Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tappella li jkun hemm aċċess universali għall-edukazzjoni qabel dik obbligatorja

European Commission - IP/11/185   17/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/185

Brussell, 17 ta’ Frar 2011

Il-Kummissjoni tappella li jkun hemm aċċess universali għall-edukazzjoni qabel dik obbligatorja

Kważi waħda minn kull tmien unitajiet domestiċi Ewropej tinkludi tifel jew tifla taħt is-sitt snin. Dsatax-il miljun minnhom – jiġifieri wieħed minn kull ħamsa – qegħdin f'riskju ta' faqar. Illum, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed tniedi pjan ta' azzjoni mmirat lejn l-għoti ta' bidu aħjar fil-ħajja lil kull tifel u tifla u t-twaqqif ta' pedamenti għal tagħlim tul il-ħajja, integrazzjoni soċjali, żvilupp personali u impjegabbiltà iktar tard fil-ħajja li jirnexxu. Il-proposti tal-Kummissjoni, li jinkludu appell għal aċċess universali għal edukazzjoni ta' kwalità qabel dik obbligatorja, se jikkontribwixxu wkoll għal tnejn mill-miri prinċipali tal-istrateġija tal-Kummissjoni "Ewropa 2020" – li jitnaqqas il-proporzjon ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10 % u li tal-inqas 20 miljun ruħ jegħlbu r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, qalet: "L-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija huwa wieħed mill-aqwa investimenti li nistgħu nagħmlu għal uliedna – u għall-futur tal-Ewropa. Investiment f'edukazzjoni ta' kwalità qabel dik obbligatorja huwa ħafna iktar effettiv minn intervent fi stadju iktar tard. Dan jagħti liż-żgħażagħ tagħna ċans aħjar fil-ħajja u tabilħaqq jiffranka l-flus fil-medda t-twila taż-żmien. Soluzzjoni għaċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar u l-iżvantaġġ tfisser ukoll inqas spejjeż għal min iħallas it-taxxi għas-servizzi tas-saħħa u tal-isptar, għall-edukazzjoni ta' dawk li jibqgħu lura, għall-benefiċċji soċjali u għall-pulizija."

F'ħafna mill-Istati Membri, l-edukazzjoni obbligatorja tibda mill-età ta' ħames snin jew sitta, iżda f'Ċipru, fil-Lussemburgu u fl-Irlanda ta' Fuq fir-Renju Unit tibda iktar kmieni. Il-livell tas-servizzi disponibbli għat-tfal iż-żgħar saż-żmien meta jibdew l-edukazzjoni obbligatorja jvarja b'mod kunsiderevoli madwar l-Ewropa fir-rigward ta' finanzjament, tmexxija u politiki tal-persunal.

Fl-2009, il-Ministri tal-Edukazzjoni stabbilixxew mira ta' 95 % għat-tfal mill-età ta' erba' snin, biex dawn jirċievu edukazzjoni u kura minn kmieni fit-tfulija tagħhom. Il-medja attwali tal-UE hija ta' 92,3 %, iżda anki hawnhekk, iċ-ċifri jvarjaw b'mod kunsiderevoli u ma jirriflettux neċessarjament il-kwalità tas-servizzi mogħtija.

Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea ġew preżentati bħala tweġiba għal talba li għamlu l-Istati Membri f'Mejju 2009, wara li adottaw il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ, biex jitkejjel u jiġi analizzat il-progress madwar l-UE fit-titjib tal-aċċess għal edukazzjoni u kura minn kmieni fit-tfulija u għall-identifikazzjoni tal-aqwa prattika.

Il-proposti tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tappella għal:

  • Aċċess universali għal edukazzjoni ta' kwalità qabel dik obbligatorja, ibbażat fuq finanzjament stabbli u tmexxija tajba

  • Approċċ integrat lejn l-edukazzjoni u l-kura, li jqis il-bżonnijiet tat-tfal b'mod olistiku

  • Kurrikuli li jkunu adattati għall-etajiet differenti b'bilanċ xieraq ta' ħiliet tekniċi u soċjali

  • Fowkus ikbar fuq il-professjonalizzazzjoni tal-persunal bi kwalifiki, salarji u kondizzjonijiet tax-xogħol xierqa

  • Sistemi u standards għall-monitoraġġ tal-progress, li jiżguraw il-kwalità.

Il-pjanijiet tal-Kummissjoni se jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' tliet inizjattivi prinċipali ta' Ewropa 2020 "Żgħażagħ Attivi", "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi" u l-"Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar".

Il-passi li jmiss

Il-proposti tal-Kummissjoni se jiġu diskussi mill-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE f'Mejju. Il-Ministri se jidentifikaw il-prijoritajiet u l-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-iskambju tal-ideat u l-kisba ta' lezzjonijiet mill-politiki li jiffunzjonaw l-aħjar. Il-Kummissjoni se tagħti prijorità wkoll lill-investimenti fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kura bikrija permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll permezz ta' appoġġ mill-Programm għat-Tagħlim tul il-Ħajja u s-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

Biex tkun taf aktar:

Il-Kummissjoni Ewropea: Komunikazzjoni [COM(2011)66] "Edukazzjoni u kura bikrija fit-tfulija: l-għoti tal-aqwa bidu għad-dinja ta' għada lit-tfal kollha tagħna".

Il-Kummissjoni Ewropea: Kura u edukazzjoni bikrija tat-tfal.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website