Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tiltaqa' mal-Gvern Russu għal taħdidiet eżekuttiv-ma’-eżekuttiv

European Commission - IP/11/210   22/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/210

Brussell, 22 ta’ Frar 2011

Il-Kummissjoni Ewropea tiltaqa' mal-Gvern Russu għal taħdidiet eżekuttiv-ma’-eżekuttiv

Fl-24 ta’ Frar 2011 il-President José Manuel Barroso u l-Kummissjoni Ewropea se jilqgħu lill-Gvern Russu mmexxi mill-Prim Ministru Vladimir Putin. Dawn it-taħdidiet eżekuttiv-ma’-eżekuttiv ser ikopru l-firxa sħiħa ta’ relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, mill-appoġġ għall-proċess tal-modernizzazzjoni tar-Russja għall-kwistjonijiet ta’ kummerċ u enerġija, u mill-kooperazzjoni teknoloġika aktar profonda għall-affarijiet internazzjonali.

Qabel il-laqgħa, il-President tal-Kummissjoni Barroso qal: "Qiegħed nistenna bil-ħerqa għal taħdidiet produttivi mal-Prim Ministru Putin u l-Gvern tiegħu. Il-livell għoli tat-taħdidiet tagħna se jirrifletti għal darba oħra kemm ir-Russja u l-Unjoni Ewropea jiddependu ħafna fuq xulxin, u se juri l-interess kondiviż tagħna fl-affaċċjar ta’ tħassib komuni permezz ta’ djalogu miftuħ. B’mod partikolari, jiena qiegħed nistenna aktar stimoli għall-Isħubija tagħna għall-Modernizzazzjoni. Aħna għandna nużaw ukoll il-momentum pożittiv sabiex inwasslu fi tmiemha l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO u nagħmlu passi sostanzjali ’l quddiem dwar il-Ftehim il-Ġdid bejn l-UE u r-Russja, inklużi kwistjonijiet ta’ kummerċ, investiment u enerġija."

Mill-1997 bdew isiru żjarat reċiproċi bejn il-Gvern Russu u l-Kummissjoni, fejn l-aktar waħda reċenti saret f’Moska fi Frar 2009. Din il-laqgħa eżekuttiv-ma’-eżekuttiv se tkun l-akbar li qatt saret, fejn tinvolvi l-Kulleġġ tal-Kummissarji u 12-il Ministru tal-Federazzjoni Russa. Se jiġu ffirmati wkoll bosta dokumenti dwar l-enerġija, inkluż Mekkaniżmu ta' Twissija Bikrija aġġornat. Il-President Barroso u l-Prim Ministru Putin se jagħmlu konferenza tal-aħbarijiet madwar is-13.00hr.

Sfond – oqsma ewlenin:

It-taħdidiet eżekuttiv-ma’-eżekuttiv se jibnu fuq l-iżviluppi pożittivi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u għandha twassal għal progress fl-oqsma ewlenin li ġejjin: L-Isħubija għall-Modernizzazzjoni, proposta mill-President Barroso f’Novembru 2009, ġiet imnedija fis-Summit ta’ Rostov tal-2010, bi pjan ta' ħidma, li għaddej bħalissa, li kien ġie miftiehem f’Diċembru li għadda. Din is-Sħubija tipprovdi appoġġ operattiv għall-proċess tar-Russja għall-modernizzazzjoni, inkluż it-tisħiħ tal-istat tad-dritt. Il-laqgħa ta’ bejn il-Kummissjoni u r-Russja se tagħti aktar gwida lill-Isħubija u se tiżgura li tiġi implimentata malajr fl-aspetti kollha tagħha.

Il-konklużjoni, fil-Ħarifa li għaddiet, tan-negozjati bilaterali dwar l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO tipprovdi momentum sinifikanti għall-proċess multilaterali. Dan jista’ jiġi konkluż fl-2011. It-taħdidiet eżekuttiv-ma’-eżekuttiv għandhom iżommu din id-dinamika u jiddiskutu mezzi sabiex jingħelbu l-kwistjonijiet finali. Fl-istess mod, il-laqgħa hija mistennija wkoll li tagħti impetu mġedded lin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Ftehim Ġdid bejn l-UE u r-Russja.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Russu ser iqisu wkoll il-ħidma konġunta li għaddejja bħalissa dwar il-Passi Komuni lejn skema possibbli ta' vjaġġar mingħajr il-viża. Fl-aħħar, it-taħdidiet ser ikopru bosta kwistjonijiet internazzjonali ta’ tħassib komuni u se jiddiskutu kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-Viċinat Komuni tagħna.

Għal iktar tagħrif:

MEMO/11/104

Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja: http://www.eeas.europa.eu/russia/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website