Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa jsaħħaħ l-impriżi ż-żgħar u jmexxi t-tkabbir

European Commission - IP/11/218   23/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/218

Brussell, it-23 ta’ Frar 2011

L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa jsaħħaħ l-impriżi ż-żgħar u jmexxi t-tkabbir

L-istrateġija Ewropa 2020 u l-ekonomija Ewropea jiddependu ħafna fuq il-kisba tal-potenzjal tal-Impriżi Żgħar u Medji (SMEs). Fl-UE, madwar 23 miljun SME jimpjegaw 67 % tal-forza tax-xogħol tas-settur privat.L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (l-SBA) huwa l-qafas politiku tal-UE b'għan li jsaħħaħ lill-SMEs biex dawn ikunu jistgħu jikbru u joħolqu l-impjiegi. Bejn l-2008 u l-2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE implimentaw l-azzjonijiet stabbiliti fl-SBA biex itaffu l-piż amministrattiv, jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u jsostnu l-aċċess tagħhom għal swieq ġodda. Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-inizjattivi previsti fl-SBA nbdew, reviżjoni tal-implimentazzjoni s'issa turi li hemm aktar xi jsir biex ngħinu lill-impriżi żgħar u medji.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intrapriża, qal: "L-SMEs jirrappreżentaw aktar minn 99% tal-impriżi kollha u jimpjegaw aktar minn 90 miljun persuna fl-Ewropa. Huma l-mutur li jmexxi l-ekonomija tagħna u jeħtieġ li nżommuhom b'saħħithom, kompetittivi u innovattivi. L-Istati Membri jridu jaġixxu malajr biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar."

Inizjattivi tal-SBA li rnexxew mill-2008 'l hawn

L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar huwa l-ewwel qafas politiku komprensiv dwar l-SMEs għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Mill-adozzjoni tiegħu f'Ġunju 2008, sar progress konsiderevoli permezz ta' azzjonijiet f'għadd ta' oqsma li twettqu biex isaħħu lill-impriżi żgħar u medji:

  • 100 000 SME bbenifikaw mill-istrumenti finanzjarji tal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, u b'hekk inħalqu aktar minn 100 000 impjieg.

  • Permezz tad-direttiva dwar il-ħlas ritardat l-awtoritajiet pubbliċi issa huma meħtieġa li jħallsu lill-fornituri tagħhom fi żmien 30 jum, u b'hekk tittejjeb il-likwidità tan-negozji.

  • Fil-maġġoranza tal-Istati Membri il-ħin u l-ispiża biex wieħed jistabbilixxi kumpannija tnaqqsu b'mod konsiderevoli, u l-medja għall-UE tbaxxiet minn12-il ġurnata u €485 fl-2007 biex tiġi stabbilita kumpannija privata limitata, għal sebat ijiem u €399 fl-2010.

  • Proċeduri onlajn u opportunitajiet għall-offerti konġunti ssimplifikati ffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u medji fl-akkwist pubbliku.

  • Iċ-Ċentru l-ġdid tal-SMEs tal-UE fiċ-Ċina jgħin lill-impriżi żgħar u medji biex isibu aċċess għas-swieq Ċiniżi.

Minkejja li l-Istati Membri kollha kkonfermaw l-importanza ta' implimentazzjoni mgħaġġla tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, l-approċċ tal-Istati Membri, u r-riżultati li kisbu jvarjaw b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Ir-reviżjoni tenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex iħeġġu l-intraprendenza u li l-impriżi żgħar u medji għandhom jappoġġjaw l-intraprendenza fil-klima ekonomika diffiċli tal-lum.

Impetu ġdid għall-SBA

Il-Kummissjoni hija ddeterminata li tkompli tagħti prijorità lill-impriżi żgħar u medji. Biex tirrifletti l-iżviluppi ekonomiċi l-aktar riċenti, biex iġġib l-SBA fuq l-istess linja mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020, u biex kontinwament jittejjeb l-ambjent tan-negozju għall-SMEs, ir-reviżjoni tipproponi aktar azzjonijiet f'għadd ta' oqsma ta' prijorità:

Aktar aċċess għall-finanzjament biex ikunu jistgħu jinvestu u jikbru

  • Aċċess għall-garanziji fuq is-self għall-SMEs permezz ta' skema msaħħa għall-garanziji fuq is-self;

  • Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess mill-SMEs għall-finanzjament, li jinkludi aċċess għas-swieq tal-kapital ta' riskju, kif ukoll miżuri ffokati biex iżidu l-għarfien tal-investituri dwar l-opportunitajiet li joffru l-impriżi żgħar u medji;

  • Permess lill-banek kollha, ikun xi jkun il-kobor tagħhom, li jimplimentaw faċilment is-self mill-Bank tal-Investiment Ewropew (EIB) u l-istrumenti tal-UE.

Regolazzjoni intelliġenti li tippermetti lill-SMEs jikkonċentraw fuq in-negozju ċentrali

  • Leġiżlazzjoni tal-UE mtejba permezz ta' Eżami mill-SMEs tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, b'attenzjoni partikolari fuq id-differenzi bejn l-impriżi mikro, żgħar u medji;

  • L-iżvilupp ta' "punti ta' kuntatt uniku" fl-Istati Membri biex ikunu ffaċilitati l-proċeduri amministrattivi;

  • Miri kkwantifikati għat-tnaqqis ta' "indurar bid-deheb", id-drawwa tal-korpi nazzjonali li jaqbżu l-limiti tal-kundizzjonijiet tad-Direttivi tal-UE meta jkunu qegħdin jittrasponuhom fil-liġi nazzjonali.

Użu sħiħ tas-Suq Waħdieni

  • Proposta għal Bażi ta' Taxxa Korporattiva Kkonsolidata Komuni;

  • Miżuri li jiffaċilitaw l-irkupru transkonfinali tad-dejn;

  • Reviżjoni tas-Sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni li twassal biex l-istandards ikunu aktar faċli u aktar aċċessibbli għall-SMEs;

  • Gwida għall-SMEs li jużaw ir-regoli tat-tikkettar dwar l-oriġini.

Għajnuna għall-SMEs biex jilqgħu l-isfidi tal-globalizzazzjoni u tat-tibdil tal-klima

  • Proposti li jsostnu lill-SMEs fis-swieq barra mill-UE;

  • Strateġija ġdida għal ġemgħat u netwerks li jkunu globalment kompetittivi;

  • Ħidma speċifika fuq it-trasferiment tal-għarfien reġjonali bejn esperti ambjentali u esperti dwar l-enerġija fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Impriżi.

  • Ir-reviżjoni tipproponi wkoll tmexxija msaħħa għall-implimentazzjoni tal-SBA, bl-organizzazzjonijiet kummerċjali fuq quddiem.

L-azzjonijiet imsemmijin hawn fuq juru biss selezzjoni limitata tal-possibiltajiet. Għal-lista sħiħa tal-azzjonijiet, ara r-reviżjoni nnifisha tal-SBA jew ara l-MEMO/11/109. Il-MEMO/11/110 juri għadd ta' eżempji tal-implimentazzjoni tal-SBA u tal-"prinċipju aħseb l-ewwel fiż-żgħir" li rnexxew fl-Istati Membri.

Għal iktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website