Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-firem elettroniċi u l-identifikazzjoni elettronika

European Commission - IP/11/198   18/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/198

Brussell, l-18 ta’ Frar 2011

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-firem elettroniċi u l-identifikazzjoni elettronika

Sabiex tittratta l-livelli baxxi ta' kunfidenza fost il-konsumaturi u n-negozji meta jagħmlu tranżazzjonijiet onlajn, il-Kummissjoni Ewropea qed tistaqsi liċ-ċittadini u lil partijiet interessati oħrajn kif il-firem elettroniċi u l-identifikazzjoni elettronika (eID) u l-awtentikazzjoni jistgħu jgħinu l-iżvilupp tas-Suq Diġitali Uniku Ewropew. Bħalissa, diffikultajiet biex jiġu vverifikati l-identitajiet u l-firem tal-individwi huma fattur sinifikanti li qed ixekkel l-iżvilupp tal-ekonomija onlajn tal-UE. Il-firem elettroniċi u l-identifikazzjoni (eID) u l-awtentikazzjoni elettroniċi jistgħu jkunu għodda importanti li tippermetti kemm lill-utenti kif ukoll lill-fornituri biex jiddependu fuq servizzi onlajn siguri, affidabbli u faċli biex jintużaw iżda dawn għandhom jaħdmu fl-Istati Membri kollha biex ikunu effikaċi. Ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni se jidħlu fir-reviżjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva eżistenti dwar il-firem elettroniċi u fit-tħejjija ta' inizjattiva pjanata dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi. L-ixprunar tal-kummerċ elettroniku, in-negozju elettroniku u l-iffaċilitar tat-twettiq ta' proċeduri amministrattivi onlajn fis-Suq Uniku, huma aspetti importanti tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Il-konsultazzjoni onlajn se tibqa' sejra sal-15 ta' April 2011.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Nilqa' l-opinjonijiet ta' kulħadd dwar kif l-aħjar jiġu vverifikati l-identitajiet tal-individwi u l-firem meta nixtru, inbigħu u nwettqu proċeduri amministrattivi onlajn li jeħtieġu sigurtà kbira. Irrid ngħin lill-Ewropej kollha biex meta jkunu onlajn ma jħossuhomx li se jaqgħu vittmi ta' frodi jew nasbiet ta' dejta personali. "

Wieħed mill-fatturi li qed ixekkel l-iżvilupp tal-ekonomija onlajn tal-UE huwa l-livell baxx ta' kunfidenza fost il-konsumaturi u n-negozji meta jagħmlu tranżazzjonijiet onlajn. Id-dipendenza fuq servizzi onlajn siguri, affidabbli u faċli biex jintużaw hija vitali għal Suq Diġitali Uniku Ewropew qawwi u b'saħħtu. Sabiex tittratta dawn il-kwistjonijiet, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ħabbret reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Firem elettroniċi (1999/93/KE) u inizjattiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-Identifikazzjoni u l-Awtentikazzjoni elettroniċi.

Kulħadd huwa mistieden biex jipparteċipa fil-konsultazzjoni billi jaqsam l-opinjoni tiegħu dwar kif l-identifikazzjoni, l-awtentikazzjoni u l-firem elettroniċi jistgħu jikkontribwixxu għas-Suq Diġitali Uniku Ewropew u dwar miżuri possibbli biex jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet biex jistimulaw il-progress tiegħu.

Il-konsultazzjoni pubblika se tfittex opinjoni dwar:

  • l-aspettattivi taċ-ċittadini u tan-negozji tar-regoli tal-UE dwar firem, identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettroniċi. B'mod partikolari, l-utilità ġenerali tal-Firem elettroniċi u tal-Identifikazzjoni elettronika, bżonnijiet tal-utenti u ta' setturi speċifiċi tan-negozju, benefiċċji soċjoekonomiċi, kampijiet ta' applikazzjoni, servizzi potenzjali addizzjonali ta' bini ta' fiduċja (pereżempju l-ittimbrar tal-ħin), l-użu tat-telefowns ċellulari u r-rikonoxximent legali tal-kunsens elettroniku billi wieħed jikklikkja "Naċċetta"

  • l-opinjoni tas-settur tal-ICT dwar kif Firem elettroniċi jistgħu jitfasslu bl-aħjar mod biex jaffaċċjaw l-isfidi tal-ġejjieni li se jiġu xprunati bil-progress teknoloġiku. Il-partijiet interessati huma mitluba jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar ostakoli eżistenti, rekwiżiti tas-sigurtà, gradazzjoni potenzjali tal-livelli ta' sigurtà u aspettattivi dwar l-istandardizzazzjoni

  • is-sett ta' prinċipji komuni li għandu jmexxi r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronikċi fl-Ewropa, kif ukoll kunsiderazzjonijiet għall-ekonomiji ta' skala billi jkunu awtorizzati sistemi nazzjonali ta' identifikazzjoni elettronika li minnhom jibbenefikaw utenti fil-konfini tal-UE, u użi transettorjali fis-setturi pubbliċi u privati.

  • il-kontribut potenzjali tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp ta' identifikazzjoni elettronika u ta' awtentikazzjoni tal-Firem elettroniċi ġodda, bħall-alternattivi għall-Infrastruttura Pubblika Ewlenija (Public Key Infrastructure (PKI)) li qed tintuża bħalissa għall-immaniġġar faċli tal-firem elettroniċi u tal-karti tal-identità elettroniċi.

Il-Kummissjoni se tanalizza r-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni bħala parti mir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva dwar il-Firem elettroniċi u t-tħejjija ta' inizjattiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi.

Proġett pilota

Il-Kummissjoni diġà qed tappoġġja wkoll proġett pilota kbir imsejjaħ "STORK" (Secure idenTity acrOss boRders linKed) li jippermetti r-rikonoxximent transkonfinali tas-sistemi tal-identifikazzjoni elettronika u aċċess faċli għal servizzi pubbliċi fi 18-il pajjiż Ewropew (għal iktar dettalji ara https://www.eid-stork.eu/). Il-proġett għandu l-għan li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE biex jippruvaw l-identità tagħhom u jużaw sistemi nazzjonali tal-identità elettronika (passwords, karti tal-ID, telefowns ċellulari u oħrajn) fl-Ewropa kollha, mhux biss fil-pajjiż fejn jgħixu.

Għal iktar informazzjoni

Id-dokument ta konsultazzjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=eid4&lang=en

Il-websajt ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website