Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-reviżjoni tal-leġislazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE: ġestjoni aktar effettiva f’każ ta’ diżastri

European Commission - IP/11/1564   20/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Ir-reviżjoni tal-leġislazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE: ġestjoni aktar effettiva f’każ ta’ diżastri

Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet leġiżlazzjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-protezzjoni ċivili, li se tipprovdi reazzjoni aktar effiċjenti, effettiva u rapida għad-diżastri, kif ukoll azzjonijiet aktar qawwija ta’ prevenzjoni u ta’ preparazzjoni. Il-proposti se jippermettu lill-Ewropa li timxi lil hinn mis-sistema attwali ta’ koordinazzjoni ad hoc lejn waħda fejn l-assistenza tkun ippjanata minn qabel u fejn ikun hemm garanzija li l-għajnuna tasal kull fejn jolqot diżastru.

“Waħda mill-proposti ewlenin hija li jinġabru flimkien ir-riżorsi tal-gruppi u t-tagħmir speċjalizzati tal-Istati Membri b’mod volontarju li ser ikunu disponibbli għall-użu immedjat bħala parti minn reazzjoni kollettiva Ewropea," qalet Kristalina Georgieva, il-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Reazzjoni għall-Kriżijiet.

"Daqstant ieħor huwa importanti li din il-leġislazzjoni tieħu lill-politika tal-Protezzjoni Ċivili lil hinn mir-reazzjoni għad-diżastri u tixħet enfasi ħafna akbar fuq il-ġestjoni tar-riskju u l-prevenzjoni tad-diżastri. L-intenzjoni tagħna hija li dawn il-proposti jistabbilixxu s-sisien ta’ politika komprensiva għall-ġestjoni tad-diżastri għall-Unjoni Ewropea".

Biex jiġġestixxu l-arranġamenti l-ġodda se jiġi stabbilit Ċentru ta’ Reazzjoni għall-Emerġenza (ĊRE), li se jkun qed jipprovdi servizz kontinwu u jagħmilha possibbli li jkun hemm koordinazzjoni aktar effettiva fl-UE meta jseħħu d-diżastri u jiżgura li l-Istati Membri jibqgħu infurmati bis-sħiħ fil-ħinijiet kollha sabiex itejbu l-għoti tal-għajnuna.

Il-Kummissjoni Ewropea trid ukoll li tħeġġeġ iktar kooperazzjoni dwar l-ippjanar bil-quddiem tal-operazzjonijiet Ewropej ta’ reazzjoni għad-diżastri billi, fost miżuri oħra, jiġu rreġistrati l-assi tal-Istati Membri, jitfasslu pjani ta’ kontinġenza kif ukoll jitjieb l-ippjanar tal-ġestjoni tar-riskju. Se tikkunsidra wkoll l-għoti ta’ fondi biex jingħeleb kull distakk identifikat, u tipproponi żieda fl-investiment għat-taħriġ konġunt u l-eżerċizzji transkonfinali. L-arranġamenti tat-trasport ukoll se jiġu razzjonalizzati biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni immedjata tal-għajnuna tal-UE.

L-UE għandha żewġ strumenti ewlenin għad-dispożizzjoni tagħha biex tkun tista’ tipprovdi l-ewwel reazzjoni għad-diżastri: l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili. It-Trattat ta’ Lisbona jistipula li “l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issaħħaħ l-effettività ta' sistemi ta' prevenzjoni ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem u ta' protezzjoni minnhom.”

F’Ottubru 2010 il-Kummissjoni ppreżentat pjan "Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja", li fiha spjegat il-viżjoni tagħha għal reazzjoni tal-UE għad-diżastri, li tkun aktar mgħaġġla u aktar effiċjenti. Dawn is-suġġerimenti rċevew l-appoġġ politiku tal-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew. Il-proposta tal-lum għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE tibni fuq dawn l-ideat.

Sfond

Il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-rispons għad-diżastri fost 31 Stat Ewropew (l-UE-27 u magħhom il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). Il-pajjiżi parteċipanti jiġbru r-riżorsi tagħhom li mbagħad jistgħu jsiru disponibbli għall-pajjiżi milquta mid-diżastri madwar id-dinja kollha. Meta jiġi attivat, il-Mekkaniżmu jiżgura l-għoti ta’ għajnuna kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha. Il-Kummissjoni Ewropea tamministra l-Mekkaniżmu permezz taċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC).

Sa mill-ħolqien tiegħu fl-2001, il-Mekkaniżmu ġie attivat għal diżastri fl-Istati Membri (bħal fil-każ tan-nirien fil-foresti fil-Portugall, l-għargħar fil-Balkani fl-2010 u l-isplużjoni f’bażi navali f’Ċipru fl-2011) imma wkoll madwar id-dinja, inkluż fit-terremoti riċenti fil-Ħaiti, fiċ-Ċili u fil-Ġappun.

Għal iktar tagħrif

MEMO/11/927Moving closer to more effective disaster management in Europe

Il-websajt tal-Kummissarju Georgieva:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/georgieva/index_en.htm

Is-servizzi ta’ Għajnuna Umanitarja u ta’ Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm

Kuntatti :

David Sharrock (+32 2 296 89 09)

Irina Novakova (+32 2 295 75 17)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website