Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-UE tagħmel sejħa għal azzjoni immedjata biex jonqos il-qgħad fost iż-żgħażagħ

Commission Européenne - IP/11/1568   20/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-UE tagħmel sejħa għal azzjoni immedjata biex jonqos il-qgħad fost iż-żgħażagħ

Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011 - Fi sfond persistenti ta’ rata Ewropea ta’ 21% ta’ żgħażagħ bla xogħol, il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u tan-negozju biex jingħaqdu u jieħdu azzjoni deċiżiva biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ. L-"Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ" il-ġdida, adottata mill-Kummissjoni llum, tagħmel sejħa lill-Istati Membri biex jaħdmu kontra t-tluq mill-iskola qabel iż-żmien; jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol; jiżguraw l-esperjenza tax-xogħol u t-taħriġ fil-post tax-xogħol u jgħinu liż-żgħażagħ isibu l-ewwel post tax-xogħol xieraq. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew li għad għandu EUR 30 biljun ta’ finanzjament mhux impenjat fuq proġetti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat sett ta’ azzjonijiet konkreti biex jiġu direttament iffinanzjati mill-fondi tal-UE.

L-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ – il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso, qal - turi liż-żgħażagħ madwar l-Ewropa li aħna attenti għas-sitwazzjoni tagħhom. Smajna is-sejħiet tagħhom ripetuti minn Madrid sa Brussell għal parti fis-soċjetà Ewropea. L-ewwel ħaġa hija li jkollhom xogħol. Jeħtieġ li jkun hemm riformi fit-tul tas-swieq tax-xogħol iżda dawn iridu ż-żmien biex jipproduċu r-riżultati mistennija. Bl-inzjattiva li qed nippreżentaw illum qed niżviluppaw azzjoni aktar immedjata li se tgħin biex jonqos il-qgħad fost iż-żgħażagħ.”

László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni saħaq dwar l-urġenza li tiġi indirizzata r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, huwa u jgħid: “Il-qagħda attwali għaż-żgħażagħ f’ħafna pajjiżi tal-UE qed issir drammatika. Mingħajr azzjoni deċiżiva fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali nissugraw nitilfu din il-ġenerazzjoni bi spiża ekonomika u soċjali kbira”. Filwaqt li enfasizza li skont l-istimi li saru l-piż tal-livelli ta’ qgħad attwali fost iż-żgħażagħ fuq is-soċjetà huwa ta’ madwar EUR 2 biljun fil-ġimgħa, jew ftit iktar minn 1% tal-PDG tal-UE-27, il-Kummissarju żied jgħid: “Ma jistax ikun li din it-tendenza tibqa’ sejra, hemm bżonn li ż-żgħażagħ isibu tama. Huma l-ġejjieni tagħna.”

Il-Kummissjoni se tqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fondi għall-għajnuna teknika biex jagħmlu aktar użu mill-fondi disponibbli tal-UE - speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) li minnhom għad fadal EUR 30 biljun mhux impenjati fuq proġetti.

Aktar Dettalji

L-azzjonijiet ewlenin iffinanzjati direttament mill-Kummissjoni fl-"Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ" il-ġdida huma:

  • l-użu ta’ EUR 4 miljun biex jgħinu lill-Istati Membri jwaqqfu skemi ta’ "garanzija għaż-żgħażagħ" li jiżguraw li erba’ xhur wara li joħorġu mill-iskola ż-żgħażagħ ikunu jew qed jaħdmu, jew qed ikomplu jistudjaw jew jitħarrġu.

  • EUR 1.3 miljun iddedikati bħala appoġġ tat-twaqqif ta’ apprendistati permezz tal-Fond Soċjali Ewropew. Żieda ta’ 10% sa tmiem l-2013 iġġib total ta’ 370,000 apprendistat ġdid.

  • l-użu ta’ EUR 3 miljun mill-Għajnuna Teknika tal-Fond Soċjali Ewropew bħala appoġġ għall-Istati Membri fit-twaqqif ta’ sistemi ta’ appoġġ għal imprendituri żgħażagħ ġodda soċjali u kummerċjali;

  • l-indirizzar kemm jista’ jkun ta’ fondi lejn pjazzament f’intrapriżi u l-mira ta’ mill-inqas 130,000 pjazzament fl-2012 bl-iskemi ERASMUS u Leonardo da Vinci;

  • l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil 5,000 żagħżugħ fl-2012-2013 biex isibu xogħol fi Stat Membru ieħor permezz tal-inizjattiva "L-ewwel xogħol EURES tiegħek";

  • it-tisħiħ tal-allokazzjoni baġitarja għas-Servizz Volontarju Ewropew biex jiġu pprovduti mill-inqas 10,000 opportunità ta’ volontarjat fl-2012;

  • il-preżentazzjoni ta’ qafas fl-2012 għal boroż ta’ studju għal taħriġ ta’ kwalità għolja fl-UE;

  • l-iżgurar ta’ madwar 600 skambju ieħor bl-iskema Erasmus għall-imprendituri fl-2012.

L-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni se jlestu t-triq għall-Istati Membri biex jiżviluppaw aktar miżuri marbuta maż-żgħażagħ bis-saħħa tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi tal-Fond Soċjali Ewropew u bħala parti mill-baġit tal-UE għall-2014-2020.

Sfond

Hemm ħames miljun żagħżugħ u zagħżugħa bla xogħol bħalissa fl-UE u 7.5 miljun ta’ età bejn il-15 u l-24 sena li attwalment la ma huma jistudjaw u lanqas jitħarrġu. Dan jirrigwarda mhux biss żgħażagħ ta’ ħiliet baxxi li telqu mill-iskola qabel iż-żmien iżda anki gradwati mill-università li dejjem aktar ma jistgħux isibu l-ewwel xogħol tagħhom.

Il-Kummissjoni tixtieq timmobilizza l-atturi kollha kkonċernati kif ukoll il-fondi kollha disponibbli fl-UE biex jittieħdu miżuri li permezz tagħhom ikun hemm tranżizzjonijiet mingħajr intoppi mill-edukazzjoni għax-xogħol kif ukoll tiftaħ aktar l-aċċess għax-xogħol għaż-żgħażagħ qiegħda mal-Ewropa kollha. L-għan hu li tgħin liż-żgħażagħ li mhumiex jistudjaw u lanqas ma huma jaħdmu biex isibu xogħol, jew imorru lura lejn it-taħriġ u biex tgħin lil dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja isibu l-ewwel xogħol tagħhom.

Il-Kummissjoni se tgħin bil-qawwi l-Istati Membri f’dan l-isforz billi tipprovdilhom linji gwida ta’ politika kif ukoll għajnuna konkreta. Fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020, wieħed jistenna mill-Istati Membri li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom tal-2012 u l-istrateġiji u l-miżuri li jirrigwardaw iż-żgħażagħ se jiġu indirizzati b’mod sistematiku fl-abbozz tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għall-2012. Il-Kummissjoni se tkompli tevalwa u tanalizza l-miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u se tirrapporta dwar dan lill-Kunsill informali tal-Impjiegi u l-Ministri tal-Politika Soċjali f’April 2012.

Għal aktar informazzjoni:

Il-Komunikazzjoni "Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ":

http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=7276&langId=en 

Memo/11/928

Żgħażagħ Attivi: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=950&langId=en

Contact :

Cristina Arigho (+32 2 298 53 99)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site