Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tal-UE tvara Sħubija ambizzjuża għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni man-Nofsinhar tal-Mediterran

Commission Européenne - IP/11/268   08/03/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/268

Brussell, it-8 ta’ Marzu 2011

Il-Kummissjoni tal-UE tvara Sħubija ambizzjuża għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni man-Nofsinhar tal-Mediterran

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà llum ippreżentaw Komunikazzjoni dwar Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni man-Nofsinhar tal-Mediterran. Din l-Istrateġija tiċċara dak li tista' tagħmel l-Ewropa biex tappoġġja l-bidliet tal-akbar importanza li qed iseħħu fil-Viċinat fin-Nofsinhar tagħna u hija kontribut għall-Kunsill Ewropew straordinarju tal-11 ta' Marzu.

Il-President tal-Kummissjoni Barroso qal: "Il-bidliet storiċi li għaddejjin bħalissa fin-Nofsinhar tal-Mediterran iġibu magħhom it-tama ta' aktar libertà, tad-demokrazija, u ta' ħajja aħjar għan-nies li jgħixu fir-reġjun. Hija responsabbiltà tagħna li nqumu u nappoġġjaw dik it-trasformazzjoni. L-Unjoni Ewropea hija ddeterminata li tagħmel qabża kwalitattiva 'l quddiem fir-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien tagħha li jridu u li huma kapaċi jitilqu għal għonq it-triq tar-riformi politiċi u ekonomiċi. Il-biża' minn dak li jista' jiġri għada mhux se jwaqqafna milli nappoġġjaw il-bidliet tal-lum. Dan huwa appuntament mal-istorja li ma nistgħux inħalluh għaddej."

"L-Unjoni Ewropea għandha l-esperjenza u l-għodod biex tgħin lill-pajjiżi fir-reġjun fit-twettiq tal-vjaġġ lejn id-demokrazija profonda," qalet Catherine Ashton. "Illum qbilna dwar offerta komprensiva ta' miżuri prattiċi biex nappoġġjaw u nirfdu dan il-proċess ta' tranżizzjoni. Nistenna b'ħerqa l-approvazzjoni ta' dawn il-miżuri min-naħa tal-mexxejja tal-UE waqt il-laqgħa għolja tal-Ġimgħa. Mhix responsabbiltà tal-UE li tfittex li timponi soluzzjonijiet – dawn ir-rivoluzzjonijiet huma tal-poplu tar-reġjun. Huwa f'idejn in-nies infushom biex jiddeċiedu kif iridu jkunu ggvernati u x'assistenza jeħtieġu. L-Ewropa tinsab lesta biex tipprovdi kwalunkwe appoġġ li tista'."

Jeħtieġ li s-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità tinbena fuq tliet pilastri ewlenin: i) appoġġ immirat għat-trasformazzjoni demokratika u għall-bini tal-istituzzjonijiet, b'enfasi partikulari fuq id-drittijiet tal-bniedem, fuq ir-riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. ii) sħubija mill-qrib man-nies, b'enfasi speċifiku fuq l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u fuq aktar opportunitajiet għal kuntatti bejn in-nies, speċjalment għal dawk li huma żgħar fl-età; iii) spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-iżvilupp u lill-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol, notevolment permezz tal-appoġġ għall-Impriżi Żgħar u Medji. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tiffoka mill-ġdid il-programmi ta' assistenza sostanzjali, li bħalissa jirrappreżentaw EUR 4 biljun f'għotjiet disponibbli għall-ġirien tagħna fin-Nofsinhar għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013.

Sfond

L-ewwel tħassib ovvju tal-Unjoni kien li twieġeb għall-isfidi immedjati li qed iseħħu fil-Viċinat tagħna fin-Nofsinhar, notevolment it-tbatija umana u l-isfidi migratorji. Il-Kummissjoni diġà poġġiet EUR 30 miljun biex jiġu indirizzati l-aktar ħtiġijiet umanitarji urġenti ta' dawk li ġew spustjati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmobilizzat l-istrumenti tagħha biex toffri għajnuna lill-Italja, u lil Stati Membri oħrajn jekk ikunu jeħtiġuha, fil-każ li jimmaterjalizza influss qawwi ta' migranti. Dan ir-rispons jinkludi miżuri operazzjonali bħall-operazzjoni konġunta HERMES 2011 tal-Frontex u, jekk ikun meħtieġ, assistenza finanzjarja. Fit-Tuneżija, tħejja pakkett ta' għajnuna addizzjonali ta' EUR 17-il miljun mill-UE sabiex jingħata appoġġ immedjat għat-tranżizzjoni għad-demokrazija u għal assistenza għal inħawi mfaqqrin. Issa hu ż-żmien li nelenkaw l-għodod li rridu nużaw biex nilħqu l-għanijiet tagħna għal fuq medda itwal ta' żmien: id-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-tkabbir inklużiv.

Fl-istabbiliment u fit-twettiq ta' din is-Sħubija, il-Kummissjoni tipproponi li wieħed jimxi b'metodu bbażat b'mod ċar fuq l-inċentivi, li jagħmel differenza skont il-pajjiż, u li jitlob "aktar għal aktar". Jeħtieġ li s-sħab li jħaffu l-pass tar-riformi politiċi u ekonomiċi aktar minn oħrajn ikunu jistgħu iserrħu rashom li se jirċievu appoġġ ikbar min-naħa tal-UE.

Għal iktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/speeches-statements/2011/03/20110308_speeches_1_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site