Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tadotta Qafas tal-Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-UE

Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Qafas tal-Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) fl-UE. Dawn is-servizzi jipprovdu xibka tas-sigurtà essenzjali f’oqsma bħas-servizzi tas-saħħa, is-servizzi għall-anzjani, is-servizzi għat-tfal, l-assistenza għall-persuni b’diżabbiltajiet u l-akkomodazzjoni soċjali. Għandhom ukoll sehem kbir x’jagħtu fl-ekonomija tal-konoxxenza fil-livelli tal-iskejjel, taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-universitajiet. F’mument meta l-awtoritajiet pubbliċi qed iħabbtu wiċċhom mal-ħtieġa ta’ konsolidament fiskali, huwa essenzjali li niżguraw li jkollna l-qafas li għandna bżonn sabiex ikunu jistgħu jingħataw servizzi ta' kwalità għolja b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u li jagħti l-aħjar riżultati possibbli meta mqabbel mal-kostijiet.

Il-President Barroso qal, “Fil-Linji Gwida Politiċi tiegħi fl-2009 għamiltha ċara li s-Servizzi ta’ Interess Ġenerali għandhom sehem kbir biex niggarantixxu l-koeżjoni soċjali u li jistgħu wkoll jixprunaw it-tiftix għal għejun ġodda ta’ tkabbir. Dan il-qafas tal-kwalità li adottajna llum huwa konferma tad-determinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ssostni s-servizzi pubbliċi innovattivi u ta’ kwalità għolja, li huma saħansitra aktar meħtiġin fil-qagħda ekonomika iebsa ta’ bħalissa.

Dan il-qafas se jgħin lill-Istati Membri jiżguraw li l-ambjent regolatorju fil-livell tal-UE jibqa’ jsaħħaħ id-dimensjoni soċjali tas-suq uniku, u biex waqt it-tfassil ta’ inizjattivi ġodda jagħtu aktar kas tan-natura speċifika ta’ dawn is-servizzi. Lill-Istati Membri se jgħinhom ukoll biex iwettqu dawn is-servizzi b’mod li jinkorpora l-valuri tal-kwalità, tas-sigurtà u tal-prezzijiet konvenjenti, tat-trattament indaqs, tal-aċċess universali u tal-jeddijiet ta’ min jużahom, li huma rrikonoxxuti fil-Protokoll 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-qafas tal-kwalità jikkonsisti fi tliet linji ta’ azzjoni li jikkumplimentaw lil xulxin:

  • It-titjib taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali rigward kif ir-regoli tal-UE japplikaw għas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) u, meta jkun meħtieġ, ir-reviżjoni tar-regoli sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi. Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta r-riformi ta’ żewġ pakketti ewlenin ta’ regoli – għall-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ u għall-akkwist pubbliku/għall-konċessjonijiet – li t-tnejn li huma se jkabbru l-flessibbiltà u s-simplifikazzjoni għall-Istati Membri meta jipprovdu dawn is-servizzi. Dawn ir-riformi għandhom ukoll l-għan li jkabbru l-konverġenza bejn iż-żewġ linji politiċi, sabiex l-affarijiet isiru aktar faċli għal dawk li għandhom interess fil-qasam.

  • L-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi essenzjali: il-Kummissjoni se tissokta bl-impenn tagħha biex tiżgura li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali f’oqsma speċifiċi, b’mod li jibni fuq azzjonijiet riċenti fil-qasam tas-servizzi bankarji bażiċi, tas-servizzi postali, tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, tat-trasport u tal-enerġija.

  • Il-promozzjoni tal-kwalità: Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-impenn tagħha biex tippromwovi l-kwalità fil-qasam tas-servizzi soċjali, u se tuża l-kisbiet li saru f’dan il-qasam bħala xempju għal servizzi oħrajn ta’ interess ġenerali.

Sfond

Kien fil-bidu tat-tieni mandat tiegħu li l-President Barroso identifika s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħala prijorità. Il-Linji Gwida Politiċi tiegħu tal-20091 diġa jagħrfu l-importanza tagħhom għall-mudell Ewropew tas-soċjetà u jirreferu għall-modernizzazzjoni tas-settur tas-servizzi bħala mod kif tingħata spinta lil għejun ġodda tat-tkabbir u tal-koeżjoni soċjali.

Filwaqt li t-Trattat dejjem żgura li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà li jipprovdu servizzi ta’ kwalità ta’ dan it-tip, it-Trattat ta’ Lisbona daħħal dispożizzjonijiet ġodda: L-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Protokoll nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, lill-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tah l-istess valur legali daqs it-Trattati. Huwa f'dan il-kuntest ġdid li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiġbor flimkien f’qafas tal-kwalità wieħed il-pakkett komprensiv ta’ azzjonijiet li trid twettaq fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ġenerali. Dan il-qafas se jgħin lill-Kummissjoni biex twettaq l-impenn aktar ġenerali li lill-ekonomija soċjali u lill-innovazzjoni soċjali tpoġġihom fil-qalba tal-ħidma tagħha bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020.2

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/speeches-statements/pdf/20111220_1_fr.pdf

Għal aktar dettalji dwar il-pakkett irrivedut tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ, jekk jogħġbok ara IP/11/1571 u MEMO/11/929.

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Olivier Bailly (+32 2 296 87 17)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)

1 :

"Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss". Brussell, it-3 ta’ Settembru 2009.

2 :

“Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" COM (2010) 2020.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website