Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/153

Brussell, il-15 ta’ Frar 2011

Il-Kummissjoni Ewropea taqbel li jsir tibdil limitat għat-trattat

Illum il-Kummissjoni Ewropea qablet li t-Trattat għandu jiġi emendat qabel l-2013 sabiex ikun jista' jinħoloq mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà li jħares l-istabbiltà taż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni temmen li l-emenda proposta fuq l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni bl-ebda mod ma tbiddel il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni temmen li billi l-emenda proposta tolqot il-politiki u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni, dan ifisser li hemm il-kundizzjonijiet li dan isir permezz ta' proċedura ssimplifikata ta' emenda tat-trattat.

Il-President Barroso qal: "Din id-deċiżjoni hija kruċjali biex aħna nagħtu prova tad-determinazzjoni li għandna li niddefendu l-munita komuni tagħna u li niggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja fil-konfront ta' xi żbilanċi ekonomiċi li rajna f'xi stati membri – żbilanċi li jeħtieġ nirmedjaw. Dan il-mekkaniżmu huwa essenzjali sabiex il-qafas tat-Trattat ikun komplut."

Il-Kunsill Ewropew jipproponi li l-Artikolu 136 TFUE jiġi emendat billi jiġi introdott pragrafu 3 ġdid:

"3. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta' stabbiltà li għandu jiġi attivat jekk ma jkunx jista' jsir mod ieħor biex titħares l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha. L-għoti ta' kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa skont il-mekkaniżmu għandu jkun suġġett għal kundizzjonalità stretta."

L-opinjoni tal-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-emenda proposta għat-trattat la żżid u lanqas iddgħajjef il-kompetenzi tal-Unjoni. L-emenda għat-trattat għandha titqies ukoll fil-kuntest tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika u s-sorveljanza baġitarja tal-istati membri fi ħdan iż-żona tal-euro. Il-Kummissjoni ser taħdem b'mod attiv mal-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro biex telabora aktar id-dettalji tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà.

Sfond:

Fis-16 ta' Diċembru tal-2010 l-Gvern Belġjan ippreżenta proposta lill-Kunsill Ewropew għal Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 TFUE dwar mekkaniżmu ta' stabbiltà permanenti għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Fl-20 ta' Diċembru tal-2010, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta l-Kummissjoni Ewropea dwar din il-proposta, f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE.

Billi jeħtieġ li l-proċeduri nazzjonali ta' approvazzjoni jibdew mill-aktar fis sabiex il-mekkaniżmu ta' stabbiltà jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi l-mekkaniżmu temporanju kurrenti, il-Kunsill Ewropew qiegħed jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti l-opinjoni tagħha sa Marzu 2011 biex b'hekk il-Kunsill Ewropew ikun jista' jaddotta d-Deċiżjoni tiegħu fil-laqgħa tal-24-25 ta' Marzu 2011.

L-opinjoni tal-Kummissjoni li ġiet addottata llum twieġeb għal din it-talba.

Kopja tal-opinjoni tal-Kummissjoni tinsab: COMM(2011)70

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/speeches-statements/2011/02/20110215_speeches_2_en.htm 


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site