Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: aktar ċittadini tal-UE jibbenefikaw mis-servizzi pubbliċi onlajn

European Commission - IP/11/206   21/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/206

Brussell, 21 ta’ Frar 2011

L-Aġenda Diġitali: aktar ċittadini tal-UE jibbenefikaw mis-servizzi pubbliċi onlajn

Illum aktar nies madwar l-UE għandhom aċċess għas-servizzi pubbliċi onlajn, skont id-disa' Rapport tal-Benchmarking għall-Gvern elettroniku għall-Ewropa li ħareġ illum. Bejn l-2009 u l-2010 id-disponibbiltà medja tas-servizzi pubbliċi onlajn fl-UE telgħet minn 69 % għal 82 %. It-tqegħid onljan ta' aktar servizzi tal-Gvern jgħin fit-tnaqqis tal-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u jnaqqas ukoll l-burokrazija żejda għan-negozji u ċ-ċittadini. Ir-rapport jiżvela min kellu l-aħjar u l-agħar prestazzjoni fl-UE, billi ffoka fuq żewġ servizzi pubbliċi essenzjali: 'it-tfittxija għal impjieg' u 'it-twaqqif ta' kumpanija'. Minkejja li l-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali Ewropej mexjin fid-direzzjoni t-tajba, għad hemm disparità bejn il-pajjiżi. Għad hemm lok ukoll għat-titjib fl-implimentazzjoni tal-Akkwist Pubbliku elettroniku. Bħala parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, l-Unjoni Ewropa għandha l-mira li wieħed minn kull żewġ ċittadini u erba' minn kull ħames negozji jkunu qegħdin jużaw servizzi tal-Gvern elettroniku sal-2015 (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) Is-sejbiet tar-Rapport jagħtu feedback utli dwar il-miri tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku varat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2010 biex taħdem flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri sabiex jespandu u jtejbu s-servizzi li joffru permezz tal-internet (ara ara IP/10/1718 u MEMO/10/681).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Jien sodisfatta bl-għadd dejjem akbar ta' ċittadini tal-UE li issa jistgħu jużaw servizzi pubbliċi onlajn għal affarijiet ewlenin bħat-tfittxija għal impjieg, il-mili tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa jew ir-reġistrazzjoni ta' kumpaniji ġodda. L-Istati Membri fejn is-servizzi pubbliċi bażiċi jkunu disponibbli b'mod sħiħ onlajn jistgħu jiffaċilitaw il-ħajja għaċ-ċittadini u n-negozji tagħhom, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom."

Aktar minn 80 % tas-servizzi pubbliċi bażiċi huma disponibbli onljan

Id-disponibbiltà onljan ta' sett ta' 20 servizz pubbliku bażiku, bħar-reġistrazzjoni ta' karozza, id-dikjarazzoni tat-taxxa jew ir-reġistrazzjoni ta' kumpanija ġdida, madwar l-Ewropa laħqet 82 % fl-2010, li hija sostanzjalment ogħla minn dik fl-2009 fejn kienet 69 %. Dawk bl-aħjar prestazzjoni huma l-Awstrija, l-Irlanda, l-Italja, Malta, il-Portugall u l-Isvezja fejn il-lista sħiħa ta' dawk is-servizzi bażiċi hija kollha onlajn. Il-Bulgarija, l-Italja u l-Latvja wrew titjib kbir matul din l-aħħar sena fid-disponibbiltà ta' servizzi onlajn. Ir-rapport juri li s-servizzi għan-negozji huma aktar avvanzati minn dawk għaċ-ċittadini.

Kwalità tas-servizzi

Ir-rapport ta' din is-sena jiffoka fuq il-ħtiġijiet kemm taċ-ċittadini bla xogħol kif ukoll tal-imprendituri prospettivi. Iħares lejn il-mod kif l-amministrazzjonijiet pubbliċi jnaqqsu l-burokrazija żejda u kif ipoġġu għad-dispożizzjoni u b'mod issemplifikat il-firxa sħiħa ta' servizzi pubbliċi meħtieġa biex titwaqqaf kumpanija jew biex dak li jkun jerġa' jidħol fid-dinja tax-xogħol. Dan jista' jsir permezz ta' portal onlajn jew awtomatikament, pereżempju meta ssir reġistrazzjoni għal numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa, impriża ġdida tirċievi awtomatikament ukoll numru tal-VAT. Dan ir-rapport isib li 55 % tas-servizzi meħtieġa biex titwaqqaf kumpanija huma pprovduti kemm permezz ta' portal iddedikat għalhekk jew awtomatikament fl-Awstrija, id-Danimarka, l-Estonja, l-Irlanda, l-Isvezja u r-Renju Unit. Madankollu, 46 % biss tas-servizzi utli għal dawk bla xogħol huma attwalment ipprovduti permezz ta' portal iddedikat għalhekk.

Akkwist Pubbliku elettroniku

Minkejja li 70 % tal-awtoritajiet pubbliċi bdew jaħdmu bl-Akkwist Pubbliku elettroniku, l-implimentazzjoni ġeneralment baxxa tiegħu (l-aħjar estimi jikkalkolaw sehem ta' 5 % tal-akkwist pubbliku kollu) għadha ma tistax twassal għal benefiċċji kbar. Kieku l-Akkwist Pubbliku elettroniku kien disponibbli b'mod sħiħ, u jintuża b'mod aktar wiesa', dan jista' jwassal għal iffrankar fl-ispejjeż fuq xiri pubbliku li jitla' sa 30 %.

Muniċipalitajiet iżgħar, anqas servizzi onlajn

Għall-ewwel darba, ir-rapport iħares ukoll lejn id-dimensjoni reġjonali u lokali tal-Gvern elettroniku u jenfasizza disparitajiet sostanzjali fi ħdan il-pajjiżi. Għal servizzi pprovduti primarjament fuq livell lokali, il-muniċipalitajiet żgħar juru biss nofs id-disponibbiltà onlajn meta mqabbel mal-kontropartijiet ikbar tagħhom. Pereżempju, filwaqt li s-siti elettroniċi tal-ibliet iżgħar jistgħu jagħtu informazzjoni fuq kif tista' titlob kopja taċ-ċertifikat tat-twelid, is-siti elettroniċi tal-ibliet il-kbar jinkludu wkoll formoli li jistgħu jitniżżlu. Ir-raġuni għal dan tista' tkun li l-amministrazzjonijiet lokali iżgħar u ċ-ċittadini tagħhom jippreferu kuntatt wiċċ imb'wiċċ jew kanali oħra aktar tradizzjonali, jew li l-amministrazzjonijiet żgħar għandhom kapaċità iżgħar (strateġija, finanzjament, abilità) li jħaddnu s-servizzi onlajn.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli timmonitorja l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi onlajn madwar l-Ewropa u, permezz tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku, se taħdem mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri biex jespandu u jtejbu s-servizzi li joffru permezz tal-internet.

Sfond

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-Benchmarking tal-progress tal-Gvern elettroniku madwar l-UE ilu għaddej mill-2001. L-għan tal-istħarriġ huwa li jkejjel il-pajjiżi differenti Ewropej sabiex jiġi mqabbel il-progress u jiġu kkondiviżi l-aħjar prassi. L-analiżi tkopri aktar minn 10 000 sit elettroniku fi ħdan is-27 Stat Membru tal-UE, flimkien mal-Kroazja, l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija.

Il-kejl janalizza 12-il servizz bażiku onlajn għaċ-ċittadini: Taxxi fuq l-Introjtu, Tfittxija għal Impjieg, Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali, Dokumenti Personali, Reġistrazzjoni tal-Karozzi, Applikazzjoni għal Permess tal-Bini, Dikjarazzjoni lill-Pulizija, Libreriji Pubbliċi, Ċertifikati tat-Twelid u taż-Żwieġ, Reġistrazzjoni għall-Edukazzjoni Għolja, Tħabbir ta' Ċaqliq, Servizzi relatati mas-Saħħa u 8 servizzi pubbliċi onlajn għan-negozji: Kontribuzzjoni Soċjali għall-Impjegati, Taxxa tal-Kumpaniji, VAT, Reġistrazzjoni ta' Kumpaniji Ġodda, Preżentazzjoni ta' Dejta lill-Uffiċċju tal-Istatistika, Dikjarazzjoni tad-Dwana, Permessi relatati mal-Ambjent u l-Akkwist Pubbliku.

Għal iktar tagħrif:

Id-Disa' Rapport dwar il-Benchmarking għall-Gvern elettroniku

Pjan ta' Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2011-2015

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Anness: riżultati ewlenin mill-Benchmarking tal-Gvern elettroniku

Grafika 3.4: Disponibbiltà Sħiħa Onlajn, 2009-2010 (f'%)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website