Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea toffri gwida lill-industrija tal-assigurazzjoni biex tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fil-primjums tal-assigurazzjoni

Brussell, il-22 ta’ Diċembru 2011 Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat linji gwida biex tgħin lill-industrija tal-assigurazzjoni timplimenta l-istess tariffi għan-nisa u l-irġiel (unisex pricing), wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-primjums differenti għan-nisa u l-irġiel jammontaw għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża Test-Achats tal-1 ta' Marzu 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-assiguraturi żmien sal-21 ta’Diċembru 2012 biex jitrattaw b’mod ugwali lill-konsumaturi individwali irġiel u nisa f’termini ta’ primjums u benefiċċji tal-assigurazzjoni (MEMO/11/123). Il-Viċi-President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding, iltaqgħet mal-assiguraturi l-aktar importanti tal-UE f'Settembru 2011 biex jiddiskutu kif l-industrija għandha tadatta ruħha għad-deċiżjoni tal-Qorti (MEMO/11/624).

Wara konsultazzjonijiet mal-gvernijiet nazzjonali, l-assiguraturi u l-konsumaturi, il-linji gwida l-ġodda tal-Kummissjoni jwieġbu għall-bżonn ta’ gwida prattika dwar l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni. Huma għandhom l-għan li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

"Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tat id-deċiżjoni tagħha fil-kawża Test-Achats fl-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena, wegħidt l-għajnuna tal-Kummissjoni biex l-assiguraturi u l-konsumaturi jadattaw ruħhom għad-deċiżjoni," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja u l-Viċi President tal-Kummissjoni, Viviane Reding. “Bl-adozzjoni ta’ dawn il-linji gwida sena sħiħa qabel l-għeluq taż-żmien biex ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti, irrispettajna l-impenn tagħna. Issa huwa f’idejn l-industrija tal-assigurazzjoni li tiżgura li jkun hemm tranżizzjoni mingħajr xkiel għal trattament totalment indaqs tal-irġiel u n-nisa fl-assigurazzjoni. Il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti dwar fil-mod kif l-industrija timplimenta d-deċiżjoni tal-qorti.” Nistenna li l-assiguraturi li jibdlu għal tariffa li tgħodd kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel ikollhom vantaġġ ta' kompetittività fis-suq Ewropew."

Il-Kummissarju tal-UE għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier qal: “Kien hemm xi tħassib fost l-assiguraturi fir-rigward tal-impatt u l-konsegwenzi ta’ din is-sentenza importanti, b’mod partikolari f’dan iż-żmien meta l-assiguraturi, bħall-parteċipanti l-oħrajn kollha fis-suq finanzjarju, qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi importanti. Nemmen li dawn il-linji gwida se jkunu ta’ għajnuna għall-industrija u se jgħinu lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jadattaw il-kuntratti u l-primjums tagħhom biex ikunu jistgħu jiżguraw konformità sħiħa u tempestiva mas-sentenza. Dan se jkun ta’ benefiċċju kemm għall-industrija kif ukoll għad-detenturi ta' poloz.”

Il-linja gwida li ġew adottati llum ikopru sensiela ta’ kwistjonijiet li rriżultaw mill-konsultazzjonijiet fil-fond li saru mal-Istati Membri u l-partijiet interessati. Pereżempju, jiċċaraw li d-deċiżjoni tapplika biss għall-kuntratti l-ġodda, b'mod partikolari għall-kuntratti li jiġu konklużi mill-21 ta’ Diċembru 2012. Huma jagħtu wkoll eżempji speċifiċi ta’ x’jitqies bħala “kuntratt ġdid” biex jiżguraw li r-regola li tgħodd kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel (unisex rule) tiġi applikata b’mod komprensiv fil-livell tal-UE mill-istess data.

Barra minn hekk, il-linji gwida jipprovdu eżempji ta' prattiki tal-assigurazzjoni dwar is-sessi li huma kompatibbli mal-prinċipji tal-primjums u l-benefiċċji li jgħoddu kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u għalhekk mhumiex se jinbidlu minħabba d-deċiżjoni fil-kawża Test-Achats. Dawn il-prattiki huma differenti ħafna, u jvarjaw mill-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi sal-istabbiliment ta' tariffi għar-riassigurazzjoni, l-assigurazzjoni medika jew il-kummerċjalizzazzjoni li jkollha għan speċifiku.

Sfond

L-implikazzjonijiet tas-sentenza kienu diskussi fl-20 ta’ Ġunju mal-Istati Membri u l-partijiet interessati tal- Forum dwar is-Sessi u l-Assigurazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni fl-2009. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Viviane Reding iltaqgħet ukoll mal-mexxejja tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni Ewropej fil-21 ta’ Settembru.

Id-deċiżjoni fil-kawża Test-Achats ma tfissirx li n-nisa dejjem se jħallsu l-istess primjums għall-assigurazzjoni tal-karozzi bħall-irġiel.

Bħalissa, xufier żagħżugħ għaqli jħallas aktar għall-assigurazzjoni tal-karozza, għall-fatt biss li huwa raġel. Skont id-deċiżjoni, l-assiguraturi ma jistgħux jagħmlu aktar użu mis-sess ta' persuna bħala fattur determinanti tar-riskju biex jiġġustifikaw differenzi fil-primjums tal-individwi. Iżda l-primjums imħallsin minn xufiera għaqlin – irġiel u nisa – se jkomplu jonqsu abbażi l-imġiba fis-sewqan individwali tagħhom. Id-deċiżjoni ma taffettwax l-użu ta’ fatturi leġittimi oħra tal-valutazzjoni tar-riskju u l-prezz se jkompli jirrifletti r-riskju. Is-sess ta' persuna huwa fattur determinanti fil-valutazzjoni tar-riskju għal mill-anqas tliet kategoriji ewlenin tal-prodott: l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, l-assigurazzjoni tal-ħajja/l-annwalitajiet u l-assigurazzjoni privata tas-saħħa.

Fit-tliet kategoriji, x’aktarx li tranżizzjoni favur l-istess tariffi għan-nisa u l-irġiel se jkollha konsegwenzi fuq il-primjums u/jew il-benefiċċji fil-livell individwali għall-irġiel u n-nisa. Il-primjums jistgħu jogħlew jew jonqsu għal ċerti kategoriji ta' konsumaturi, skont il-prodott ikkonċernat.

L-industrija tal-assigurazzjoni hija kompetittiva u innovattiva. Għandha tkun f'pożizzjoni biex twettaq dawn l-aġġustamenti u toffri prodotti attraenti li jgħoddu kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel lill-konsumaturi mingħajr impatt mhux ġustifikat fuq il-livell globali tal-prezzijiet. It-tnaqqis fil-prezzijiet li jirriżulta mill-istess tariffi għan-nisa u l-irġiel għandu jiġi mgħoddi lill-konsumaturi bl-istess livell ta’ ġustizzja bħalma huma żidiet fil-prezzijiet.

Il-kawża Test-Achats (C-236/09), li ġiet rinvijata mill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, kienet dwar diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess fit-tariffi tal-assigurazzjoni. Fl-1 ta’ Marzu 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat eżenzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament indaqs, li tippermetti lill-Istati Membri jżommu d-divrenzjar bejn l-irġiel u n-nisa fil-primjums u l-benefiċċji tal-individwi, invalida b'effett mill-21 ta’ Diċembru 2012.

Id-Direttiva ta l-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi (adottata b'mod unanimu mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess diretta u indiretta barra mis-suq tax-xogħol.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jiddikjara li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-kuntratti ġodda kollha konklużi wara l-21 ta' Diċembru 2007 l-iżjed tard, l-użu tas-sess bħala fattur fil-kalkolu ta’ premiums u benifiċċji għal ħtiġiet ta’ assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati ma għandux jirriżulta f’differenzi fil-premiums u l-benefiċċji ta’ individwi."

Qabel id-deċiżjoni, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva kien jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jidderogaw mill-unisex rule fir-rigward tal-kuntratti ta' assigurazzjoni: “[L]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu qabel il-21 ta' Diċembru 2007 li jippermettu differenzi proporzjonati fi primjums u benefiċċji ta’ individwi fejn l-użu tas-sess huwa fattur determinanti fl-istima ta’ riskju bbażat fuq data attwarjali u statistika rilevanti u preċiża. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u jiżguraw li tiġi miġbura, pubblikata u regolarment aġġornata data preċiża, rilevanti għall-użu tas-sess bħala fattur attwarjali determinanti.”

L-Istati Membri kollha għamlu użu minn din id-deroga għal xi kuntratti tal-assigurazzjoni jew għal kollha kemm huma. Il-liġi Belġjana tinkludi deroga għall-assigurazzjoni tal-ħajja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Kwistjoni dwar il-legalità tad-deroga tal-Belġju wasslet għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Test-Achats.

Il-Qorti sabet li l-eżenzjoni għall-unisex rule fl-Artikolu 5(2) hija inkompatibbli mal-iskop tad-Direttiva kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) u, għalhekk, hija inkompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Il-Qorti ddeċidiet li:

“L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi, huwa invalidu b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2012."

Għal iktar tagħrif

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website