Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tniedi inizjattiva ġdida biex tgħin sabiex teknoloġiji innovattivi u ekoloġiċi jilħqu s-suq

European Commission - IP/11/1544   15/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tniedi inizjattiva ġdida biex tgħin sabiex teknoloġiji innovattivi u ekoloġiċi jilħqu s-suq

Brussell, il-15 ta' Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi strument ġdid biex jgħin lill-kumpaniji li qed jiżviluppaw teknoloġiji ambjentali innovattivi. Il-programm pilota ta' Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali (Environmental Technology Verification, ETV) se jipprovdi verifika indipendenti tal-prestazzjoni tat-teknoloġiji ambjentali ġodda. Din il-verifika se tgħin lill-manifatturi jagħtu prova tad-dikjarazzjonijiet rigward il-prestazzjoni, u se tgħin lix-xerrejja tat-teknoloġija jidentifikaw innovazzjonijiet li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tagħhom.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-programm pilota ta' Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali huwa l-ewwel riżultat prattiku tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni. L-investituri jeħtieġu tagħrif oġġettiv u kredibbli dwar il-prestazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, għalhekk din l-inizjattiva se jkollha rwol importanti. Għandha tgħin lill-kumpaniji li huma fost l-aktar innovattivi fil-qasam tat-teknoloġiji ambjentali japprofittaw kemm jistgħu mill-opportunitajiet tas-Suq Uniku Ewropew."

Il-programm pilota ETV, li huwa kompletament fuq bażi volontarja, inizjalment se jkopri tliet oqsma: it-trattament u l-monitoraġġ tal-ilma; il-materjali, l-iskart u r-riżorsi; u t-teknoloġiji tal-enerġija. L-għan huwa li jitnaqqsu r-riskji u tiżdied il-fiduċja tal-ewwel xerrejja jew investituri f'teknoloġija ġdida billi tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli u bbażata fuq ix-xjenza dwar il-prestazzjoni tagħha. Dan ser jieħu l-forma ta' Dikjarazzjoni ta' Verifika għall-użu fir-relazzjonijiet kummerċjali. Is-servizzi tal-ETV huma maħsuba b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji, li jistgħu jsibuha iktar diffiċli minn manifatturi akbar biex jagħtu prova tal-prestazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda. L-ETV għandha tnaqqas il-bżonn li jiġu mmultiplikati s-siti ta' dimostrazzjoni jew li jiġu repetuti l-kampanji tat-testijiet għal swieq differenti. Tista’ tiffaċilita wkoll l-esportazzjoni lejn swieq barra mill-UE bħall-Amerika ta' Fuq u l-Asja, fejn l-approċċ tal-ETV qed jiġi rikonoxxut progressivament.

Il-passi li jmiss

Il-programm se jibda billi jakkredita lill-Korpi ta’ Verifika (Verification Bodies, VBs) li se jivverifikaw it-teknoloġiji. L-organizzazzjonijiet interessati huma mistiedna jikkuntattjaw lill-aġenzija ta' akkreditazzjoni tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, li l-lista tagħhom hija disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (ara hawn taħt). Fix-xhur li ġejjin se tiġi ppubblikata sejħa għall-proposti skont il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Competitiveness and Innovation Programme, CIP) li jappoġġa l-Korpi ta’ Verifika akkreditati fl-implimentazzjoni tal-programm pilota. Dan jinkludi għajnuna lill-manifatturi biex iwettqu l-verifiki skont l-ETV.

Minn sentejn sa tliet snin wara li jkun ilu operattiv, il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa l-programm pilota tal-ETV, it-tħaddim u l-impatti tiegħu fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, u se tikkonkludi dwar il-futur għall-Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali fl-Ewropa. Il-partijiet interessati se jiġu mistoqsija dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programm pilota tal-ETV permezz ta' Forum għall-Partijiet Interessati li se jiġi stabbilit fl-2012.

L-isfond

Il-programm pilota tal-ETV tħejja bil-kooperazzjoni ta' seba' Stati Membri u ta' ħafna partijiet interessati attivi fil-qasam tal-iżvilupp u l-valutazzjoni tat-teknoloġija. L-ETV hija waħda mill-azzjonijiet imħabbra fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni l-ġdid li wkoll għadu kif ġie adottat (ara IP/11/1547).

Iktar informazzjoni

Is-sit tal-internet tal-ETV fuq Europa (jinkludi nota ta’ informazzjoni, il-Protokoll ta' Verifika Ġenerali tal-ETV u Mistoqsijiet Frekwenti, u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva tal-Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali (ETV) – li jgħinu lill-ekoinnovazzjonijiet biex jilħqu s-suq). Il-kuntatti nazzjonali fl-Istati Membri li qed jipparteċipaw huma elenkati fin-nota tal-informazzjoni.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ibgħat e-mail lil: env-etv@ec.europa.eu

Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (EcoAP)

Is-sit tal-internet komuni tar-riċerka u l-proġetti pilots dwar l-ETV

Il-Kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni

Il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) – Programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website