Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Ġurnata tajba għas-salamun, għal-lontri u għall-foresti tal-fagu

European Commission - IP/11/18   10/01/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/18

Brussell, l-10 ta’ Jannar 2011

L-Ambjent: Ġurnata tajba għas-salamun, għal-lontri u għall-foresti tal-fagu

Il-flora u l-fawna tal-Ewropa issa huma mħarsa aktar milli qatt kienu fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. In-netwerk Ewropew għaż-żoni naturali protetti, Natura 2000, ġie estiż bi kważi 27 000 kilometru kwadru Dan jinkludi żieda kbira ta' żoni tal-baħar li jkopru aktar minn 17 500 kilometru kwadru li ser iżid il-protezzjoni għal bosta speċijiet tal-baħar li huma fil-periklu. Natura 2000 issa jkopri kważi 18% tal-massa tal-art tal-UE u aktar minn 130 000 km² tal-ibħra tagħha. Il-pajjiżi prinċipali li huma involuti fl-aħħar espansjoni huma r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, Spanja u l-Polonja. Natura 2000 huwa l-qofol tal-battalja tal-Ewropa biex jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u biex jiġu ssalvagwardjati s-servizzi tal-ekosistema.

Janez Potočnik, il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent qal, "Meta nkunu qed nipproteġu lin-natura nkunu qed nipproteġu lilna nfusna." Natura 2000 hu bħal polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja,li jissalvagwardja r-reżistenza tan-natura, u li jiżgura li jkollna relazzjoni sostenibbli mad-dinja naturali li niddependu minnha. Jien b'mod partikolari ninsab kuntent li qed nara din il-protezzjoni tikber għal 17 500 km² tal-ibħra tagħna."

X’inhu Natura 2000?

Natura 2000 huwa netwerk enormi ta' żoni ta' konservazzjoni tan-natura mwaqqaf biex jiżgura s-sopravivenza tal-ispeċijiet u l-ħabitats naturali li għandhom l-akbar valur u li qegħdin fil-periklu. In-netwerk jikkonsisti f'madwar 26 000 sit u l-aħħar żidiet jammontaw għal 739 sit ġdid li jkopru kważi 27 000 kilometru kwadru. Aktar min-nofs taż-żona miżjuda hija ffurmata minn siti tal-baħar (aktar minn 17 500 km²), l-aktar fi Franza, id-Danimarka u Spanja.

Fost is-siti ġodda tal-baħar inklużi għar-reġjun tal-Atantiku hemm medda ta' 680 km² tal- estwarju tal-Loire li jkenni sikek ta' baħar kiesaħ u xtut imrammla importanti. Iż-żona hija post ta' trobbija għall-ħut li għadu qed jikber u żona vitali ta' mistrieħ għall-ħut migratorju bħalma huwa s-salamun tal-Atlantiku Salmo salar u l- Laċċa tat-tbajja' Alosa alosa. Id-Danimarka żiedet ukoll xi siti kbar tal-baħar li jinkludu Sydlige Nordsø li kien iddeżinjat għall-konservazzjoni tal-foċena Phocoena phocoena. Il-kontribuzzjoni l-ġdida ta' Spanja għal dan in-netwerk tal-baħar hija El Cachucho, medda ta' baħar 'il barra mix-xatt u għoljiet fil-baħar estensivi li jinsabu fil-baħar Kantabriju 'l barra mill-kosta tat-Tramuntana ta' Spanja. Iż-żona tħaddan fiha diversità eċċezzjonali ta' ħajja tal-baħar li tinkludi diversi sponoż ġganteski li ġew skoperti dan l-aħħar.

L-espansjoni ser iżżid il-ħarsien għal meded ta' ħabitats terrestri ta' valur kbir, minn foresti muntanjużi tal-fagu u mergħat mimlijin fjuri fir-Repubblika Ċeka għal lagi u artijiet mistagħdra estensivi fil-Polonja. Dawn il-ħabitats jipprovdu refuġju vitali għall-aktar speċijiet rari u li jinsabu fil-periklu li jinqerdu fl-Ewropa bħall-lontra Lutra lutra, il-fekruna Ewropea tal-ħawt Emys orbicularis, u l-farfett kbir blu rari Maculinea teleius.

Il-filosofija wara n-netwerk hija li l-bniedem irid jaħdem flimkien man-natura. Attivitajiet bħalma huma l-biedja, it-turiżmu, il-forestrija u l-attivitajiet ta' divertiment jistgħu jibqgħu jitwettqu fi ħdan in-netwerk sakemm dawn ikunu sostenibbli u jkunu jikkomplimentaw l-ambjent naturali.

L-Istati Membri jagħżlu s-siti tagħhom għal Natura 2000 bi sħubija mal-Kummissjoni, u ladarba dawn jintgħażlu, iż-żoni jkunu rikonoxxuti b'mod formali mill-Kummissjoni bħala "Siti ta' Importanza Komunitarja", bħalma ġara llum. Dan il-proċess jikkonferma l-istatus formali tas-siti, u jnaqqax l-obbligi biex dawn jitħarsu. L-Istati Membri mbagħad ikollhom sitt snin biex idaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ ġestjoni meħtieġa.

Il-medda ta’ żoni protetti hija vasta, minn mergħat mimlijin fjuri sa sistemi ta' għerien u laguni. Id-disa’ reġjuni bijoġeografiċi tan-netwerk jirriiflettu l-varjetà wiesgħa tal-bijodiversità tal-UE.

Għaliex hija importanti?

Il-bijodiversità – ir-riżorsa limitata li hija l-varjetà tal-ħajja fuq wiċċ id-dinja – tinsab fi kriżi. L-ispeċijiet qed jintilfu b’rata mingħajr preċedent b’riżultat tal-attivitajiet tal-bniedem, b’konsegwenzi irriversibbli għall-futur tagħna. L-Unjoni Ewropea qed tiġġieled dan u riċentement stabbilixxiet mira ġdida biex sal-2020 twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità fl-Ewropa, tipproteġi s-servizzi tal-ekosistema bħalma hu d-dakkir tal-fjuri (u terġa' ttejjeb dawn is-servizzi li ma jkunux qed jitħaddmu sew), u żżid il-kontibut tal-UE biex twaqqaf it-telfien globali tal-bijodiversità. Natura 2000 hu għodda ewlenija biex tilħaq dik il-mira.

X’inhu inkluż aktar f’dawn iż-żidiet ġodda?

L-aħħar aġġornament jikkonċerna lil ħmistax-il Stat Membru u jżid l-għadd ta' "Siti ta' Importanza Komunitarja" b'739. Iż-żidiet riċenti jkopru sitt reġjuni bijoġeografiċi – ir-reġjuni tal-Alpi, tal-Atlantiku, ir-reġjuni Boreali, Kontinentali, Mediterranji u r-reġjun Pannonjan.

Dawn jinkludu 459 sit ġdid fil-Polonja li jirrapreżentaw żona totali ta' 8 900 km² li jinkludu diversi lagi tal-ilma ħelu u sistemi ta' xmajjar bil-mogħdijiet tal-għarar u l-foresti naturali assoċjati magħhom.

Ir-Repubblika Ċeka żiedet 229 sit. Dawn jinkludu żoni prinċipali ta' foresti naturali tal-fagu u meded fertili bi pjanti selvaġġi li jilqgħu fihom rikezza ta' flora u fawna.

Nota: Minbarra s-siti addizzjonali, il-listi aġġornati jinkludu wkoll modifiki żgħar għal dawk eżistenti, bħalma huma l-adattamenti taż-żoni ta' siti. Dan jista' jirriżulta li ma jkun hemm l-ebda bidla globali fl-għadd ta' siti iżda f'bidliet fiż-żoni totali koperti min-netwerk.

Għal aktar dettalji tal-lista kompluta mal-aħħar aġġornamenti ara:

http://circa.europa.eu/Public/irc/env/natura_2000/library?l=/candidate_importance/biogeographical&vm=detailed&sb=Title

Ara MEMO/11/9 għal aktar dettalji.

Għal iktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website