Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija 2050: huwa possibbli li jkollna settur tal-enerġija sikur, kompetittiv u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju

Commission Européenne - IP/11/1543   15/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija 2050: huwa possibbli li jkollna settur tal-enerġija sikur, kompetittiv u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju

Brussell, it-15 ta' Diċembru 2011 - Biex jinkiseb l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’iktar minn 80 % sal-2050, il-produzzjoni tal-enerġija tal-Ewropa trid tkun kważi mingħajr karbonju. Kif dan jista' jinkiseb mingħajr ma jfixkel il-provvisti tal-enerġija u l-kompetittività hija l-mistoqsija imwieġba permezz tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 li l-Kummissjoni qed tippreżenta llum. Ibbażat fuq l-analiżi ta' ġabra ta' xenarji, id-dokument jiddeskrivi l-konsegwenzi ta' sistema tal-enerġija ħielsa mill-karbonju u l-qafas ta' politika meħtieġa. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-għażliet meħtieġa tal-enerġija u joħolqu klima tan-negozju stabbli għall-investiment privat, speċjalment sal-2030.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: "Mudell ġdid tas-sistema biss jagħmel l-enerġija tagħna sikura, kompetittiva u sostenibbli għal perjodu fit-tul. Issa għandna qafas Ewropew għall-miżuri neċessarji ta’ politika li jridu jittieħdu sabiex ikunu żgurati l-investimenti t-tajbin."

L-analiżi hija bbażata fuq xenarji illustrattivi, maħluqa billi jiġu kkombinati b'modi differenti l-erba’ rotot ewlenin tad-dekarbonizzazzjoni (effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli, nukleari u CCS). Aktarx li ma jirriżulta xejn minn dawn, iżda ix-xenarji kollha juru biċ-ċar ġabra ta' għażliet "mingħajr dispjaċir" għas-snin li ġejjin.

Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jidentifika għadd ta' elementi li għandhom impatti pożittivi fiċ-ċirkostanzi kollha, u għalhekk jiddefinixxi xi riżultati ewlenin bħal:

  • Id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija teknikament u ekonomikament fattibbli. Ix-xenarji tad-dekarbonizzazzjoni kollha jippermettu li jitwettaq l-għan tat-tnaqqis fl-emissjonijiet u jistgħu jkunu jiswew inqas mill-politiki ta' bħalissa fuq perjodu fit-tul.

  • L-Effiċjenza fl-Enerġija u l-enerġija rinnovabbli huma kritiċi. Irrispettivament mit-taħlita partikolari tal-enerġija magħżula, iktar effiċjenza fl-enerġija u żieda importanti fil-proporzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli huma neċessarji biex jintlaħqu l-miri tas-CO2 fl-2050. Ix-xenarji juru wkoll li l-elettriku se jkollu rwol ikbar minn dak li għandu bħalissa. Il-gass, iż-żejt, il-faħam u l-enerġija nukleari wkoll jidhru fix-xenarji kollha fi proporzjonijiet differenti, u b'hekk jippermettu lill-Istati Membri jżommu alternattivi flessibbli fit-taħlita tagħhom tal-enerġija sakemm jinkiseb malajr suq intern konness tajjeb.

  • L-investimenti bikrin jiswew inqas. Id-deċiżjonijiet dwar l-investiment għall-infrastruttura neċessarja sal-2030 għandhom jittieħdu issa, minħabba li l-infrastruttura li nbiet minn 30 sa 40 sena ilu trid tiġi sostitwita. Jekk naġixxu minnufih nistgħu nevitaw bidliet li jiswew iktar flus fi żmien għoxrin sena. L-evoluzzjoni tal-enerġija tal-UE xorta waħda teħtieġ modernizzazzjoni u infrastruttura ħafna iktar flessibbli bħall-interkonnessjonijiet transkonfinali, sistemi tal-elettriku "intelliġenti" u teknoloġiji moderni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju biex jipproduċu, jittrasmettu u jaħżnu l-enerġija.

  • Jinkludu żieda fil-prezzijiet. L-investimenti magħmula issa se jwittu t-triq għall-aqwa prezzijiet fil-futur. Il-prezzijiet tal-elettriku huma marbuta li jogħlew sal-2030, iżda wara jistgħu jaqgħu grazzi għal spejjeż inqas tal-provvista, politiki tal-iffrankar u teknoloġiji mtejba. L-ispejjeż se jiġu kkumpensati minn livell għoli ta' investiment sostenibbli miġjub fl-ekonomija Ewropea, l-impjiegi lokali relatati, u inqas dipendenza fuq l-importazzjoni. Ix-xenarji kollha jwasslu għad-dekarbonizzazzjoni mingħajr ebda differenzi kbar f'termini tal-ispejjeż ġenerali jew tas-sigurtà tal-implikazzjonijiet tal-provvista.

  • Huma meħtieġa ekonomiji ta’ skala. Approċċ Ewropew se jirriżulta f’inqas spejjeż u provvista sikura meta mqabbla mal-iskemi nazzjonali paralleli. Dan jinkludi suq komuni tal-enerġija li għandu jitlesta sal-2014.

Sfond

L-għan tal-Pjan Direzzjonali huwa li jinkisbu l-objettivi ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista tal-Ewropa. L-Istati Membri diġà qed jippjanaw politiki nazzjonali għall-enerġija għall-futur, pero huwa neċessarju li kulħadd jingħaqad flimkien fil-koordinazzjoni tal-isforzi fi ħdan qafas usa'. Il-Pjan Direzzjonali se jkun segwit minn inizjattivi oħra ta' politika dwar oqsma speċifiċi tal-politika dwar l-enerġija fis-snin li ġejjin, li jibdew bi proposti dwar is-suq intern, l-enerġija rinnovabbli u s-sikurezza nukleari s-sena d-dieħla.

F'Marzu 2011, il-KE ppubblikat il-Pjan Direzzjonali ġenerali tad-dekarbonizzazzjoni li jkopri l-ekonomija kollha. Is-setturi kollha: il-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-trasport, is-settur residenzjali, l-industrija u l-agrikoltura ġew analizzati. Il-Kummissjoni qed tipprepara wkoll il-pjanijiet direzzjonali settorjali; il-Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija 2050 huwa l-aħħar wieħed minnhom u jiffoka fuq is-settur kollu tal-enerġija.

Għal iktar tagħrif

Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jista' jinstab hawnhekk:

http://ec.europa.eu/energy/energy2020/roadmap/index_en.htm

Għal iktar tagħrif dwar il-Pjan Direzzjonali 2050, ara MEMO/11/914.

Kuntatti:

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site