Navigation path

Left navigation

Additional tools

U l-Oscar jintrebaħ minn... Suċċess kbir għall-film sostnut mill-UE 'The King's Speech'

European Commission - IP/11/239   28/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/239

Brussell, 28 ta' Frar 2011

U l-Oscar jintrebaħ minn... Suċċess kbir għall-film sostnut mill-UE 'The King's Speech'

Il-Kummissarju Ewropew Androulla Vassiliou wriet is-sodisfazzjon tagħha għas-suċċess kbir li kellu l-film sostnut mill-UE 'The King's Speech', il-film li rebaħ erba' Oscars fiċ-ċerimonja tal-bieraħ filgħaxija fl-okkażjoni tat-83 edizzjoni tal-Academy Awards li saret f'Hollywood. Il-film, li rċieva EUR 562,000 f'sostenn mill-fond EU MEDIA għall-industrija taċ-ċinema, ġarr il-premijiet l-ewlenin: dak tal-Aqwa Film, l-Aqwa Direttur (Tom Hooper), l-Aqwa Attur (Colin Firth) u l-aqwa xeneġġatura oriġinali (David Seidler). Film ieħor sostnut mill-fond MEDIA, 'In a Better World', dirett minn Susanne Bier tad-Danimarka, rebaħ il-premju għall-aqwa film fi lsien barrani.

Il-Kummissarju Vassiliou, responsabbli għall-edukazzjoni u l-kultura, qalet: "Din kienet lejla liema bħalha għall-industrija tal-films Ewropej u għall-programm MEDIA. L-Ewropej iħobbu ċ-ċinema u d-dinja tħobb il-films tagħna! Nifraħ lil Tom Hooper u lil Susanne Bier li wrew li biex toħroġ b'films li jiġu fl-ewwel postijiet fid-dinja m'hemmx għalfejn ikollok baġits enormi. Dan kollu juri li l-industrija tal-films Ewropej tista' tikkompeti mal-aqwa industriji."

Tom Hooper għamel 'The King's Speech' b'baġit ta' inqas minn EUR 11 miljun, baġit pjuttost modest meta mqabbel mal-istandards Hollywoodjani. Il-finanzjament minn MEDIA għall-film sar bil-ħsieb li d-distribuzzjoni tiegħu timraħ ’il barra mill-pajjiż fejn sar — f'dan il-każ, barra mir-Renju Unit.

'In a Better World', it-tielet film Daniż li ġie l-ewwel fil-kategorija tal-aqwa film bi lsien barrani wara 'Babette's Feast' (1987) u 'Pelle the Conqueror' (1988), irċieva EUR 540,000 mill-MEDIA bħala sostenn għad-distribuzzjoni tiegħu. Żewġ films oħra li ngħataw sostenn mill-UE u li kienu nnominati għal Oscar — 'Dogtooth' (Yorgos Lanthimos, mill-Greċja, għall-kategorija tal-aqwa film bi lsien barrani) rebaħ EUR 21,000, filwaqt li 'The Illusionist' (direttur: Sylvain Chomet, Renju Unit/Franza, għall-kategorija tal-aqwa film animat) rebaħ EUR 126,000.

Il-finanzjament totali li jirċievu d-distributuri mill-fond MEDIA jinħadem skont bosta kriterji, inkluż skont kemm ikunu daħħlu flus il-films mhux nazzjonali preċedentement. Il-finanzjament jerġa' jiġi investit għall-ispejjeż li jkunu għad iridu jirriżultaw b'rabta mad-distribuzzjoni u bħala għajnuna biex jitpaċu r-riskji. Il-films jistgħu anki jirċievu finanzjament mill-MEDIA għall-iżvilupp ta' qabel il-produzzjoni.

Aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/media

It-trejlers uffiċjali taż-żewġ films:

  • The King's Speech:

http://www.cineuropa.org/ffocusvideo.aspx?lang=en&treeID=2194&documentID=194057


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website