Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tqiegħed il-ġemellaġġ tal-ibliet, it-tfakkir tal-istorja tal-Ewropa, u d-dibattitu dwar l-Ewropa fis-soċjetà ċivili fil-qalba ta’ programm il-ġdid “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”

Brussell, l-14 ta’ Diċembru, 2011 - Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat programm ġdid “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” li għandu l-għan li jżid il-kuxjenza u l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-Unjoni Ewropea. Il-programm, li jkopri l-perjodu bejn l-2014 u l-2020, u li għalih twarrbu €229 miljun, se jappoġġja attivitajiet li jżidu l-kuxjenza u l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-UE, il-valuri u l-istorja tagħha, bħat-tfakkir tal-imgħoddi tal-Ewropa u t-tisħib bejn l-ibliet (il-ġemellaġġi bejn l-ibliet). Se jgħin ukoll biex in-nies ikunu aktar involuti f’attivitajiet ċiviċi u demokratiċi permezz ta’ dibattiti u diskussjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-UE.

“Bil-kriżi finanzjarja, l-Ewropa saret aktar importanti minn qatt qabel għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u għad-dibattitu pubbliku. Għaldaqstant, huwa aktar importanti minn qatt qabel li jingħata appoġġ lill-proġetti li jippermettu liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili inġenerali li jinvolvu ruħhom fl-affarijiet tal-UE,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. “Il-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’ għandu biss baġit żgħir, iżda jista’ jkun ta’ għajnuna għal eluf ta’ proġetti żgħar, speċjalment fil-livell lokali u dak reġjonali, li jkunu ta’ relevanza kbira għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu impenjati fi proġetti transnazzjonali u fid-djalogu transkonfinali. Il-Programm il-ġdid għandu jkun ta’ stimolu għad-dibattitu fi ħdan is-soċjetà ċivili dwar l-UE kif ukoll għal proġetti konkreti li jseħħu qrib iċ-ċittadini, bħal fil-każ tal-ġemelleġġ tal-ibliet."

Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” attwali għall-2007-2013 diġà jipprovdi qafas legali li jappoġġa firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u ta’ organizzazzjonijiet favur il-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea. Bħala parti mill-għajnuna liċ-ċittadini biex isiru konxji taċ-ċittadinanza Ewropea ġdida, il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” il-ġdid ser jappoġġa think tanks, gruppi taċ-ċittadini u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Barra minn dan, se jippromwovi għarfien aħjar tal-UE, tal-istorja u l-valuri tagħha, kif ukoll l-għarfien tal-impatt tal-politika tal-UE fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Taħt il-parti tat-tfakkir tal-programm, iċ-ċittadini jimpenjaw ruħhom f’riflessjoni dwar l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea, l-identità tagħha u l-miri tagħha.

Il-programm il-ġdid se jikkumplimenta r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-Kummissjoni tal-2010 (ara IP/10/1390) u l-proposta biex l-2013 titfakkar bħala 'Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini' (IP/11/959)

Sfond

F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 (ara l-pakkett għall-istampa). Il-Kummissjoni issa qiegħda tikkumplimenta dan il-qafas bi programmi speċifiċi ġodda għall-perjodu finanzjarju li jmiss.

Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” attwali (2007-2013) jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013. Huwa jagħti liċ-ċittadini l-opportunità li jipparteċipaw biex lill-Ewropa ssir aktar magħquda, biex tiġi żviluppata identità Ewropea, biex jitrawwem sens ta’ pussess tal-UE, u biex jissaħħu t-tolleranza u l-komprensjoni reċiproka. Sal-lum, permezz ta’ baġit limitat ta’ €215 miljun appoġġja aktar minn 9,000 proġett kull sena permezz ta’ għotjiet għall-proġetti u ta’ appoġġ operazzjonali. Huwa jilħaq aktar minn 1 miljun ċittadin Ewropew fis-sena permezz ta’ eluf ta’ proġetti mnedija fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

Grazzi għall-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom u jimmobilizzaw liċ-ċittadini fuq livell lokali sabiex jiddibattu kwistjonijiet li għandhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħhom – bħall-ekonomija, l-impjiegi jew l-ambjent – f’kuntest Ewropew. Jistgħu wkoll jinvolvu ruħhom fi sħubiji transnazzjonali li jwasslu għal skambju tal-aħjar prassi u għal aktar kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-ġemellaġġ bejn l-ibliet huwa eżempju tajjeb ta’ kif iċ-ċittadini jitgħallmu minn xulxin, jirrispettaw lil xulxin u jiżviluppaw flimkien il-proġetti lokali.

Għal iktar tagħrif

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittjiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/reding

Persuni ta' kuntatt:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website