Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/226

Brussell, 25 ta’ Frar 2011

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tvara l-konsultazzjonijiet fuq l-Effiċjenza fl-użu tar-Riżorsi, is-Summit ta' Rio+20 u l-iżvilupp sostenibbli

Il-Kummissjoni Ewropea varat żewġ konsultazzjonijiet onlajn fil-qasam tal-ambjent. L-ewwel konsultazzjoni hija dwar l-alternattivi ta' politika li jistgħu jinkoraġġixxu bidla għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali fl-ekonomija Ewropea. It-tieni konsultazzjoni hija dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li se ssir f'Rio de Janeiro fl-2012. Ġiet varata wkoll konsultazzjoni relatata sabiex jinġabru l-opinjonijiet dwar il-bijoekonomija Ewropea, li tinkludi wkoll l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Il-konsultazzjonijiet se jibqgħu sejrin sa nofs April 2011.

L-ewwel konsultazzjoni, dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, se tikkontribwixxi lejn il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza li mistenni li jinħareġ fis-sajf 2011. Il-konsultazzjoni titlob għall-opinjonijiet relatati ma' tliet oqmsa – opinjonijiet ġenerali fuq l-użu tar-riżorsi, l-iskarsezzi, l-ostakli attwali u l-oqsma ewlenin ta' tħassib; l-oqsma ta' politika li jistgħu jiġu inklużi fil-pjan direzzjonali; u l-alternattivi biex jiġu inkoraġġiti bidliet individwali fl-imġiba. Qed jintalbu l-opinjonijiet ta' awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat, dawk interessati mil-lat ambjentali u ċittadini interessati rigward 22 mistoqsija. Fis-26 ta' Jannar ta' din is-sena, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – waħda mill-inizjattivi ewlenin għall-Ewropa 2020, l-istrateġija tal-Ewropa għall-impjiegi u t-tkabbir - biex b'hekk ħejjiet il-kuntest għal għadd ta' inizjattivi tal-Kummissjoni li se jiġu adottati fl-2011 u fl-2012. Il-Pjan Direzzjonali huwa wieħed minn dawn l-inizjattivi. Il-konsultazzjoni, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż, tagħlaq fis-17 ta' April 2011.

It-tieni konsultazzjoni se tgħin l-iżvilupp tal-Pożizzjoni tal-UE għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) fl-2012. Il-konferenza, magħrufa wkoll bħala Rio+20 peress li tikkoinċidi mal-għoxrin anniversarju tas-Summit Dinji li sar f'Rio de Janeiro fl-1991, hija intenzjonata li tiżgura impenn politiku mġedded favur l-iżvilupp sostenibbli. Hija se tivvaluta l-progress li sar sa llum, tidentifika nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-impenji u tindirizza sfidi emerġenti, billi tiffoka fuq żewġ temi ewlenin: "ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar" u "l-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli". Il-konsultazzjoni, li tikkonsisti fi 13 -il mistoqsija miftuħa, bl-Ingliż, li tibqa sejra sa nofs April.

It-tweġibiet għall-konsultazzjoni se jikkontribwixxu għall-Komunikazzjoni dwar il-Pożizzjoni tal-UE li se tiġi ppubblikata fir-rebbiegħa tal-2011, u fid-diskussjonijiet sussegwenti mal-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Hija miftuħa għall-partijiet interessati kollha fl-UE u f'pajjiżi terzi. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jintbagħtu fil-forma ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha jew uħud minnhom li jinsabu fil-karta. Ladarba jiġu vvalutati t-tweġibiet, se jiġi ppubblikat rapport dwar il-konsultazzjoni fuq is-sit elettroniku tad-DĠ għall-Ambjent.

Fl-aħħar, ġiet varata konsultazzjoni mid-DĠ għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li hija relatata mal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u aspetti oħra tal-Ewropa 2020 u tiffoka fuq l-istat u l-potenzjal futur tal-bijoekonomija tal-Ewropa. Filwaqt li tikkunsidra l-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-konsultazzjoni ssaqsi mistoqsijiet dwar il-potenzjal tal-bijoekonomija fit-trawwim tal-innovazzjoni u fl-indirizzar tal-isfidi għas-soċjetà. Ir-riżultati se jappoġġaw it-tħejjija ta' "Strateġija Ewropea u Pjan ta' Azzjoni għal bijoekonomija sostenibbli sal-2020".

Il-konsultazzjonijiet kollha jinsabu fuq is-sit elettoniku tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/yourvoice/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website