Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni hi sodisfatta bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għad-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabank u tal-kowċ

European Commission - IP/11/155   15/02/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/155

Strasburgu, 15 ta' Frar 2011

Il-Kummissjoni hi sodisfatta bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew għad-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabank u tal-kowċ

Il-Kummissjoni Ewropea hi sodisfatta bil-votazzjoni tal-Parlament Ewropew li sar illum favur regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank u bil-kowċ wara negozjati diffiċli. Wara l-ajru, il-ferrovija u l-ilma, issa t-trasport tat-triq se jkun kopert ukoll b'sett speċifiku ta' drittijiet għal passiġġieri, b'hekk ikun lest il-qafas legali għal dawk li jużaw il-metodi kollha ta' trasport fil-livell tal-UE. Il-passiġġieri tax-xarabank u tal-kowċ, partikolarment il-passiġġieri b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa, se jgawdu minn drittijiet ġodda li se jipproteġuhom meta jkunu qed jivvjaġġaw fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea.

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mit-trasport, qal: "Grazzi għal dan ir-regolament il-ġdid, id-drittijiet tal-passiġġieri se jkunu estiżi wkoll għat-trasport bix-xarabank u bil-kowċ. Il-passiġġieri li jivvjaġġaw fit-triq se jibbenefikaw mill-istess standards ta' servizz bażiku ta' kwalità kull fejn u kif jivvjaġġaw fl-Unjoni. Bl-adozzjoni ta' regolament dwar id-drittijiet għall-passiġġieri bix-xarabank u bil-kowċ il-protezzjoni tal-UE tal-passiġġieri issa se tkun tkopri l-mezzi kollha. Ninsab sodisfatt ħafna li l-UE stabbiliet l-ewwel żona integrata ta' drittijiet tal-passiġġieri għall-mezzi kollha ta' trasport fid-dinja."

L-adozzjoni tar-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabank u tal-kowċ ġiet ftit wara l-adozzjoni tar-Regolament 1177/2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tat-trasport marittimu u tal-passaġġi interni tal-ilma li se jidħol fis-seħħ f'Diċembru tal-2012.

Issa li nkisbet il-kopertura tal-mezzi kollha tat-trasport mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, il-Kummissjoni se tħejji komunikazzjoni fejn tirrevedi l-karatteristiċi tal-protezzjoni tal-passiġġieri fis-setturi kollha tat-trasport bl-għan li ssaħħaħ il-konsistenza u l-effettività tagħhom fil-kuntest ta' trasport intermodali li dejjem qed jiżdied.

Id-drittijiet il-ġodda applikabbli għas-servizzi ta' distanza twila (jiġifieri ta' aktar minn 250 km) jinkludu fost l-oħrajn:

  • il-protezzjoni ta' passiġġieri f'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu kkawżat minn inċidenti tat-traffiku (il-liġi nazzjonali ma tistax tiffissa ammont massimu aktar baxx minn EUR 220 000 kull passiġġier u EUR 1 200 kull bagalja).

  • il-protezzjoni ta' passiġġieri fir-rigward ta' ħtiġijiet immedjati prattiċi fil-każ ta' inċident (bil-possibbiltà li tiġi offruta akkomodazzjoni għal mhux aktar minn żewġt iljieli f'lukanda, għal ammont totali ta' EUR 80 kull lejl),

  • assistenza speċifika mingħajr ħlas għall-persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobilità mnaqqsa kemm fit-terminal kif ukoll abbord, u, fejn hemm bżonn, trasport bla ħlas għall-persuni li jkunu magħhom,

  • garanzija ta' rimborż jew arranġamenti oħra ta' trasport f'sitwazzjonijiet ta' prenotazzjoni eċċessiva jew fil-każ ta' kanċellazzjoni jew wara dewmien ta' aktar minn 120 minuta mill-ħin stmat tat-tluq,

  • assistenza xierqa (bħal ikliet ħfief, ikliet jew xorb) f'sitwazzjonijiet ta' kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq ta' aktar minn 90 minuta f'każijiet ta' vjaġġ ta' aktar minn tliet sigħat,

  • partikolarment, l-obbligu f'dawk il-każi, għall-operaturi, jekk ikun hemm bżonn, li jipprovdi żewġt iljieli akkomodazzjoni f'lukanda lil passiġġieri li jkunu spiċċaw maqbuda fuq il-post, għal massimu ta' EUR 80 kull lejl, minbarra fil-każ ta' kundizzjonijiet severi tat-temp jew diżastri naturali kbar,

  • kumpens ta' 50 % fuq il-prezz tal-biljett wara dewmien ta' aktar minn 120 minuta mill-ħin stmat ta' tluq, kanċellazzjoni ta' vjaġġ u jekk l-operatur jonqos milli joffri lill-passiġġier jew alternattiva għall-vjaġġ jew rimborż.

Barra minn hekk, id-drittijiet li ġejjin se jkunu applikabbli għas-servizzi kollha (ta' aktar jew taħt il-250 km):

  • Nondiskriminazzjoni kontra l–passiġġieri fuq il-bażi – diretta jew indiretta – ta' nazzjonalità,

  • Trattament nondiskriminatorju tal-persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa kif ukoll kumpens finanzjarju għal telf jew dannu tat-tagħmir tagħhom tal-mobilità fil-każ ta' inċident,

  • regoli minimi dwar informazzjoni dwar l-ivvjaġġar għall-passiġġieri kollha qabel u matul il-vjaġġ tagħhom, kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tagħhom fit-terminali u onlajn;

  • mekkaniżmi li jittrattaw l-ilmenti minn operaturi aċċessibbli għall-passiġġieri,

  • korpi indipendenti nazzjonali f'kull Stat Membru bil-mandat li jinfurzaw ir-Regolament u fejn hu xieraq jimponu pieni.

Il-passi li jmiss

Wara l-vot tal-lum fil-Parlament u l-approvazzjoni tal-Kunsill fil-31 ta' Jannar 2011, ir-regolament se jkun formalment adottat għada. Il-pubblikazzjoni tiegħu hi mistennija qabel is-sajf. Ir-Regolament mistenni li jidħol fis-seħħ sentejn wara l-pubblikazzjoni tiegħu.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website