Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/255

Brussell, l-4 ta’ Marzu 2011

L-ewwel Jum Ewropew għall-Paga Ugwali jenfasizza li hemm diskrepanza fil-pagi tal-UE

In-nisa fl-Unjoni Ewropea jaqilgħu bħala medja 17.5% inqas mill-irġiel matul ħajjithom. Din iċ-ċifra kbira se tiġi enfasizzata għada waqt l-ewwel Jum Ewropew għall-Paga Ugwali madwar l-UE. Dan il-jum – il-5 ta’ Marzu – jimmarka n-numru ta’ ġranet iżjed fl-2011 li n-nisa jridu jaħdmu biex jilħqu l-ammont ta’ flus li qalgħu l-irġiel fl-2010. Il-Kummissjoni Ewropea hi impenjata biex tnaqqas din id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u ppubblikat strateġija ġenerali għall-ugwaljanza bejn is-sessi f’Settembru 2010 (ara IP/10/1149 u MEMO/10/430). Din is-sena, il-Jum għall-Paga Ugwali, li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar id-diskrepanza fil-pagi, jaħbat qabel il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fit-8 ta' Marzu.

“Hemm 97 miljun mara fl-Ewropa li ilhom jaħdmu mill-1 ta’ Jannar, iżda fil-verità qegħdin jibdew jitħallsu din il-ġimgħa,” qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. “Il-Jum Ewropew għall-Paga Ugwali jfakkarna dwar kemm għad fadal xogħol xi jsir biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi. Flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, se naħdmu biex innaqsu din id-diskrepanza fl-UE b’mod sinifikanti, sabiex tasal dik il-ġurnata fejn ma jkollniex aktar bżonn tal-Jum għall-Paga Ugwali biex jimmarka d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa."

Paga ugwali għall-istess xogħol huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE. Dan kien diġà parti mit-Trattat ta’ Ruma fl-1957. Madankollu, il-progress biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi kien kajman: Ir-rata tvarja minn 5% fl-Italja għal-30% fl-Estonja, skont l-aħħar ċifri għall-2008. Dan jirrifletti inugwaljanzi kumplessi u kontinwi fis-suq tax-xogħol.

Sabiex tindirizza d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi, il-Kummissjoni ser:

  • Tappoġja inizzjattivi favur il-paga ugwali fuq il-post tax-xogħol bħal rikonoxximent, charters,” u premjijiet tal-ugwaljanza, bħal dawk li ġew identifikati riċentament fi studju tal-UE ta’ inizzjattivi mhux leġiżlattivi għal kumpaniji biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol;

  • Tappoġja l-iżvilupp ta’ għoddod għal min iħaddem biex jirranġaw id-diskrepanzi mhux ġustifikati fil-pagi bejn is-sessi; bħall-Logib tool, li jintuża fil-Ġermanja u l-Lussemburgu u jippermetti lill-kumpaniji biex jidentifikaw id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom;

  • Tesplora metodi biex ittejjeb it-trasparenza tal-pagi kif ukoll l-impatt fuq il-pagi ugwali ta’ arranġamenti ta’ xogħol mhux tipiċi bħal xogħol part-time u kuntratti b’terminu fiss;

  • Tara li tinkoraġġixxi n-nisa u l-irġiel biex jagħżlu professjonijiet mhux tradizzjonali; Tagħmilha aktar faċli kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel biex jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

Sfond

Grazzi għall-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-pagi ugwali, każijiet ta' diskriminazzjoni diretta – differenzi fil-pagi bejn irġiel u nisa li jagħmlu eżattament l-istess xogħol – naqsu. Iżda d-differenza fil-pagi tmur ħafna aktar 'il bogħod minn hekk: din tirrifletti d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza li għadhom jeżistu fis-suq tax-xogħol globali.

L-effett tad-iskrepanza fil-pagi bejn is-sessi fuq id-dħul matul il-ħajja tfisser li n-nisa jkollhom ukoll pensjonijiet aktar baxxi. B’riżultat ta’ dan, nisa ta’ ċerta età huma aktar f’riskju ta’ faqar: 22% tan-nisa li għandhom 65 sena u iktar huma fir-riskju tal-faqar meta mqabbla ma’ 16% tal-irġiel.

L-attivitajiet ta' ħolqien ta' kuxjenza huma essenzjali sabiex dawk li jħaddmu, l-impjegati u dawk kollha involuti jkunu infurmati għaliex għad hemm diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u kif nistgħu nnaqsuha. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tkompli kampanja ta' informazzjoni madwar l-UE b'azzjonijiet madwar is-27 Stat Membru tal-UE. Kalkulatur onlajn tad-diskrepanza fil-paga bejn in-nisa u l-irġiel se jippermetti lill-impjegati u lil dawk li jħaddmu sabiex jivviżwalizzaw id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi.

Stħarriġ tal-Eurobarometer dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li ħareġ is-sena li għaddiet, wera li 62% tal-Ewropej jemmnu li għadha teżisti l-inugwaljanza bejn is-sessi f'ħafna oqsma tas-soċjetà. 82% ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ qalu li d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi għandha tiġi indirizzata b’mod urġenti u 61% jaħsbu li deċiżjonijiet fuq livell tal-UE għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.

Fl-1 ta’ Marzu, il-Viċi President Reding iltaqgħat ma’ CEOs u kapijiet ta’ boards ta’ uħud mill-ogħla kumpaniji tal-Ewropa biex jiddiskutu kif jista’ jikber in-numru ta’ nisa fil-boardrooms tal-kumpaniji (ara IP/11/242 u MEMO/11/124).

Aktar informazzjoni

  • Ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=418

  • Kampanja dwar id-diskrepanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=681

  • Is-sit elettroniku ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Anness


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website