Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: L-UE tagħti aktar sostenn lil 36 pajjiż biex jindirizzaw il-ġuħ, il-mortalità tat-tfal, is-saħħa tal-ommijiet u l-aċċess għall-ilma

Commission Européenne - IP/11/1563   21/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju: L-UE tagħti aktar sostenn lil 36 pajjiż biex jindirizzaw il-ġuħ, il-mortalità tat-tfal, is-saħħa tal-ommijiet u l-aċċess għall-ilma

Brussell, l-21 ta’ Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret li se tagħti aktar fondi għal proġetti mmirati lejn l-aktar Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju li waqgħu lura f’36 pajjiż tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Dan il-finanzjament addizzjonali se jsir biex jitnaqqsu l-ġuħ u l-mortalità tat-tfal, biex jiġi żgurat li titjieb is-saħħa tal-ommijiet, u biex ikun hemm ilma tax-xorb u faċilitajiet sanitarji aħjar. Bid-deċiżjoni tal-lum, l-UE qed twettaq l-inizjattiva tagħha ta’ biljun ewro bħala parti mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, li ħabbritha f'Settembru 2010 waqt il-Laqgħa Għolja tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju fi New York.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, ikkummenta: Dan is-sostenn addizzjonali min-naħa tal-UE se jservi ta’ kontribut kbir għall-ġlieda kontra l-faqar. B’konformità mal-proposti li għamilna dan l-aħħar għal-linja politika futura tal-UE dwar l-iżvilupp, l-‘Aġenda għall-Bidla’, se ninvestu flusna fejn l-aktar li hemm bżonn u fejn nistgħu niksbu riżultati konkreti. Nifraħ li sena wara li fi New York ħabbarna l-inizjattiva bħala parti mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, issa ninsabu lesti biex niffinanzjaw proġetti konkreti fil-pajjiżi infushom. It-tir tagħna hu li nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex ngħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex sal-2015 ikunu laħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Din hija mira li għadna impenjati bis-sħiħ biex nilħquha. Hija għawma kontra l-kurrent, iżda dan mhux iż-żmien li nnaqqsu l-isforzi tagħna.

Eżempji ta’ azzjonijiet li jridu jiġu ffinanzjati bħala parti mill-inizjattiva tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju:

  • li niggarantixxu aċċess aħjar għall-ikel għall-ifqar unitajiet domestiċi f’Ħaiti

  • li nipprovdu l-ħalib għat-tfal fl-iskejjel materni u fl-iskejjel primarji fir-Rwanda

  • li nżidu l-għadd ta’ professjonisti tas-servizzi tas-saħħa fil-Gana sabiex titnaqqas il-mortalità tal-ommijiet

  • li ntejbu l-aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb f’Samoa, l-aktar permezz tal-ġbir tal-ilma tax-xita u ta’ faċilitajiet sanitarji aħjar.

L-inizjattiva tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tiffoka fuq dawk il-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (l-AKP) li fasslu proġetti ta’ kwalità għolja sabiex jiksbu r-riżultati fl-oqsma fejn l-aktar li hemm bżonn li jsir progress: il-ġuħ, l-ilma u s-sanità, is-saħħa tal-ommijiet u l-mortalità tat-tfal. L-allokazzjoni tal-lum tammonta għal EUR 700 miljun. Il-proposti għal proġetti ġew identifikati fi sħubija mal-pajjiżi rispettivi u huma mija fil-mija orjentati lejn il-ksib tar-riżultati billi jagħmlu użu minn indikaturi ċari u li jistgħu jitkejlu sabiex jiġu ggarantiti l-benefiċċji tal-flus addizzjonali li se jingħataw.

Sfond

L-Inizjattiva dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju

L-inizjattiva dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju timmobilizza flus minn wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp, l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ). Hija tipprevedi total ta’ sforz finanzjarju supplimentari ta’ biljun ewro. Rigward l-allokazzjoni ta’ EUR 700 miljun li saret illum, il-Kummissjoni Ewropea u d-delegazzjonijiet tal-UE, b’koordinazzjoni mar-rappreżentanzi tal-Istati Membri tal-UE u mal-awtoritajiet nazzjonali fil-pajjiżi sħabna, dalwaqt se jibdew jaħdmu fuq il-preparazzjoni tat-tfassil iddettaljat tal-proġetti u fuq proposti speċifiċi għall-finanzjament tal-azzjonijiet kollha li se jiġu sostnuti permezz tal-inizjattiva dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, bil-għan li l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti tkun bdiet sa tmiem l-2012. (Għal lista kompluta tal-pajjiżi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju li fir-rigward tagħhom qed jiġu sostnuti proġetti, ara l-MEMO/11/930).

B’mod parallel mad-deċiżjoni tal-lum, madwar EUR 300 miljun mill-inizjattiva dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju qegħdin fil-proċess biex jiġu allokati bħala premju lil 18-il pajjiż li kisbu riżultati tajbin, fl-ambitu tar-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu tal-10 FEŻ.

Progress biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju

Ir-Rapport tal-2011 dwar l-Għanijiet tal-Millennju tan-NU jikkonferma li d-dinja wettqet progress sinifikattiv fir-rigward ta’ wħud mill-għanijiet. Huwa mistenni li sal-2015 il-faqar dinji jkun niżel taħt il-15%, li huwa inqas mhux ħażin mill-mira ta’ 23%. Żieda fil-finanzjamenti u sforzi intensivi ta’ kontroll wasslu għal tnaqqis ta’ 20% fl-imwiet ikkaġunati mill-malarja madwar id-dinja; L-infezzjonijiet tal-HIV qed jonqsu b’ritmu konsistenti u d-disponibbiltà tad-drogi retrovirali għall-HIV/AIDS kibret enormement f’dawn l-aħħar snin. Globalment saru passi kbar biex jiġi ggarantit li kulħadd igawdi minn edukazzjoni primarja.

Għal iktar tagħrif

MEMO/11/930 – Millennium Development Goals: EU gives additional support to 36 countries for tackling major development challenges

Link għas-sit apposta fuq l-internet "EU Contribution to the Millennium Development Goals"

http://ec.europa.eu/europeaid/what/millenium-development-goals/index_en.htm

IP/10/1137 dwar it-tħabbira tal-inizjattiva ta’ biljun ewro bħala parti mill-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju

Is-sit tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni – EuropeAid fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Is-sit tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, fuq l-internet:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Kuntatti :

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site