Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Tnieda l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni; ngħinu lin-negozji jwettqu tkabbir ekoloġiku u benefiċċji ambjentali.

Commission Européenne - IP/11/1547   15/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Tnieda l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni; ngħinu lin-negozji jwettqu tkabbir ekoloġiku u benefiċċji ambjentali.

Brussell, il-15 ta' Diċembru 2011 – L-ekoinnovazzjoni hija kruċjali biex titwettaq l-istateġija 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (EcoAP) l-ġdid ser jagħti spinta lill-innovazzjoni li tnaqqas il-pressjoni fuq l-ambjent, u se jressaq l-innovazzjoni u s-suq lejn xulxin. It-teknoloġiji favur l-ambjent huma tajbin għan-negozji u jgħinu biex jinħolqu impjiegi ġodda, għalhekk l-ekoinnovazzjoni hija kruċjali għall-kompetittività ekonomika tal-Ewropa.

L-EcoAP huwa wieħed mill-impenji tal-Inizjattiva Ewlenija ta' Unjoni għall-Innovazzjoni, li jibni fuq il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP) tal-2004. Il-Pjan jespandi l-iffokar minn teknoloġiji ekoloġiċi għal kunċett aktar wiesa' ta' ekoinnovazzjoni, b'mira lejn intoppi, sfidi u opportunitajiet speċifiċi biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali permezz tal-innovazzjoni. L-EcoAP jinkludi azzjonijiet immirati kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll fuq dik tal-provvista, lejn ir-riċerka u l-industrija u lejn l-istrumenti tal-politika u finanzjarji. Il-pjan jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-regolament ambjentali bħala xprun tal-ekoinnovazzjoni u jipprevedi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali. Huwa jisħaq dwar l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu prodotti aktar teknoloġiji innovattivi u jitpoġġew is-suq. Il-Pjan jenfazzizza wkoll l-aspett internazzjonali tal-ekoinnovazzjoni, u l-koordinazzjoni aħjar tal-politiki ma' msieħba internazzjonali.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-isfida tal-innovazzjoni għal dan is-seklu ser tkun biex ir-riżorsi tagħna jkomplu jikbru – nagħmlu aktar b'anqas – u nnaqqsu l-impatt tal-attivitajiet tagħna. L-Ewropa għandha tkun fuq quddiem nett biex tilqa' dik l-isfida jekk irridu nkunu kompetittivi f'dinja ta' problemi ta' riżosi li dejjem qed jiżdiedu. Id-domanda madwar id-dinja kollha għal tekonoloġiji, prodotti u servizzi ambjentali qed tiżdied b'ritmu mgħaġġel anke f'dawn il-mumenti diffiċli, u hija qasam fejn l-Ewropa għandha ħafna x'toffri. Dan huwa pjan għal impjiegi ekoloġiċi u tkabbir ekoloġiku."

Il-Pjan ta' Azzjoni ser jaċċellera l-ekoinnovazzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija b'azzjonijiet immirati tajjeb. Biex tingħata għajnuna sabiex tinħoloq domanda tas-suq aktar stabbli u aktar qawwija għall-ekoinnovazzjoni, il-pjan ser jieħu miżuri fl-oqsma tal-inċentivi regolatorji, l-akkwist privat u pubbliku u l-istandards u ser jimmobilizza l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) biex itejbu l-prontezza għall-investiment u l-opportunitajiet tan-netwerking.

Aspetti ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni jinkludu:

  • L-użu ta' politiki u leġiżlazzjoni ambjentali biex tkun promossa l-ekoinnovazzjoni;

  • L-appoġġ ta' proġetti ta' demonstrazzjoni u sħubija biex jitpoġġew fis-suq teknoloġiji operattivi intelliġenti u ambizzjużi;

  • L-iżvilupp ta' standards ġodda biex tingħata spinta lill-ekoinnovazzjoni;

  • Il-mobilizzazzjoni ta' strumenti finanzjarji u ta' servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs;

  • Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali;

  • L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet u ta' impjiegi emerġenti u għall-programmi ta’ taħriġ relatati biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; kif ukoll

  • Il-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni permezz ta' Sħubiji Ewropej ta' Innovazzjoni.

Il-Passi li Jmiss

L-implimentazzjoni tal-pjan ser ikun permezz ta' sħubija bejn il-partijiet interessati, is-settur pubbliku u dak privat, u l-Kummissjoni. Ir-reviżjoni finanzjarja ta' nofs it-terminu li jmiss ser tipprovdi opportunità tajba għall-valutazzjoni tal-kisba tal-għanijiet stabbiliti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Sforzi ġodda ser jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-prodotti u l-attivitajiet ta' demostrazzjoni biex jimtela l-vojt bejn it-tekonoġija u l-adozzjoni fis-suq.

Sfond

L-Ekoinnovazzjoni hija kwalunkwe forma ta' innovazzjoni li tirriżulta fi jew li timmira lejn progress sinifikanti u li jista' jintwera għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, billi jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent, tittejjeb ir-reżistenza għall-pressjonijiet ambjentali, jew billi jintlaħaq użu iktar effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi naturali.

L-industriji ekoloġiċi Ewropej huma settur ekonomiku sinifikanti bi dħul annwali ta' madwar EUR 319 biljun, jew madwar 2.5 % PDG tal-UE

Għal aktar tagħrif:

Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (EcoAP)

L-Inizjattiva Ewlenija ta' Unjoni għall-Innovazzjoni

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site