Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nimmodernizzaw l-akkwist pubbliku Ewropew biex nappoġġaw it-tkabbir u l-impjiegi

European Commission - IP/11/1580   20/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Nimmodernizzaw l-akkwist pubbliku Ewropew biex nappoġġaw it-tkabbir u l-impjiegi

Brussell, l-20 ta' Diċembru 2011 - Kull sena, l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu 18 % tal-PDG f'oġġetti, servizzi u xogħlijiet. F'dawn iż-żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji u diffikultajiet ekonomiċi fil-maġġoranza tal-Istati Membri, aktar minn qatt qabel, il-politika tal-akkwist pubbliku jeħtieġ li tiżgura l-użu ottimali ta' dawn il-fondi, sabiex tappoġġa t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi u b'dan il-mod tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-reviżjoni tad-Direttivi rigward l-akkwist pubbliku, imħabbra llum mill-Kummissjoni, tagħmel parti minn programm kumplessiv bil-għan li jimmodernizza profondament l-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Dan il-programm jinkludi wkoll Direttiva dwar il-konċessjonijiet, li sal-lum huma biss parzjalment irregolati fil-livell Ewropew u li jippreżentaw speċifiċitajiet li jiġġustifikaw test separat, filwaqt li tinżamm il-koerenza mar-riforma ġenerali.

Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku hija waħda mit-tnax-il azzjoni prijoritarja stabbiliti fl-Att dwar is-Suq Uniku, adottat f'April 2011 (IP/11/469). Fil-fatt, l-effiċjenza fl-akkwist pubbliku saret prijorità għall-Istati Membri kollha huma u jaffrontaw ir-restrizzjonijiet baġitarji attwali. Għalhekk huma meħtieġa għodod li jkunu flessibbli u faċli biex jintużaw, li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-fornituri tagħhom jikkonkludu bl-eħfef mod possibbli kuntratti trasparenti u kompetittivi, biex l-akkwist isir bl-aqwa relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz ("value for money").

Il-Kummissarju responsabbli għas-suq intern u s-servizzi, Michel Barnier, stqarr: "Din ir-riforma hija meħtieġa, ambizzjuża u realista. Id-Direttivi attwali tawna prova tal-valur tagħhom, iżda jeħtieġ li jevolvu. Nixtieq nagħmel mezz li d-Direttivi dwar is-swieq pubbliċi jkunu aktar sempliċi, aktar effettivi, u jiffaċilitaw il-ħajja ta' dawk li huma involuti ta' kuljum fl-akkwist pubbliku. Il-proposta għal Direttiva dwar il-konċessjonijiet tirrappreżenta, min-naħa tagħha, it-temma tas-suq intern tal-akkwist pubbliku, u nispera li tippermetti żidiet sostanzjali f'termini ta' effiċjenza fl-infiq pubbliku u ta' tkabbir ekonomiku fis-snin li ġejjin."

Kuntest

Il-modernizzazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-akkwist pubbliku

Ir-riforma proposta għandha l-għan li timmodernizza profondament l-għodod u l-istrumenti eżistenti.

1. L-għan ewlieni huwa li tissemplifika r-regoli u l-proċeduri u li tagħmilhom aktar flessibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi b'mod partikolari:

  • il-possibbiltà li wieħed jirrikorri dejjem aktar għan-negozjar, għaliex dan jippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jakkwistaw oġġetti u servizzi li jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom u bl-aqwa prezz;

  • l-estensjoni, u fuq perjodu ta' żmien medju, il-ġeneralizzazzjoni tal-komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, għaliex dan jikkonsisti minn mezz essenzjali ta' simplifikazzjoni tal-offerti pubbliċi;

  • tnaqqis drastiku tal-piż amministrattiv, partikolarment id-dokumentazzjoni meħtieġa mill-operaturi ekonomiċi, li għandu jiffaċilita l-ħidma tal-operaturi ekonomiċi.

2. Tiffavorixxi l-aċċess għall-akkwist pubbliku min-naħa tal-SMEs: l-aċċess se jiġi ffaċilitat u miżjud permezz tal-miżuri li se jnaqqsu l-piż, u inċentiv qawwi lejn it-tqassim ta' offerti f'lottijiet, kif ukoll il-limitazzjoni tar-rekwiżiti ta' kapaċità finanzjarja meħtieġa biex wieħed jitfa' offerta.

3. Fl-istess ħin, ir-riforma proposta għandha l-għan li tiffaċilita użu kwalitattiv aħjar tal-akkwist pubbliku permezz ta' titjib fil-kunsiderazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali, sew jekk ikunu relatati mal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja u sew jekk ikunu relatati mal-inseriment ta' persuni vulnerabbli u żvantaġġati, biex b'hekk tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.

4. Ir-riforma tinkludi wkoll:

  • titjib tal-garanziji eżistenti bil-għan li jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, il-favoritiżmu u l-korruzzjoni, sabiex l-integrità tal-proċeduri tiġi żgurata dejjem aktar filwaqt li jitqiesu l-kwistjonijiet finanzjarji;

  • il-ħatra mill-Istati Membri ta' awtorità nazzjonali unika li tkun responsabbli mis-sorveljanza, l-eżekuzzjoni u l-kontroll tal-kuntratti pubbliċi, sabiex tiżgura infurzar aħjar tar-regoli fil-prattika.

Id-Direttiva dwar il-konċessjonijiet: tikkompleta l-qafas legali tal-akkwist pubbliku Ewropew

Il-proposta għal Direttiva dwar il-konċessjonijiet tkopri l-ftehimiet ta' sħubija bejn entità li ġeneralment tkun pubblika u impriża li spiss tkun privata, fejn din tal-aħħar tassumi r-riskju ta' ġestjoni fir-rigward tal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastrutturi (portijiet, distribuzzjoni tal-ilma, parkeġġi, rotot fejn titħallas tariffa awtostradali, eċċ.) jew tal-forniment tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (l-enerġija, is-saħħa, id-distribuzzjoni u t-trattament tal-ilma, ir-rimi tal-iskart eċċ.).

Il-proposta ttemm is-sistema Ewropea tal-akkwist pubbliku: fil-fatt, il-kamp ta' applikazzjoni tagħha se jinkludi wkoll il-konċessjonijiet tas-servizzi, l-unika konċessjoni li s'issa għadha mhijiex irregolata minn leġiżlazzjoni sekondarja. Ir-regoli proposti għandhom l-għan li jistabbilixxu qafas legali ċar li jiżgura l-garanzija legali meħtieġa mill-awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom. Ir-regoli jimmiraw li jiggarantixxu aċċess effettiv għas-suq tal-konċessjonijiet mill-impriżi Ewropej kollha, inklużi l-impriżi żgħar u medji, u b'hekk se jgħinu biex jistimolaw Sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat li għalihom il-konċessjonijiet jikkostitwixxu għodda privileġġata.

B'hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi l-pubblikazzjoni obbligatorja tal-konċessjonijiet f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Qed tipproponi wkoll li jiġu speċifikati l-obbligi tal-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-għażla tal-kriterji tal-għażla u tal-għoti, li jiġu imposti ċerti garanziji bażiċi li għandhom jiġu rrispettati waqt il-proċedura tal-għoti, u li l-benefiċċji tad-Direttiva rigward rikors għal akkwist pubbliku jiġu estiżi għal kull persuna li tkun interessata tikseb konċessjoni, kif ukoll li jiġu adottati ċerti kjarifiki, pereżempju, dwar l-emendi tal-konċessjonijiet li jinsabu għaddejjin bħalissa.

Id-dispożizzjonijiet previsti ma joħolqux piż amministrattiv żejjed u se japplikaw biss għal konċessjonijiet kbar fejn l-interess transkonfinali jkun evidenti.

Il-passi li jmiss

Il-proposti tal-Kummissjoni se jiġu trażmessi lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Parlament Ewropew bil-għan li titnieda l-proċedura leġiżlattiva għall-adozzjoni tagħhom, li skont l-Att dwar is-Suq Uniku hija prevista għal qabel tmiem l-2012.

Ara wkoll MEMO/11/931 u MEMO/11/932.

Għal aktar tagħrif dwar il-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, żur:

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website