Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/22

Brussell, it-12 ta’ Jannar 2011

Il-governanza ekonomika tal-UE: Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prioritajiet annwali għat-tkabbir tal-UE

L-Ewropa għandha pjan komprensiv biex tirreaġixxi għall-kriżi u biex tgħaġġel it-tkabbir ekonomiku Ewropew. Issa għandha bżonn tiffoka l-isforzi tagħha b'mod kordinat u b'attenzjoni għall-prioritajiet. Huwa dan li l-Kummissjoni qed tippreżenta llum. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jippjanifika direzzjoni ċara dwar lejn fejn l-Ewropa għandha timxi fis-sena li ġejja, b'għaxar azzjonijiet prioritarji iffukati fuq l-istabilità makroekonomika u l-konsolidazzjoni fiskali, riformi strutturai u miżuri li jsaħħu t-tkabbir. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa l-bidu tal-ewwel "Semestru Ewropew" li jbiddel il-mod kif il-gvernijiet ifasslu l-politiki ekonomiċi u fiskali tagħhom. Ladarba maqbula mill-Kunsill Ewropew, l-Istati membri ser jirriflettu dawn ir-rakomandazzjonijiet kemm fil-politiki tagħhom kif ukoll fil-baġit nazzjonali. Għall-ewwel darba, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser għalhekk jiddiskutu b'mod konġunt l-istabilità makroekonomika, ir-riformi strutturali u t-tisħiħ tal-miżuri għat-tkabbir b'mod komprensiv.

Il-President Barroso qal: "Bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir bdiet fażi ġdida ta' integrazzjoni Ewropea. Aħna qed nippjanaw li niskopru fruntieri ġodda u biex b'mod deċisiv intejbu l-mod kif nimmaniġġjaw u nikkordinaw l-ekonomiji interdipendenti tagħna fl-Unjoni Ewropea. Dan huwa l-mudell tal-UE. Din hija l-governanza ekonomika tagħna fl-azzjoni. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa pjan koerenti u komprensiv biex ireġġa' lill-Ewropa lejn tkabbir u żieda fl-impjiegi. Jekk ikun implimentat bi sħiħ, jien kunfidenti li l-Ewropa tista terġa' lura għal tkabbir ekonomiku b'saħħtu u żieda fl- impjiegi".

L-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jimmarka l-bidu ta' ċiklu ġdid ta' governanza ekonomika fl-UE. Huwa jaqqagħad l-azzjonijiet differenti li huma essenzjali biex isaħħu l-irkupru fuq perjodu qasir, biex inlaħħqu mal-kompetituri tagħna u nippreparaw lill-UE biex timxi lejn l-objettivi tagħha Ewropa 2020.

Fil-Komunikazzjoni prinċipali l-Kummissjoni tiffoka fuq approċċ integrat għall-irkupru billi tikkonċentra fuq miżuri ewlenin fil-kuntest tal-Ewropa 2020 u tħaddan tliet oqsma prinċipali:

  • Il-bżonn għal konsolidazzjoni fiskali rigoruża biex issaħħaħ l-istabilità makroekonomika

  • Riformi Struttturali għal żieda fl-impjiegi

  • U miżuri li jsaħħu t-tkabbir

L-ewwel Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir huwa ddisinjat biex japplika għall-UE kollha kemm hi u ser ikun mirqum għas-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru.

Il-Kummissjoni tenfasizza għaxar azzjonijiet miġbura taħt tliet oqsma prinċipali (ara l-MEMO/11/11):

  • Il-Prerekwiżiti Fundamentali għat-Tkabbir

  • Nimplimentaw konsolidazzjoni fiskali rigoruża

  • Nikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi

  • Niżguraw l-istabilità tas-settur finanzjarju

  • L-Immobilzzar tas-Swieq tax-Xogħol, il-Ħolqien ta' Opportunitajiet tax-Xogħol

  • Nagħmlu x-xogħol aktar attraenti

  • Nirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet

  • Indaħħlu lil dawk qiegħda lura x-xogħol

  • Nibbilanċjaw is-sigurtà u l-flessibilità

  • Nantiċipaw it-Tkabbir

  • Nutilizzaw il-potenzjal tas-Suq Uniku

  • Nattiraw il-kapital privat biex jiffinanzja t-tkabbir

  • Noħolqu aċċess kosteffettiv għall-enerġija

Sfond

Bħala parti mis-"Semestru Ewropew" (ara l-MEMO/11/14), u kif imħabbar fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-Kummissjoni tivvaluta kull sena l-isfidi ekonomiċi prinċipali għall-UE u tidentifika azzjonijiet prioritarji biex ikunu indirizzati. Hija tippreżentahom fi "Stħarriġ Annwali għat-Tkabbir" li jservi bħala input għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa. Fl-ewwel applikazzjoni, l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir jikkonsisti f'partijiet differenti:

1. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: Lejn rispons komprensiv għall-kriżi:.

L-ewwel parti tiffoka fuq messaġġi ewlenin urġenti, li jkopru l-oqsma fiskali, makroekonomiċi u "tematiċi". Huma jirrappreżentaw selezzjoni ta' kwistjonijiet, li għandhom ikunu indirizzati bi priorità mill-Kapijiet tal-Istat jew mill-Gvernijiet meta jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu.

2. Rapport ta' Progress dwar l-Ewropa 2020

Huwa janalizza s-sitwazzjoni fir-rigward tal-miri ewlenin tal-UE, l-abbozzi tal-PNR u l-pjan ta' riforma maħsub mill-Istati Membri.

3. Rapport makroekonomiku

Huwa jipprovdi ħarsa makroekonomika u jidentifika miżuri li għandhom l-ogħla potenzjal biex iwasslu għal effetti pożittivi għat-tisħiħ tat-tkabbir.

4. Rapport konġunt dwar l-Impjiegi

Huwa janalizza s-sitwazzjoni tal-impjiegi u politiki relatati mas-suq tax-xogħol. Huwa wkoll l-bażi għar-"Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi", li għandu jkun adottat b'mod konġunt mill-Kummissjoni u mill-Kunsill skont l-Artikolu 148.5 (TFUE).

L-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir huwa akkumpanjat minn:

5. Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-linji gwida dwar l-impjiegi.

Din hija estensjoni teknika tal-linji gwida dwar l-Impjiegi adottati biss xi xhur ilu, biex jikkonformaw mal-obbligu legali għall-adozzjoni ta' tali linji gwida annwalment.

Għal iktar informazzjoni

Is-sit web tal-President Barroso

Segwi it-tim tal-istampa tal-President fuq Twitter


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website