Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta regoli ġodda dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI)

Commission Européenne - IP/11/1571   20/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tadotta regoli ġodda dwar servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI)

Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011 – Wara konsultazzjonijiet pubbliċi estensivi, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett rivedut ta’ regoli tal-UE dwar għajnuna mill-istat għall-valutazzjoni tal-kumpens pubbliku għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI). Il-pakkett il-ġdid jiċċara l-prinċipji ewlenin tal-għajnuna mill-Istat u jintroduċi approċċ diversifikat u proporzjonat b'regoli aktar sempliċi għall-SGEIs li huma żgħar, b’ambitu lokali jew li jsegwu għan soċjali, filwaqt li jittieħed kont aħjar dwar il-konsiderazzjonijiet tal-kompetizzjoni għall-każijiet il-kbar.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat mill-politika tal-kompetizzjoni Joaquín Almunia ddikjara: “Il-pakkett il-ġdid tal-SGEI jipprovdi lill-Istati Membri b’qafas aktar sempliċi, aktar ċar u aktar flessibbli sabiex jingħata appoġġ għat-twettiq ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja liċ-ċittadini, li saru ferm aktar meħtieġa f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi. Id-dmir tal-Kummissjoni, naturalment, huwa li tiżgura li kumpaniji fdati b’servizzi ta’ interess ġenerali ma jiġux ikkumpensati żżejjed, għas-salvagwardja ta’ attivitajiet u impjiegi f’kompetizzjoni, u li tiggarantixxi l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi skarsi."

L-Istati Membri huma ħielsa li jiddefinixxu liema servizzi huma ta’ interess ġenerali. Iżda, l-Kummissjoni trid tiżgura li l-fondi pubbliċi mogħtija għall-forniment ta’ tali servizzi ma jgħawwġux bla bżonn il-kompetizzjoni fis-suq intern.

Ir-regoli l-ġodda, li jissostitwixxu l-hekk imsejjaħ Pakkett "Monti-Kroes" ta’ Lulju 2005, jiċċaraw kunċetti bażiċi bħal ‘attività ekonomika’ sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-regoli minn gvernijiet nazzjonali iżda wkoll dawk reġjonali jew lokali.

Is-servizzi soċjali kollha jiġu eżentati mill-obbligu tan-notifika lill-Kummissjoni, ikun kemm ikun l-ammont ta’ kumpens irċevut. Is-servizzi kkonċernati għandhom jissodisfaw "il-ħtiġijiet soċjali fir-rigward tas-saħħa u l-kura fit-tul, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għal u r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol, abitazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli. Qabel l-isptarijiet u l-akkomodazzjoni soċjali biss kienu eżentati. L-SGEIs oħra huma eżentati sakemm l-ammont ta’ kumpens huwa inqas minn EUR 15-il miljun fis-sena.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġi stabbilit l-ammont minimu ta’ kumpens għas-servizzi l-oħra t’hawn taħt meta l-miżura titqies ħielsa mill-għajnuna. L-ammont de minimis tal-SGEI għandu jiġi stabbilit għal EUR 500,000 fuq tliet snin. Dan ser inaqqas il-burokrazija għall-SGEIs żgħar. Fir-rebbiegħa ser tittieħed deċiżjoni aħħarija dwar dan.

Min-naħa l-oħra, fil-futur se jkun hemm skrutinju akbar ta’ SGEIs oħra li jinvolvu ammonti ta’ kumpens ta’ aktar minn EUR 15-il miljun fis-sena u fejn il-potenzjal għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku huwa ogħla. Kull meta possibbli, l-SGEI għandu jiġi mogħti permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti miftuħa u trasparenti sabiex tiġi żgurata l-aħjar kwalità bl-orħos prezz għal dawk li jħallsu t-taxxa, u li jħallsu għas-servizzi.

Aktar tagħrif

Il-pakkett il-ġdid jikkonsisti f’erba’ strumenti li se japplikaw għall-awtoritajiet kollha (nazzjonali, reġjonali, lokali) li jagħtu kumpens għall-forniment ta’ SGEI:

Komunikazzjoni ġdida li tiċċara l-kunċetti bażiċi ta’ għajnuna mill-Istat li huma rilevanti għall-SGEI, bħall-kunċetti ta’ għajnuna, l-SGEI, l-attività ekonomika, il-konverġenza bejn proċeduri tal-akkwist pubbliku u l-assenza ta’ għajnuna, eċċ.

Deċiżjoni riveduta, li teżenta lill-Istati Membri mill-obbligu li jinnotifikaw kumpens għal servizzi pubbliċi għal ċerti kategoriji ta’ SGEI lill-Kummissjoni. L-eżenzjoni ġiet estiża mill-isptarijiet u l-akkomodazzjoni soċjali għal firxa ferm usa’ ta’ servizzi soċjali, u livell illimitat b’anqas kumpens japplika għal notifiki li jagħtu bidu għal attivitajiet tal-SGEI oħra. Il-livell limitu tan-notifika tbaxxa minn EUR 30 miljun għal EUR 15-il miljun, filwaqt li ttieħed kont tat-tħassib tal-partijiet interessati dwar il-livell limitu preċedenti li ħalla barra kuntratti ta’ kobor f’oqsma importanti tas-Suq Intern mill-iskrutinju tal-Kummissjoni.

Qafas rivedut għall-evalwazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ kumpens mogħtija lil operaturi barra mill-qasam tas-servizzi soċjali. Dawn il-każijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli jekk jissodisfaw ċerti kriterji. Ir-regoli l-ġodda jintroduċu, b 'mod partikolari, metodoloġija aktar preċiża biex jiġi determinat l-ammont ta' kumpens, rekwiżit għall-Istati Membri biex jintroduċu inċentivi għall-effiċjenza fil-mekkaniżmi ta’ kumpens, ir-rekwiżit biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, u t-trattament indaqs lill-fornituri tal-istess servizz sabiex jiġi deċiż il-kumpens. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri sabiex jitnaqqsu l-effetti antikompetittivi ta’ ċerti kumpensi li jippreżentaw potenzjal partikolarment qawwi ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Intern.

Proposta ġdida għal Regolament de minimis, li tistipula li kumpens taħt ċertu livell limitu ma jaqax taħt l-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat, hija mistennija li tiġi adottata fir-rebbiegħa tal-2012, wara fażi finali ta' konsultazzjoni.

Sfond

Fl-2003, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq il-valutazzjoni tal-kumpensi għal servizzi pubbliċi fil-kuntest tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (Każ C-280/00 Altmark Trans). Il-Kummissjoni sabiex tieħu kont ta’ din is-sentenza, adottat l-ewwel pakkett tal-SGEI (magħruf wkoll bħala "il-Pakkett Monti-Kroes ", ara IP/05/937). Il-pakkett daħal fis-seħħ f’Lulju 2005 u speċifika l-kondizzjonijiet li taħthom l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi hija kompatibbli mat-Trattat KE, (illum it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE).

F'Marzu 2011 il-Kummissjoni nediet dibattitu wiesa’ dwar ir-reviżjoni tal-pakkett, li se jiskadi fi tmiem l-2011 (ara IP/11/347). F’Settembru 2011 il-Kummissjoni kkonsultat il-partijiet interessati dwar il-proposti għal regoli ġodda (ara http://ec.europa.eu/competition/consultations/2011_sgei/index_en.html). Il-Kummissjoni rċeviet kontribuzzjonijiet siewja mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-partijiet interessati. Sussegwentement, l-abbozzi ġew riveduti biex jieħdu kont tal-kummenti tal-partijiet interessati.

Il-pakkett leġiżlattiv ġdid (it-tliet testi diġà adottati) jinsab:

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/sgei.html

Għal iktar dettalji, jekk jogħġbok ara IP/11/1579,MEMO/11/929.

Kuntatti :

Amelia Torres (+32 2 295 46 29)

Maria Madrid Pina (+32 2 295 45 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site