interni u esterni tal-UE b'mod ikkontrollat.

"Din il-proposta se tgħin biex jitħaffu l-kontrolli tal-fruntieri u tikber iċ-ċertezza legali għall-vjaġġaturi u għall-gwardji tal-fruntiera. Meta jidħlu dawn ir-regoli l-ġodda, nittamaw li nnaqqsu l-battikata għan-nies li jivvjaġġaw kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lejha u 'l barra minnha. Dan se jagħmel il-ħajja eħfef għaċ-ċittadini tagħna," qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström.

Il-bidliet proposti se jtejbu ċ-ċarezza tar-Regolament eżistenti, b'mod li jwieġeb għal problemi prattiċi li qamu waqt l-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Il-proposta tiffoka fuq:

Koperazzjoni aħjar bejn l-UE u pajjiżi terzi: Qafas legali għall-ftehimiet bilaterali relatati ma' kontrolli konġunti fil-fruntieri fuq it-traffiku tat-triq se jirrinforza l-koperazzjoni fil-fruntieri tal-art bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi ġirien. Il-valur miżjud prattiku tal-proposti huwa ċar. Ngħidu aħna, jekk jiġu adottati fil-ħin, il-proposti se jippermettu qsim bla skossi tal-fruntieri matul il-kampjonat Ewropew tal-futbol li se jiġi organizzat mill-Polonja u l-Ukraina fl-2012.

Inħaffu l-kontroll fil-fruntieri: Il-possibbiltà li noħolqu lejns separati għall-vjaġġaturi li ma jeħtiġux viża se tipprovdi għal flessibbiltà addizzjonali skont il-ħtiġijiet prattiċi.

Tnaqqis ta' burokrazija bla bżonn: Il-piż amministrattiv fuq vapuri tat-tagħbija li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE, ekwipaġġi internazzjonali tat-trejnijiet u ħaddiema offshore se jkun eħfef. Ngħidu aħna, operaturi interni tal-merkanzija se jgawdu min-nuqqas ta' kontrolli fil-fruntieri interni bl-istess mod bħall-operaturi interni tal-vapuretti, li llum il-ġurnata mhux il-każ.

Iktar ċertezza legali għall-vjaġġaturi u għall-gwardji tal-fruntieri: Il-kundizzjonijiet tad-dħul għal persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi se jiġu kkjarifikati, permezz ta' determinazzjoni aktar ċara tal-metodu ta' kif jiġu kkalkulati "qagħdiet li ma jaqbżux it-tliet xhur għal kull perjodu ta' sitt xhur" u tat-tul meħtieġ għall-validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' persuni li m'għandhomx viża maħruġa f'isimhom.

Taħriġ imtejjeb tal-gwardji tal-fruntieri: Sabiex jiġu identifikati sitwazzjonijiet li jinvolvu nies partikularment vulnerabbli (i.e. minorenni mhux akkumpanjati u vittmi tat-traffikar), se jiġi żviluppat taħriġ speċjalizzat għall-gwardji tal-fruntieri.

Sfond

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (Regolament (KE) Nru 562/2006) daħal fis-seħħ f'Ottubru 2006. Huwa stabbilixxa Kodiċi Komunitarju bi standards u proċeduri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni tal-UE u dwar ir-rinfurzar tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

Wara erba' snin ta' applikazzjoni prattika, ħarġet il-ħtieġa għal għadd ta' emendi prattiċi u tekniċi għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Il-prinċipji bażiċi tas-sistema, madanakollu, mhux se jinbidlu.

Il-passi li jmiss

Issa l-emendi proposti se jiġu diskussi mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni tittama li l-proposta tagħha tista' tiġi adottata malajr.

Għal iktar informazzjoni

Il-homepage ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_sv.htm

Il-homepage tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website