Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-tfal fl-UE jakkwistaw protezzjoni addizzjonali kontra l-ħtif internazzjonali

European Commission - IP/11/1582   21/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-tfal fl-UE jakkwistaw protezzjoni addizzjonali kontra l-ħtif internazzjonali

Brussell, il-21 ta' Diċembru 2011 - Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-UE taċċetta lir-Russja u lil seba' pajjiżi oħra bħala partijiet għal konvenzjoni internazzjonali imfassla għall-prevenzjoni tal-ħtif tat-tfal. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tiżgura r-ritorn fil-pront ta' tfal li jiġu maħtufa minn ġenitur wieħed lejn il-pajjiż ta' residenza abitwali tagħhom u tipproteġi d-drittijiet ta' aċċess lill-ġenituri. Il-ħtif internazzjonali minn ġenitur hija problema globali li taffettwa ħafna eluf ta' tfal kull sena. Il-pass li ttieħed illum effettivament jestendi l-protezzjoni tat-tfal fl-UE għal tmien pajjiżi ġodda: Ir-Russja, l-Albanija, l-Andorra, l-Armenja, il-Gabon, il-Marokk, is-Seychelles u Singapor. Il-Konvenzjoni s'issa ġiet ratifikata minn 86 pajjiż, inklużi l-membri kollha tal-UE.

"Il-prevenzjoni tal-ħtif tat-tfal hija parti essenzjali mill-aġenda tal-UE favur id-drittijiet tat-tfal," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Diġà għandna fis-seħħ regoli stretti li jiżġuraw ir-ritorn ta' tfal maħtufin u li tinstab soluzzjoni malajr għat-tilwimiet fi ħdan l-UE. Billi nilqgħu lir-Russja u oħrajn bħala kontropartijiet tal-UE taħt dan il-ftehim internazzjonali, nistgħu niżguraw li t-tfal ikunu protetti l-istess fuq livell globali wkoll."

Jekk ġenitur wieħed f'każ ta' ħtif jiġi minn barra l-UE, il-Konvenzjoni tal-Aja tapplika biss jekk il-pajjiż ta' oriġini ta' dak il-ġenitur ikun membru tal-Konvenzjoni. L-Istati Membri kollha tal-UE huma parti għall-Konvenzjoni u l-Kummissjoni Ewropea attivament tippromwovi s-sħubija fil-Konvenzjoni fuq livell internazzjonali sabiex it-tfal fl-UE ikollhom protezzjoni aħjar madwar id-dinja.

Dan it-trattat multilaterali ma jfittixx li jiddeċiedi f'każijiet dwar kustodja, iżda jipprovdi għal proċedura li permezz tagħha tfal maħtufa jistgħu jiġu rritornati fil-pront lejn pajjiżhom. Ladarba jiġu rritornati, l-awtoritajiet lokali tal-minorenni jkunu jistgħu jiddeterminaw fejn u ma' min dawn għandhom jgħixu. Il-Konvenzjoni hija mfassla wkoll biex tiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess.

Jekk ġenitur jaħtaf minorenni fl-UE, l-hekk imsejjaħ Regolament ta' Brussell IIa (Regolament tal-Kunsill 2201/2003) jimponi obbligi stretti biex jiżgura r-ritorn tal-minorenni. Skont ir-Regolament, il-qrati fl-Istat Membru tal-UE li għalih jappartjenu t-tfal li jiġu maħtufa ma jistax jirrifjuta ordni għar-ritorn ta' minorenni lejn l-Istat Membru ta' oriġini.

Dejta miġbura dan l-aħħar turi li r-Regolament jiffunzjona tajjeb: B'mod ġenerali, it-tilwim bejn l-Istati Membri tal-UE dwar il-ħtif tat-tfal jiġu riżolt b'mod iktar effikaċi u malajr, grazzi l-aktar għat-tneħħija tal-proċedura kkumplikata 'exequatur'. Dan ifisser li l-qrati jirrikonoxxu u jinfurzaw is-sentenzi ta' Stat Membru ieħor fi żmien iqsar.

Sfond

L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jiddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni Ewropea trid tiddeċiedi jekk taċċettax l-aderenza tar-Russja u ta' pajjiżi oħra.

Minħabba li l-ħtif internazzjonali tat-tfal jaqa' fil-kompetenza esklussiva esterna tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni dwar jekk l-UE, permezz tal-Istati Membri tagħha, għandhiex taċċetta l-adeżjoni ta' pajjiżi oħra għall-Konvenzjoni tal-1980 trid tittieħed permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.

Fi Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat aġenda tal-UE għat-tisħiħ tad-drittijiet tat-tfal billi poġġiet fil-prattika l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (IP/11/156). Din tinkludi sensiela ta’ azzjonijiet konkreti fejn l-UE tista’ tagħti valur miżjud lil-linji ta' politika għall-benesseri u s-sikurezza tat-tfal, inkluża l-promozzjoni ta’ ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, li t-tfal jiġu infurmati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom, u li l-internet ikun aktar sikur għat-tfal.

Għal iktar tagħrif

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Id-Drittijiet tat-tfal

http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/rights-child/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website