Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-immodernizzar tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali ser jagħmilha aktar faċli għall-professjonisti biex isibu impjiegi bi kwalifiki fl-Ewropa kollha

European Commission - IP/11/1562   19/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-immodernizzar tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali ser jagħmilha aktar faċli għall-professjonisti biex isibu impjiegi bi kwalifiki fl-Ewropa kollha

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2011 – Hekk kif il-popolazzjoni ta' dawk ta' età li jaħdmu qed tonqos sew1, bejn illum u s-sena 2020, id-domanda għal persuni bi kwalifiki għolja hija proġettata li titla' għal aktar minn 16-il miljun2.impjieg Jekk l-Ewropa trid tissodisfa din id-domanda, jeħtieġ li jitnaqqsu d-diskrepanzi fin-nuqqas ta' ħaddiema – pereżempju permezz ta' professjonisti mobbli u bi kwalifiki għolja minn Stati Membri oħrajn tal-UE. Dawn jafu jkunu sors ewlieni ta' tkabbir, iżda dan jista' jseħħ biss jekk ikunu jistgħu jmorru b'mod faċli fejn ikun hemm l-impjiegi u dan jirrikjedi li l-kwalifiki tagħhom fl-UE jiġu rikonoxxuti b'mod veloċi, sempliċi u affidabbli. Din hija r-raġuni għala llum, il-Kummissjoni adottat proposta għall-immodernizzar tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (Id-Direttiva 2005/36/KE).

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li tissimplifika r-regoli għall-mobbiltà tal-professjonisti fl-UE bill toffri Karta Professjonali Ewropea lill-professjonisti kollha interessati li għandha tippermetti rikonoxximent aktar faċli u veloċi tal-kwalifiki. Il-proposta tiċċara wkoll il-qafas għall-konsumaturi, billi tistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu l-kamp ta' applikazzjoni tal-professjonijiet regolati tagħhom u billi tindirizza t-tħassib pubbliku dwar il-ħiliet lingwistiċi u n-nuqqas ta' twissijiet effettivi dwar negliġenza professjonali, speċjalment fis-settur tas-saħħa.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Illum, l-Ewropa qed tiffaċċja ħafna sfidi. Waħda minnhom ser tkun iż-żieda fid-domanda għal impjieġi bi kwalifiki għolja fl-UE kollha. Il-proposta tal-lum dwar il-kwalifiki professjonali tirrispondi għall-ħtieġa li jkollna sistema ta' rikonoxximent tal-kwalifiki mingħajr ostakli sabiex tappoġġa l-mobbiltà tal-professjonisti fl-UE kollha. Il-proposta ser tagħmilha aktar faċli għal professjonisti bi kwalifiki għolja biex imorru fejn jeżistu postijiet tax-xogħol vakanti. U din ċertament ser tkun ta' benefiċċju għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea. Ninsab konvint li l-idea ta' karta professjonali Ewropea – ċertifikat elettroniku – hija t-triq it-tajba, peress li din tissimplifika u tħaffef il-proċeduri tar-rikonoxximent għall-professjonisti mobbli."

L-elementi ewlenin tal-proposta:

1. L-introduzzjoni ta' karta professjonali Ewropea ser toffri l-possibbiltà lill-professjonisti interessati biex jibbenefikaw minn rikonoxximent aktar faċli u aktar veloċi tal-kwalifiki tagħhom. Għandha wkoll tiffaċilita l-mobbiltà temporanja. Il-karta ser tkun disponibbli skont il-ħtiġijiet espressi mill-professjonisti (pereżempju, l-infermiera, u l-gwidi tal-muntanji wrew interess qawwi biex jużaw din il-karta). Il-karta hija assoċjata ma' proċedura ta' rikonoxximent ottimizzat imwettqa fis-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern eżistenti (IMI) u ser tkun fil-forma ta' ċertifikat elettroniku, li jippermetti lill-professjonist jipprovdi servizzi jew jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor.

2. Aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali iċ-ċittadini kollha li qed ifittxu r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom għandhom ikunu jistgħu jmorru f'post uniku ta' servizz pjuttost milli joqogħdu jiġru mingħand entità governattiva għall-oħra. Dan il-post uniku ta' servizz għandu jkun il-Punti ta' Kuntatt Waħdieni (PSCs), li nħolqu skont id-Direttiva dwar is-Servizzi, u li ser jippermettu liċ-ċittadini jiksbu informazzjoni f'post wieħed dwar id-dokumenti meħtieġa biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti u fejn ikunu jistgħu wkoll ilestu l-proċeduri ta' rikonoxximent onlajn.

3. L-aġġornament tar-rekwiżiti minimi ta' taħriġ għat-tobba, id-dentisti, l-ispiżjara, l-infermiera, il-qwiebel, il-veterinarji u l-periti: ir-rekwiżiti minimi ta' taħriġ għal dawn il-professjonisti ġew armonizzati 20 jew 30 sena ilu. Dawn ġew aġġornati biex jirriflettu l-evoluzzjoni ta' dawn il-professjonijiet u tal edukazzjoni f'dawn l-oqsma. Pereżempju, il-livell għad-dħul fit-taħriġ tal-infermiera u l-qwiebel ġie aġġornat minn 10 snin għal 12-il sena ta' edukazzjoni ġenerali.

4. L-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' twissija għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku: l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ser ikunu obbligati javżaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar professjonist fil-qasam tas-saħħa li jkun ġie pprojbit milli jeżerċita l-attività professjonali tiegħu minn awtorità pubblika jew minn qorti. Dan għandu importanza partikolari għaliex kien hemm eżempji ta' tobba li kienu sospiżi milli jipprattikaw fl-Istat Membru tagħhom, li mbagħad siefru biex jaħdmu, u l-Istati Membri l-oħra ma kinux konxji ta' dan il-fatt.

5. L-introduzzjoni ta' oqsfa ta' taħriġ komuni u testijiet ta' taħriġ komuni li qed jieħdu post pjattaformi komuni, għandhom joffru l-possibbiltà li l-mekkaniżmu ta' rikonoxximent awtomatiku jiġi estiż għal professjonijiet oħrajn. Il-professjonijiet interessati jistgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku fuq il-bażi ta' sensiela komuni ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi jew ta' test komuni li jivvaluta l-abbiltà ta' professjonisti biex jipprattikaw professjoni partikolari.

6. Eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka għall-professjonijiet regolati: Id-Direttiva qed tintroduċi mekkaniżmu ġdid biex jiżgura trasparenza u ġustifikazzjoni akbar tal-professjonijiet li jirregolaw permezz ta' rekwiżit speċifiku ta' kwalifiki. L-Istati Membri ser ikollhom jipprovdu lista tal-professjonijiet regolati tagħhom u jiġġustifikaw il-ħtieġa li jkunu regolati. Din għandha tiġi segwita b'eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka li tkun iffaċilitata mill-Kummissjoni Ewropea.

Sfond:

Id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali hija essenzjali biex tgħin lill-professjonisti jibdew negozju ġdid jew isibu impjieg fi Stat Membru ieħor li jirrikjedi kwalifika speċifika għal attività professjonali speċifika. Il-modernizzazzjoni hija waħda mit-tnax-il pedament għat-tkabbir stabbiliti fl-Att dwar is-Suq Uniku (IP/11/469.

Il-proposta hija bbażata fuq Green Paper li ħarġet il-Kummissjoni f'Ġunju (IP/11/767). Illum ġie ppubblikat ukoll sommarju għar-reazzjonijiet għall-Green Paper.

Ara wkoll MEMO/11/923

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/qualifications/policy_developments/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

1 :

Skont l-istħarriġ tal-Eurostat, Europop 2010: Ser ikun hemm tliet ħaddiema għal kull pensjonant sal-2020.

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php?title=File:Old_age_dependency_ratio_on_1_January_of_selected_years.PNG&filetimestamp=20110609135954

2 :

Provvista u domanda tal-ħiliet fl-Ewropa: previżjoni għal perjodu ta' żmien medju sal-2020 (2010), disponibbli fuq: http://www.cedefop.europa.eu/EN/publications/3052.aspx


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website