Navigation path

Left navigation

Additional tools

Qorti tal-Privattivi: il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

European Commission - IP/11/269   08/03/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/269

Brussell, 8 ta’ Marzu 2011

Qorti tal-Privattivi: il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tilqa' b'sodisfazzjon l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QTĠUE) dwar il-kompatibilità tal-ftehim previst dwar il-Qorti tal-Privattivi Ewropea u tal-UE, mat-Trattati tal-UE. Issa li l-opinjoni hija disponibbli, il-Kummissjoni se tanalizzaha bir-reqqa bil-ħsieb li tidentifika s-soluzzjonijiet xierqa.

L-opinjoni ma għandix ikollha impatt fuq id-deċiżjoni li l-Istati Membri jridu jieħdu fl-10 ta' Marzu fil-Kunsill tal-Kompetittività wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew li jawtorizza t-teħid ta' azzjoni għal kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni permezz ta' privattiva unitajra. Il-ħolqien ta' protezzjoni permezz ta' privattiva unitarja huwa legalment distint mill-ħolqien tal-Qorti tal-Privattivi Ewropea. Huwa importanti li jinżamm il-momentum biex id-diskussjonijiet li saru tul għexieren ta' snin dwar il-privattivi tal-UE jersqu lejn soluzzjoni veloċi u effikaċi permezz ta' kooperazzjoni msaħħa.

B'mod parallel, il-Kummissjoni se taħdem bl-istess għaġġla biex issib mod xieraq kif tmexxi 'l quddiem is-sistema ta' litigazzjoni dwar il-privattivi, b'segwitu għall-opinjoni tal-Qorti.

Il-QTĠUE ġiet mitluba tagħti l-opinjoni tagħha f'Ġunju tal-2009. Din sabet li attwalment, il-ftehim previst dwar il-Qorti tal-Privattivi Ewropea huwa inkompatibbli mat-Trattati tal-UE.

Il-Kummissjoni se tanaliżża bir-reqqa t-tħassib imsemmi mill-QTĠUE u se taħdem mal-Presidenza tal-Kunsill u l-Istati Membri biex issib l-aħjar soluzzjonijiet kemm jista' jkun malajr fl-interess tas-sistema tal-privattivi u l-utenti tagħha.

Il-ftehim dwar il-Qorti tal-Privattivi Ewropea u l-ħolqien ta' protezzjoni permezz ta' privattiva unitarja bl-użu ta' kooperazzjoni msaħħa huma żewġ proġetti distinti. Ma hemmx raġuni legali għalfejn l-Istati Membri, fl-10 ta' Marzu ma jadottawx id-deċiżjoni li tawtorizza l-użu ta' kooperazzjoni msaħħa għall-ħolqien tal-protezzjoni permezz ta' privattiva unitarja, kif previst. Issa li l-opinjoni hija disponibbli, ix-xogħol li għaddej b'mod parallel fuq il-litigazzjoni dwar il-privattivi jista' jkompli bl-istess momentum bħax-xogħol fuq il-privattiva Ewropea nfisha.

Il-ħolqien previst tal-Qorti tal-Privattivi Ewropea

L-għan tal-ftehim previst, kif kien imressaq quddiem il-QTĠUE, huwa li tiġi stabbilita Sistema ta' Litigazzjoni dwar il-Privattivi unifikata bl-għan li jonqsu l-ispejjeż żejda u l-kumplessità li tirriżulta minn każijiet paralleli ta' litigizzjoni fi Stati Membri diversi u li tipprovdi ċ-ċertezza legali billi tevita l-possibbiltà ta' sentenzi konfliġġenti. Il-Qorti tal-Privattivi Ewropea kif prevista permezz tal-abbozz ta' ftehim tkun tikkonsisti minn Qorti Ġenerali (b'diviżjoni ċentrali u diviżjonijiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri differenti) u Qorti tal-Appell. Din ikollha kompetenza esklussiva għall-proċedimenti relatati mal-privattivi Ewropej mogħtija mill-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi u għall-protezzjoni permezz ta' privattiva unitarja. F'każ li jkun hemm dubji dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE, il-Qorti tal-Privattivi Ewropea tkun obbligata tagħmel referenza preliminarja għall-QTĠUE.

Il-Qorti tal-Privattivi Ewropea tiġi stabbilita permezz ta' "ftehim imħallat"1 bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi li huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi2.

Sfond

L-abbozz ta' ftehim dwar il-Qorti tal-Privattivi Ewropea u tal-UE ġie żviluppat fil-Kunsill wara t-tnedija mill-ġdid tad-dibattitu dwar ir-riforma tal-privattivi fl-2007. F'Marzu tal-2009, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni lill-Kunsill, biex jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati dwar l-abbozz ta' ftehim mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE.

F'Ġunju tal-2009, il-Kummissjoni ressqet talba lill-QTĠUE dwar il-kompatibilità tal-abbozz ta' ftehim mat-Trattati tal-UE.

F'Diċembru tal-2009, il-Kunsill unanimament adotta konklużjonijiet dwar sistema ta' privattivi mtejba fl-Ewropa li tkopri wkoll elementi ewlenin tal-Qorti tal-Privattivi Ewropea3.

In-negozjati dwar l-istabbilment tal-privattiva tal-UE fallew fl-aħħar tal-2010 għaliex l-Istati Membri ma setgħux jaqblu b'mod unanimu dwar ir-reġim tal-lingwa applikabbli. Fl-14 ta' Diċembru 2010, abbażi tat-talbiet minn 12-il Stat Membru, il-Kummissjoni, taħt l-awtorità tal-Kummissarju Barnier, ressqet proposta biex tawtorizza l-użu ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni permezz ta' privattiva unitarja. S'issa, 25 Stat Membru talbu li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa. Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu fil-15 ta’ Frar. Id-deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa hija prevista għall-10 ta' Marzu.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm

1 :

Ftehim internazzjonali li għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa waħda u l-pajjiżi terzi min-naħa l-oħra.

2 :

Il-Konvenzjoni dwar l-Għotja tal-Privattivi Ewropej (il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi) tal-5 ta' Ottubru 1973.

3 :

Ara wkoll l-istqarrija għall-istampa relatata IP/09/1880


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website