Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE ET

IP/11/188

Brussell, is-16 ta’  Frar 2011

Trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-servizzi tal-groundhandling fl-ajruport ta' Ħal-Luqa f'Malta

Il-Kummissjoni Ewropea llum iddeċidiet li tirreferi lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba l-applikazzjoni ħażina tar-regoli dwar il-groundhandling tal-ajruport. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-applikazzjoni ħażina tar-regoli tirriżulta f'nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva għall-forniment tal-fjuwil fl-ajruport ta' Ħal-Luqa, li jista' jwassal għal spejjeż addizzjonali għal-linji tal-ajru u, fl-aħħar mill-aħħar għall-passiġġieri. Wara l-opinjoni motivata li ntbagħtet fl-24 ta' Ġunju 2010(IP/10/813), il-Kummissjoni tqis li Malta għadha mhijiex konformi mal-obbligi legali tagħha u ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

X'inhuma r-regoli tal-UE dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling?

Id-Direttiva 96/67/KE tiftaħ għall-kompetizzjoni is-suq tas-servizzi ta' groundhandling, fosthom l-imbark tal-passiġġieri, il-ġarr tal-bagalji u l-għoti tal-fjuwil lill-ajruplani fl-ajruporti.

Il-leġiżlazzjoni tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex jillimitaw il-ftuħ tas-suq billi jiffissaw għadd massimu ta' fornituri f'erba' kategoriji tal-groundhandling: l-operazzjonijiet tar-rampa (il-gwida tal-ajruplani, it-tagħbija u l-ħatt tal-ikel u x-xorb eċċ.), l-operazzjonijiet tal-bagalji, l-operazzjonijiet tal-merkanzija u l-posta u l-operazzjonijiet tal-għoti tal-fjuwil u ż-żejt. Jekk Stat Membru jagħżel li jillimita l-ftuħ tas-suq tiegħu, dawn għandhom jikkonformaw ma' ċertu kundizzjonijiet, speċjalment f'termini tal-għażla tal-fornituri tas-servizzi (eż. għandu jkun hemm sejħa Ewropea għall-offerti trasparenti u mingħajr diskriminazzjoni). Barra minn hekk, il-fornituri li jwettqu attivitajiet oħra minbarra servizzi ta' groundhandling, huma mitluba jisseparaw il-kontabbiltà.

Il-problema f'Malta

Il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Maltin ma żgurawx verifika indipendenti tas-separazzjoni tal-kontijiet meta wieħed miż-żewġ fornituri tas-servizzi tal-għoti tal-fjuwil huwa wkoll il-maniġer tal-faċilitajiet tal-ħżin u l-forniment tal-fjuwil.

Ir-riżultat huwa n-nuqqas ta' kompetizzjoni effettiva għal forniment tal-fjuwil fl-ajruport ta' Ħal-Luqa, li jista' jwassal għal spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji tal-ajru u, fl-aħħar mill-aħħar għall-passiġġieri.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur tal-UE, ara MEMO/11/86.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website