Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/272

Brussell/Strasburgu, it-8 ta' Marzu 2011

It-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan ta' Direzzjoni biex tibni Ewropa kompetittiva b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju sal-2050

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Pjan ta' Direzzjoni biex jitrasforma l-Unjoni Ewropea f'ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju sal-2050. Il-Pjan ta' Direzzjoni jispjega l-perkors kosteffikaċi biex tinkiseb il-mira tal-UE li sal-2050 tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 80-95% tal-livelli tal-1990. Il-Pjan ta' Direzzjoni jagħti direzzjoni lill-politiki settorjali, lill-istrateġiji għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju nazzjonali u reġjonali u lill-investimenti fit-tul. L-UE jeħtiġilha tibda taħdem issa fuq l-istrateġiji għal perjodu twil taż-żmien, u l-Pjan ta' Direzzjoni jipprovdi gwida dwar kif tista' tinkiseb din it-tranżizzjoni bl-aktar mod kosteffikaċi. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet ukoll l-inizjattiva għax jekk inkunu fuq ta' quddiem nett fit-tranżizzjoni globali lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, dan ikollu benefiċċji multipli għall-UE.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni dwar il-Klima qalet: "Jeħtiġilna nibdew it-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju issa. Aktar ma nistennew, ogħla jkun il-prezz. Hekk kif il-prezzijiet taż-żejt baqgħu jogħlew, l-Ewropa qiegħda tħallas aktar kull sena għall-kont tal-enerġija tagħha u qed issir aktar vulenrabbli għax-xokkijiet fil-prezzijiet. Għalhekk ikun jaqblilna jekk nibdew it-tranżizzjoni issa. U l-aħbar it-tajba hija li ma għandniex bżonn nistennew l-avvanzi teknoloġiċi. L-ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' korbonju tista' tinbena billi niżviluppaw aktar it-teknoloġiji ppruvati li diġà jeżistu llum. F'din it-tranżizzjoni hemm bżonn li jagħtu sehemhom is-settur ekonomiċi kollha, inklużi l-agrikoltura, il-kostruzzjoni u t-trasport. Billi tispjega l-perkors kosteffikaċi biex inressqu lill-Ewropa lejn futur b'emissjonijet baxxi ta' karbonju, il-Pjan ta' Direzzjoni tagħna jipprovdi qafas ċar u prevedibbli għan-negozju u l-gvernijiet biex iħejju l-istrateġiji tagħhom għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju u l-investimeni għall-perjodu twil ta' żmien."

Enfasi fuq il-miżuri domestiċi

Il-Kunsill Ewropew approva l-mira li sal-2050 l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE jitnaqqsu għal 80-95% tal-livelli tal-1990 bħala l-kontribut fil-perjodu twil taż-żmien tal-Ewropa ħalli l-klima ma tinbidilx b'mod perikoluż.

Il-Pjan ta' Direzzjoni jistipula perkors kosteffikaċi biex tintlaħaq din il-mira, jirrakkomanda li l-Ewropa għandha tiksibha l-aktar permezz ta' miżuri domestiċi peress li sa nofs is-seklu l-krediti internazzjonali biex jitpaċew l-emissjonijiet ser ikunu wisq anqas disponibbli milli huma llum. Għalhekk sal-2050 l-UE għandha tnaqqas l-emissjonijiet bi 80%, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, b'azzjoni domestika biss. Jekk jintużaw xi krediti, dawn ikunu qed iżidu t-tnaqqis tal-emissjonijiet lil hinn mit-80%.

Il-mudell ekonomiku komprenżiv li huwa bbażat fuqu l-Pjan ta' Direzzjoni juri li biex jinkiseb tnaqqis domestiku ta' 80% sal-2050, għandu jkun hemm tnaqqis ta' 40% u 60% fuq il-livelli tal-1990 sal-2030 u l-2040 rispettivament. Ser ikollhom jikkontribwixxu s-setturi kollha. Il-politiki attwali qed jipproġettaw li jnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi għal 30% fl-2030 u 40% fl-2050.

Iffrankar fil-fjuwil

Il-bini ta' ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għall-UE matul l-40 sena li ġejjin ser ikun jeħtieġ investiment annwali addizzjonali ekwivalenti għal 1.5% tal-PDG tal-UE - jew €270 biljun - b'żieda mal-investiment totali attwali ta' 19% tal-PDG. Din iż-żieda tkun qiegħda sempliċiment tieħu lura lill-Ewropa għal-livelli ta' investiment li konna naraw qabel il-kriżi ekonomika. Dan l-investiment kollu, jew ħafna minnu, ser ikun irkuprat mill-kontijiet irħas għall-importazzjoni taż-żejt u l-gass. Dan l-iffrankar huwa stmat li huwa ta' €175-320 biljun fis-sena.

Barra minn dan, dan l-investiment fl-emissjonijiet baxxi ta' karbonju - f'teknoloġiji nodfa, infrastrutturi bħal grilji elettriċi 'intelliġenti' u protezzjoni ambjentali - ser iħalli benefiċċji multipli. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż għall-fjuwil jitħallsu lil pajjiżi terzi, filwaqt li l-investiment joħloq valur miżjud fl-UE. Barra milli titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u b'hekk il-vulnerabbiltà tagħna għal xokkijiet potenzjali fil-prezz taż-żejt, l-investiment jistimula sorsi ġodda ta' tkabbir, iħares l-impjiegi eżistenti u joħloq oħrajn ġodda. It-tniġġis tal-arja u l-ispejjeż tas-saħħa assoċjati miegħu jonqsu wkoll. Il-benefiċċji totali minn kwalità aħjar tal-arja jistgħu jlaħħqu sa €88 biljun fis-sena sal-2050.

Il-mira tal-2020

L-analiżi turi wkoll li l-aktar perkors kosteffikaċi lejn il-mira tal-2050 jesiġi tnaqqis fl-emissjonijiet ta' 25% fl-2020, li għandu jinkiseb minn miżuri interni biss u mhux il-mira attwali għal tnaqqis ta' 20%. Il-Pjan ta' Direzzjoni juri li dan it-tnaqqis domestiku ta' 25%1 jista' jinkiseb fl-2020 jekk l-UE tilħaq il-mira tagħha ta' 20% titjib fl-effiċjenza enerġetika - li kienet affermata mill-ġdid mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern fl-4 ta' Frar fis-Summit tal-Enerġija - u timplimenta bis-sħiħ il-pakkett ta' miżuri għall-"klima u l-enerġija" għall-2020 adottat fl-20092.

Sabiex tilħaq il-mira ta' ffrankar ta' 20% fl-enerġija, jista' jkun neċessarju li jitneħħew il-kwoti għall-emissjonijiet mill-ġabra ta' kwoti li għandha tiġi rkantata mill-Istati Membri mill-2013 taħt l-ETS tal-UE. Din it-tneħħija sseħħ gradwalment u ser tirrispetta l-kwoti tal-emissjonijiet li diġà għandhom il-kumpaniji. Mingħajr tneħħija, l-iffrankar miksub fl-enerġija minn kumpanija waħda jwassal, minħabba domanda relattivament iżgħar għall-kwoti, biex jiddgħajjef il-prezz tal-kwoti. Dan jista' jħeġġeġ lil kumpanija oħra biex tipproduċi aktar, tikkonsma aktar enerġija u temetti aktar diossidu tal-karbonju. Bħala riżultat, l-iffrankar nett fl-enerġija jkun baxx jekk mhux xejn. Barra minn dan, minħabba l-limitu stabbli tal-ETS, ma jinkiseb l-ebda tnaqqis fl-emissjonijiet. It-tneħħija tinnewtralizza l-effett imsemmi hawn fuq u ssostni l-iffrankar nett fl-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjonijiet.

Il-passi li jmiss

Il-Pjan ta' Direzzjoni għandu l-forma ta' Komunikazzjoni indirizzata lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-korpi tal-UE. Il-Kummissjoni tistedinhom, kif ukoll lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati, biex iqisu l-Pjan ta' Direzzjoni fl-iżvilupp ulterjuri tal-politiki nazzjonali u tal-UE biex tinkiseb ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju sal-2050. Bħala l-pass li jmiss il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li jiġu żviluppati pjanijiet ta' direzzjoni speċifiċi għas-setturi differenti f'kooperazzjoni mas-setturi konċernati.

Għal aktar tagħrif:

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Pjan ta' Direzzjoni għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju: MEMO/11/150

- Pjan ta' Direzzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju:

http://ec.europa.eu/clima/policies/roadmap/index_en.htm

http://www.ec.europa.eu/commission_2010-014/hedegaard/headlines/roadmap/index_en.htm

- Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020:

http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe/

1 :

L-offerta tal-UE, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali dwar il-klima, li tnaqqas l-emissjonijiet bi 30% sal-2020 jekk ikun hemm kundizzjonijiet tajbin, tibqa' valida u mhijiex affettwata mill-Pjan ta' Direzzjoni.

2 :

ara http://ec.europa.eu/clima/policies/package/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website