Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tiffirma ftehim mal-Kroazja għall-appoġġ ta' taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi

Brussell, il-15 ta' Diċembru 2011 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea ffirmat ftehim mal-Kroazja sabiex tgħin fit-taħriġ tal-ġudikatura tal-pajjiż qabel l-adeżjoni tiegħu mal-UE f'Lulju 2013. Skont il-ftehim iffirmat mill-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding u l-Ministru tal-Ġustizzja Kroat Dražen Bošnjakovic, il-Kroazja se tkun tista' tipparteċipa fi programmi tal-UE għall-appoġġ ta' taħriġ għall-imħallfin, għall-avukati u għal persuni oħrajn li jeżerċitaw il-professjoni legali. Il-ftehim qed isir wara li l-Kroazja ffirmat trattat ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fid-9 ta' Diċembru (MEMO/11/883), li jwitti t-triq għall-pajjiż biex isir it-28 Stat Membru tal-UE.

"Dawk kollha li jeżerċitaw il-professjoni legali fl-UE jistgħu jkunu relatati mad-dritt tal-UE. Huwa importanti li wieħed jifhem id-dritt tal-UE biex tissaħħaħ iż-żona ta’ ġustizzja tal-UE u l-UE bħala Komunità tad-dritt," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja u Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding. "Il-ftehim tagħna llum se jippermetti lill-imħallfin u lill-prosekuturi Kroati jieħdu sehem fil-proġetti ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew waqt il-mixja lejn l-adeżjoni. Din hija parti importanti tal-preparazzjonijiet finali tal-Kroazja biex tissieħeb fl-UE u se tgħin biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji fil-Kroazja jibbenefikaw kemm jistgħu mis-sħubija tagħhom fl-UE fil-ġejjieni."

L-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju permezz ta' kofinanzjament għall-attivitajiet Ewropej ta' taħriġ ġudizzjarju fil-livell nazzjonali u Ewropew. Huwa parti mill-għan tal-UE li sal-2020 tħarreġ fil-liġi Ewropea 700,000 persuna li teżerċita l-professjoni legali (IP/11/1021).

Skont iż-żewġ Memoranda ta' Ftehim li ġew iffirmati llum, il-Kroazja se tkun tista' tipparteċipa fil-programmi ta' finanzjament tal-UE għall-ġustizzja ċivili u kriminali. Dawn il-programmi jgħinu biex jappoġġjaw proġetti ta' taħriġ ġudizzjarju fil-liġi tal-UE fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali. Il-ftehim għalhekk jippermetti li l-imħallfin, il-prosekuturi u persuni oħrajn li jeżerċitaw il-professjoni legali fil-Kroazja ikunu jistgħu jitħarrġu fil-liġi Ewropea qabel l-adeżjoni tal-pajjiż fl-UE. Se jippermetti wkoll lill-Akkademja Ġudizzjarja Kroata biex tipparteċipa bis-sħiħ fin-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju – li jikkoordina l-attivitajiet Ewropej ta' strutturi nazzjonali ta' taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi fl-Ewropa.

Sfond

Attwalment hemm madwar 1.4 miljun persuna li teżerċita l-professjoni legali fl-UE, inklużi mħallfin, prosekuturi, avukati, nutara, bailiffs u impjegati tal-qorti. Il-Kummissjoni trid li sal-2020 mill-inqas nofs dawn il-persuni li jeżerċitaw il-profssjoni legali jkunu jistgħu jipparteċipaw f’taħriġ ġudizzjarju Ewropew fil-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew. Hija stabbilixxiet għan ieħro biex tiżgura li matul il-karriera tagħhom il-persuni kollha li jeżerċitaw il-profssjoni legali jibbenefikaw mill-inqas minn ġimgħa ta' taħriġ fil-liġi Ewropea.

Biex dan jinkiseb, hija stiednet lill-gvernijiet nazzjonali, lill-kunsilli tal-ġudikatura, lill-korpi professjonali u lill-istituzzjonijiet ta' taħriġ ġudizzjarju, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali biex jimpenjaw ruħhom biex jintegraw il-liġi tal-UE fil-programmi ta' taħriġ tagħhom u biex iżidu l-għadd ta' korsijiet u ta' parteċipanti.

Il-Kummissjoni stess għandha l-intenzjoni li tiffaċilita l-aċċess għall-iffinanzjar tal-UE biex tappoġġja proġetti ta' taħriġ ta' kwalità tajba, inkluż it-tagħlim b’mezzi elettroniċi. Skont il-qafas finanzjarju multiannwali ġdid tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew ikun prijorità kbira, bl-għan li kull sena, sas-sena 2010, jingħata taħriġ lil aktar minn 20 000 persuna li teżerċita l-professjoni legali.

Sabiex tgħin fil-bini ta' kultura ġudizzjarja Ewropea komuni bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, mill-2012 ‘il quddiem il-Kummissjoni se tniedi programm ta' skambju li se jdum ġimagħtejn għall-imħallfin u l-prosekuturi l-ġodda. Il-Kummissjoni se tagħti appoġġ lit-taħriġ permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika – il-websajt tal-UE li tagħti aċċess għal--liġijiet u għall-ġustizzja fil-pajjiżi kollha tal-UE – u permezz tal-kondiviżjoni ta’ linji gwida prattiċi dwar il-metodoloġiji u l-evalwazzjoni tattaħriġ.

It-taħriġ ġudizzjarju Ewropew jista' jsir f’perjodi ta' taħriġ inizjali jew ta' taħriġ tul il-ħajja. Dan it-taħriġ ikopri:

  • Il-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluża l-liġi sostantiva u proċedurali, flimkien mal-każistika relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

  • tagħrif dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Dawn l-oqsma jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta' taħriġ lingwistiku. L-iskema ta' taħriġ ġudizzjarja tal-UE tinkludi żewġ partijiet komplementari: attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju b'mod ġenerali, kemm jekk organizzati fil-livell lokali, nazzjonali jew Ewropew, kif ukoll skambji transkonfinali.

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu żviluppati soluzzjoijiet ta' taħriġ innovattivi, inkluż permezz tal-bini fuq il-kapaċitajiet tal-fornituri kollha ta' taħriġ eżistenti.

Bażi Legali

Kif enfasizzat f' Riżoluzzjoni tal-Kunsill fl-2008, it-taħriġ ġudizzjarju huwa primarjament responsabilità nazzjonali. It-Trattat ta' Lisbona (Artikoli 81.2.h u 82.1.c tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), jistieden lill-UE biex "tappoġġja t-taħriġ tal-ġudikatura u tal-impjegati ġudizzjarji" kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll f’dawk kriminali.

Il-Programm ta' Stokkolma tal-2009 sejjaħ għal azzjoni b'saħħitha tal-UE biex jingħata appoġġ lill-isforzi ta' taħriġ nazzjonali kif ukoll biex jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' taħriġ fil-livell Ewropew. F'riżoluzzjoni l-Parlament Ewropew enfasizza wkoll b'mod konsistenti li taħriġ ġudizzjarju xieraq jikkontribwixxi b'mod sinifikanti fit-titjib tal-operat tas-suq intern u jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Għal iktar tagħrif:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/news/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – taħriġ ġudizzjarju Ewropew

http://ec.europa.eu/justice/criminal/european-judicial-training/index_en.htm

Il-Kumissjoni Ewropea – kwistjonijiet ta' ġustizzja fit-tkabbir tal-UE

http://ec.europa.eu/justice/international-relations/enlargement/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website