Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tittratta l-problemi marbuta mat-taxxa fuq is-suċċessjoni transkonfinali

European Commission - IP/11/1551   15/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tittratta l-problemi marbuta mat-taxxa fuq is-suċċessjoni transkonfinali

Brussell, il-15 ta' Diċembru 2011 – Iċ-ċittadini tal-UE li jirtu proprjetà barra minn pajjiżhom spiss jirċievu kont tat-taxxa mingħand aktar minn Stat Membru wieħed. Fil-fatt, f'każijiet estremi l-valur totali ta' assi li jkunu ntirtu saħansitra jista' jkun li jkollhom jitħallsu f'taxxi, peress li diversi Stati Membri jistgħu jippretendu drittijiet ta' intaxxar fuq l-istess wirt, jew jintaxxaw wirt barrani b'rata ogħla minn dik għal wirt lokali. Iċ-ċittadini jistgħu jispiċċaw f'sitwazzjoni fejn ma jkollhomx għażla għajr li jbigħu l-assi li jkunu wirtu, sempliċement biex ikopru t-taxxi, u l-impriżi ż-żgħar jistgħu jaffrontaw diffikultajiet ta' trasferimenti meta jmutu l-proprjetarji tagħhom. Biex tittratta dawn il-problemi, il-Kummissjoni llum adottat pakkett komprensiv dwar it-taxxa fuq is-suċċessjoni. Permezz ta' Komunikazzjoni, Rakkomandazzjoni u Dokument ta' Ħidma, il-Kummissjoni tanalizza l-problemi u tippreżenta soluzzjonijiet relatati mat-taxxa fuq is-suċċessjoni transkonfinali fl-UE. Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, il-Ġlieda kontra l-Frodi u l-Verifika, ikkummenta:

"Benjamin Franklin darba qal li xejn mhu żgur ħlief il-mewt u t-taxxi. Sfortunatament, meta ngħaqqdu t-tnejn flimkien, jidher li jqum ammont kbir ta' inċertezzi. Il-piż tat-taxxa fuq is-suċċessjoni transkonfinali jista' jirvina liċ-ċittadini, minħabba diskriminazzjoni u tassazzjoni doppja. Bidliet żgħar fir-regoli tal-Istati Membri biex isiru aktar koerenti ma' xulxin jistgħu jirriżultaw f'benefiċċji reali għal mijiet ta' eluf ta' nies fl-Ewropa kollha. Dan hu li qed nimmiraw li niksbu."

Il-Komunikazzjoni tal-lum tindika li hemm żewġ problemi ewlenin f'dak li jirrigwarda t-taxxa fuq is-suċċessjoni transkonfinali fl-UE.

L-ewwel waħda hija t-tassazzjoni doppja jew multipla, fejn diversi Stati Membri jippretendu d-dritt li jintaxxaw l-istess wirt. Regoli nazzjonali diverġenti, nuqqas ta' konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa fuq is-suċċessjoni, u miżuri inadegwati ta' ħelsien minn taxxi doppji jistgħu jirriżultaw f'sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini jiġu intaxxati darbtejn jew aktar fuq l-istess wirt. L-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw regoli nazzjonali dwar is-suċċessjoni kif jidhrilhom xieraq sakemm dawn ikunu skont ir-regoli tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni u l-moviment ħieles. Il-Kummissjoni mhija qed tipproponi l-ebda armonizzazzjoni ta' regoli dwar it-taxxa fuq is-suċċessjoni. Minflok, qiegħda tirrakkomanda applikazzjoni usa' u aktar flessibbli tal-miżuri nazzjonali ta' ħelsien minn tassazzjoni doppja sabiex tiġi pprovduta soluzzjoni prammatika, veloċi u kosteffettiva għall-piżijiet sinifikanti tat-taxxi li ħafna ċittadini qed ikollhom jaffrontaw. Ir-Rakkomandazzjoni fil-Pakkett tal-lum tissuġġerixxi kif l-Istati Membri jistgħu jtejbu miżuri nazzjonali eżistenti biex jiżguraw li jkun hemm ħelsien adegwat minn taxxi doppji. Tistabbilixxi soluzzjonijiet għal każijiet fejn diversi Stati Membri jkollhom id-dritt li jintaxxaw. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jintroduċu s-soluzzjonijiet xierqa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fil-prattiki amministrattivi.

It-tieni problema marbuta mat-taxxa fuq is-suċċessjoni li jistgħu jiltaqgħu magħha ċ-ċittadini hija d-diskriminazzjoni. Uħud mill-Istati Membri japplikaw rata ta' taxxa ogħla jekk l-assi, il-mejtin u/jew il-werrieta jkunu jinsabu barra mit-territorju tagħhom. F'każijiet bħal dawn, il-liġi tal-UE hija ċara: l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tan-nondiskriminazzjoni u tal-moviment ħieles stabbiliti fit-Trattati. Id-Dokument ta' Ħidma ppubblikat illum jistabbilixxi l-prinċipji dwar taxxa nondiskriminatorja fuq is-suċċessjoni u d-donazzjonijiet billi juża l-ġurisprudenza biex jispjegahom. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri biex id-dispożizzjonijiet tagħhom iġibuhom konformi mal-liġi tal-UE, filwaqt li jżid l-għarfien fost iċ-ċittadini dwar ir-regoli li għandhom jiġu rrispettati mill-Istati Membri.

Għalkemm il-problemi marbuta mat-taxxa fuq is-suċċessjoni transkonfinali jistgħu jaffettwaw lill-individwi b'mod serju, id-dħul mit-taxxi fuq is-suċċessjoni interni u transkonfinali jammonta għal sehem żgħir ħafna – anqas minn 0.5 % – tad-dħul totali mit-taxxi fl-Istati Membri. Il-każijiet transkonfinali waħedhom żgur li jammontaw għal ħafna inqas minn dik iċ-ċifra.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tniedi diskussjonijiet mal-Istati Membri biex tiżgura segwitu xieraq għar-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, hija lesta li tgħin lill-Istati Membri kollha biex il-liġijiet tagħhom dwar is-suċċessjoni jġibuhom konformi mal-liġi tal-UE. Tliet snin oħra, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni li juri kif tkun evolviet is-sitwazzjoni, u abbażi ta' dan se tiddeċiedi jekk ikunux meħtieġa aktar miżuri fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-UE. Sadanittant, il-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, se tibqa' tieħu l-passi meħtieġa biex taġixxi kontra l-karatteristiċi diskriminatorji fir-regoli dwar is-suċċessjoni tal-Istati Membri.

Għat-testi sħaħ tal-Komunikazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/personal_tax/inheritance/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni, ara MEMO/11/917

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website