Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Erasmus Mundus: spinta finanzjarja għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija

Is-16 ta' Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea żiedet b'aktar mid-doppju l-għadd ta' għotjiet għall-edukazzjoni u t-tagħlim disponibbli għaż-żgħażagħ u għall-persunal tal-università mill-pajjiżi involuti fl-irvellijiet tar-"Rebbiegħa Għarbija" fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani. Qed jiġi allokat finanzjament għal 559 borża ta' studju oħra flimkien mal-525 li kienu diġà previsti għall-perjodu bejn l-2011 u l-2012, għall-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran permezz tal-"Erasmus Mundus", il-verżjoni internazzjonali tal-iskema tal-Erasmus tal-Kummissjoni Ewropea għall-iskambju tal-istudenti u l-persunal. Dawk li se jibbenefikaw minn din l-iskema se jkunu jistgħu jagħmlu parti mill-istudji jew mir-riċerka tagħhom jew perjodu ta' tagħlim fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni qiegħda żżid il-finanzjament tal-għotjiet tagħha biex tħeġġeġ l-opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ għall-individwi, li jitqiesu bħala essenzjali għat-tisħiħ tad-demokrazija fir-reġjun. L-inizjattiva hija parti mir-rispons strateġiku tal-UE għar-Rebbiegħa Għarbija (ara MEMO/11/918).

"Ninsab kuntenta ferm li l-Kummissjoni qed iżżid il-finanzjament għaż-żgħażagħ u l-għalliema li kienu fuq quddiem nett tal-proċess ta' demokratizzazzjoni fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Dan juri biċ-ċar l-impenn tagħna lejn il-kawża tagħhom," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Erasmus Mundus huwa miftuħ għall-applikanti minn madwar id-dinja kollha, inkluża l-Unjoni Ewropea. Minn mindu tnediet l-iskema fl-2004, aktar minn 12,000 student, 300 kandidat tad-dottorat u 2 000 professur irċevew boroż ta' studju għal korsijiet tal-Master jew programmi tad-dottorat konġunti.

Matul is-sena akkademika bejn l-2011 u l-2012, madwar 6,000 student u riċerkatur minn 150 pajjiż diġà rċevew boroż ta' studju li jammontaw għal total ta' EUR 210 miljun. Il-Kummissjoni pprovdiet EUR 10 miljun oħra biex tiffinanzja l-559 borża ta' studju ġodda għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Dawn il-pajjiżi mistennija jibbenefikaw minn aktar żidiet fil-finanzjament għal boroż ta' studju u għotjiet tal-Erasmus Mundus bejn l-2012 u l-2013.

Sa mill-2004 aktar minn tliet kwarti tal-għotjiet offruti permezz tal-Erasmus Mundus ingħataw lil persuni f'pajjiżi barra mill-UE, inklużi aktar minn 3,000 mill-Afrika ta' Fuq u mil-Lvant Nofsani. Id-daqs tal-borża ta' studju jiddependi mit-tul tal-perjodu ta' studju jew taħriġ, il-livell tal-edukazzjoni tal-kandidat u l-pajjiż tal-oriġini. Persuni li mhumiex Ewropej li jistudjaw fl-Unjoni Ewropea jirċievu mill-inqas EUR 1 000 kull xahar għall-ispejjeż tal-għajxien tagħhom filwaqt li l-istudenti Ewropej li jistudjaw barra mill-Ewropa jirċievu mill-inqas EUR 500 kull xahar.

Aktar tagħrif isegwi

Sfond

Il-finanzjament tal-Erasmus Mundus huwa maħsub għal tliet gruppi kbar: l-istudenti li jsegwu korsijiet tal-Master u dottorati b'mod konġunt, is-sħubijiet bejn l-universitajiet, u l-proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tas-settur tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa.

Korsijiet tal-Master u dottorati b'mod konġunt

Konsorzju ta' mill-inqas tliet istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla fl-Ewropa jew lil hinn minnha jista' japplika għal finanzjament tal-UE biex joffri boroż ta' studju lill-istudenti li jirreġistraw għal kors tal-Master jew dottorat b'mod konġunt. Il-programmi għandhom juru kwalità akkademika eċċellenti u jinkludu perjodi obbligatorji ta' studju u riċerka f'mill-inqas żewġ universitajiet. "Lawrja konġunta" hija programm ta' studju integrat offrut minn tal-inqas żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla li jwassal għal ċertifikat tal-lawrja wieħed. L-istudenti jingħataw il-boroż ta' studju abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-universitajiet ikkonċernati.

Bħalissa aktar minn 160 istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla jipparteċipaw fi programmi konġunti, inklużi 25 istituzzjoni f'pajjiżi barra mill-UE. 131 kors konġunt tal-Master u 34 programm konġunt tad-dottorat se jkunu miftuħa għall-applikazzjonijiet tal-boroż ta' studju bejn l-2012 u l-2013, li jkopru firxa wiesgħa ta' suġġetti, mill-kimika għall-informatika u mill-kriminoloġija għall-koreografija,

Il-lista sħiħa tal-korsijiet tal-Master u l-programmi tad-dottorat konġunti tal-Erasmus Mundus għas-sena akkademika 2012-2013 tinsab fuq:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus_mundus/results_compendia/selected_projects_en.php

Sħubijiet tal-Erasmus Mundus

Hemm pprovduti wkoll għotjiet permezz tas-sħubijiet tal-Erasmus Mundus. Dawn jippermettu lill-istudenti, ir-riċerkaturi u l-persunal li jżuru istituzzjonijiet imsieħba barra minn pajjiżhom biex jistudjaw jew jgħallmu għal perjodu bejn tliet xhur u tliet snin. F'Lulju 2011, intgħażlu 46 imsieħeb ġdid għall-finanzjament, bl-involviment ta' 369 università tal-UE u 450 barra mill-UE. Il-konsorzju għandu jinkludi minimu ta' ħames istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla minn tal-inqas tliet pajjiżi Ewropej u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla minn pajjiżi barra mill-UE. Qed tingħata attenzjoni speċjali lil gruppi żvantaġġati u persuni f'qagħda vulnerabbli.

Lista tas-sħubijiet kollha tal-Erasmus Mundus tinsab fuq:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus_mundus/results_compendia/selected_projects_action_2_en.php

Promozzjoni tal-edukazzjoni ogħla Ewropea

Qed jingħata wkoll appoġġ għal proġetti li jġibu 'l quddiem il-kooperazzjoni jew jippromwovu l-attrattività tas-settur tal-edukazzjoni ogħla Ewropea. Fl-2011 intgħażlu seba' proġetti bħal dawn, li jinvolvu aktar minn 100 imsieħeb minn barra l-UE, u jkopru temi bħat-tibdil fil-klima, l-arkitettura u t-turiżmu kulturali, u/jew enfażi reġjonali qawwija. Lista tal-proġetti tinsab fuq:

http://eacea.ec.europa.eu/erasmus_mundus/results_compendia/selected_projects_promote_ehe_en.php

Erasmus għal Kulħadd

Erasmus Mundus se jiġi integrat fil-programm ġdid propost mill-Kummissjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, Erasmus għal Kulħadd, li mistenni jitnieda fl-2014. (Ara IP/11/1398).

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website