Navigation path

Left navigation

Additional tools

Drittijiet għal smigħ ġust: Persuni suspettati ta' reati se jibdew jirċievu ‘ittra tad-drittijiet’ fi proċedimenti kriminali bis-saħħa ta’ vot fil-Parlament Ewropew

European Commission - IP/11/1534   13/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Drittijiet għal smigħ ġust: Persuni suspettati ta' reati se jibdew jirċievu ‘ittra tad-drittijiet’ fi proċedimenti kriminali bis-saħħa ta’ vot fil-Parlament Ewropew

Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2011 – Persuni susspettati b’reat fl-Unjoni Ewropea dalwaqt se jibdew jirċievu ‘ittra tad-drittijiet’ li telenkalhom id-drittijiet bażiċi matul proċedimenti kriminali, bis-saħħa ta’ vot, illum, fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-miżura f'Lulju 2010 (IP/10/989) bħala parti mill-isforzi tagħha biex tiżgura li n-nies ikollhom dritt għal smigħ ġust madwar l-UE kollha. Dan huwa t-tieni pass f'sensiela ta' miżuri sabiex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali. Il-miżura hija parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ id-dritt tal-proċess ġust madwar l-UE u biex titjieb il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji. Wara l-approvazzjoni tal-Parlament, il-miżura issa se tgħaddi lill-Ministri għall-adozzjoni finali mill-Kunsill fil-ġimgħat li ġejjin, qabel ma ssir liġi.

Waqt li kienet qed tesprimi s-sodisfazzjoni tagħha għal dan il-vot, il-Kummissarju għall-Ġustizzja Viviane Reding qalet: "Il-vot ta’ llum huwa mument ta’ sinifikat kbir għax-xogħol tal-Kummissjoni Ewropea fejn jidħol id-dritt kriminali. Nixtieq nirringrazzja lill-Parlament għall-appoġġ tiegħu, u b’mod partikolari lil Birgit Sippel għax-xogħol tagħha bħala rapporteur. L-UE qed tieħu azzjoni qawwija biex issaħħaħ id-drittijiet tal-individwi fil-proċedimenti kriminali u fl-istess ħin biex titjieb il-fiduċja reċiproka fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.”

Il-liġi l-ġdida se tiżgura li kull persuna suspettata b’reat kriminali tirċievi informazzjoni adegwata dwar id-drittijiet bażiċi tagħha matul il-proċedimenti kriminali. Dawn huma d-dritt għal avukat; li jiġi infurmat bl-akkuża; li jingħata servizz ta' interpretazzjoni u traduzzjoni fil-każ li ma jkunx jifhem l-lingwa tal-proċedimenti; id-dritt li jżomm sieket u li jitressaq minnufih quddiem qorti wara li jiġi arrestat.

B’mod partikolari, il-liġi tinkludi ħames innovazzjonijiet:

  • Is-susspettati se jiġu infurmati bid-drittijiet tagħhom wara l-arrest;

  • Se jingħataw ‘ittra tad-drittijiet’ li tispjega d-drittijiet tagħhom bil-miktub;

  • L-ittra tad-drittijiet se tkun faċli sabiex tinftiehem, mingħajr kliem tekniku legali;

  • Se tkun disponibbli f’lingwa li jifhem is-suspettat;

  • Se tinkludi dettalji prattiċi dwar id-drittijiet tal-persuna.

Din il-liġi se jkun fiha ukoll innovazzjonijiet importanti bil-għan li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, speċjalment billi jiġi żgurat li kull persuna arrestat u soġġetta għall-Mandata ta’ Arrest Ewropew tirċievi minnufih ‘ittra tad-drittijiet’ li tkun tixraq (IP/11454).

Il-Kummissjoni għaddiet mudell ta' ittra lill-Istati Membri, li ser jiġi tradott fit-23 lingwa tal-UE.

Sfond

Flimkien mad-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, id-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali huwa parti minn sensiela ta’ miżuri ta' smigħ ġust bil-għan li tiżdied il-fiduċja fiż-żona unika ta’ ġustizzja fl-UE.

F'Ottubru 2010 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw l-ewwel proposta, li tat lil persuni suspettati d-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (IP/10/1305) u (MEMO/10/351)

F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni ressqet it-tielet miżura biex tiggarantixxi l-aċċess għal avukat u l-kuntatt mal-familja (IP/11/689). Din il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Fl-UE jsiru aktar minn tmien miljun proċediment kriminali kull sena. Bħalissa, il-probabbiltà li ċ-ċittadini jiġu informati kif suppost dwar id-drittijiet tagħhom jekk jiġu arrestati u jkunu qed jiffaċċaw akkużi kriminali, tvarja minn parti għall-oħra tal-UE. F'ċerti Stati Membri, il-persuni ssuspettati jirċievu biss informazzjoni verbali dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom, u f'oħrajn l-informazzjoni bil-miktub ma tingħatax sakemm ma tintalabx.

Skont l-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-għan li tiffaċilita l-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u titjieb il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura rigward materji kriminali li jkunu ta’ natura transkonfinali, l-UE tista’ tadotta miżuri li jsaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, b’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Id-dritt għal smigħ u għal difiża ġusti huma stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; kif ukoll fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Għal iktar tagħrif

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – id-drittijiet tas-suspettati u l-akkużati:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-rights/index_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

ANNESS 1: Mudell indikattiv ta’ Ittra tad-Drittijiet

L-uniku skop ta' dan il-mudell huwa li jiġi ppreżentat eżempju ta' Ittra tad-Drittijiet bil-ħsieb li l-awtoritajiet nazzjonali jiġi mgħejjuna meta jkunu qed ifasslu Ittra bħal din fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta li jużaw dan il-mudell. Meta jfasslu l-Ittra tagħhom, huma jkunu jistgħu jemendaw dan il-mudell biex iġibuh jaqbel mar-regoli applikabbli nazzjonali tagħhom u jżidu xi informazzjoni li tista' tkun utli.

Inti għandek id-drittijiet li ġejjin:

A. ASSISTENZA MINN AVUKAT / INTITOLAT GĦAL GĦAJNUNA LEGALI

Għandek id-dritt li titkellem b’mod kunfidenzjali ma’ avukat. Avukat huwa indipendenti mill-pulizija. Staqsi lill-pulizija f’każ li jkollok bżonn l-għajnuna biex tikkuntattja avukat, il-pulizija jgħinuk. F’ċerti każijiet, l-assistenza tista’ tingħata bla ħlas. Staqsi lill-pulizija għal aktar informazzjoni.

B. INFORMAZZJONI DWAR L-AKKUŻA

Għandek id-dritt li tkun taf ir-raġuni li għaliha inti sfajt arrestat/miżmum f’detenzjoni u dak li dwaru inti ssuspettat.

C. INTERPRETAZZJONI U TRADUZZJONI

Jekk inti ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa, għandek id-dritt li tingħata assistenza minn interpretu. Din tingħatalek bla ħlas. L-interpretu jista’ jgħinek titkellem mal-avukat tiegħek u huwa obbligat li jżomm kunfidenzjali dak li jintqal. Għandek id-dritt li jkollok traduzzjoni ta’ mill-anqas il-partijiet relvanti ta’ dokumenti essenzjali, inkluż kull ordni minn imħallef li permezz tagħha inti tkun ġejt arrestat jew miżmum f’detenzjoni, kull akkuża jew taħrika u kull sentenza. F’ċerti ċirkostanzi tista' tingħata traduzzjoni bil-fomm jew inkella ġabra fil-qosor.

D. ID-DRITT LI ŻŻOMM SIEKET

Meta l-Pulizija jew l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu qed jinterrogawk inti m’għandek l-ebda obbligu li twieġeb dwar l-offiża allegata. L-avukat tiegħek jista’ jgħinek tieħu deċiżjoni dwar dan.

E. AĊĊESS GĦAL DOKUMENTI

Waqt li tkun arrestat, inti (jew l-avukat tiegħek) għandek id-dritt li jkollok aċċess għad-dokumenti essenzjali li jkollok bżonn biex tikkontesta l-arrest jew id-dentenzjoni. Jekk il-każ tiegħek jitla’ quddiem il-qorti inti (jew l-avukat tiegħek) jkollok id-dritt li tingħata aċċess għall-evidenza materjali li jkun hemm favurek jew kontrik.

F. ID-DRITT LI TINFORMA LIL XI ĦADD IEĦOR DWAR ID-DETENZJONI TIEGĦEK / LI TINFORMA L-KONSULAT JEW L-AMBAXXATA TIEGĦEK

Meta tiġi arrestat, għid lill-pulizija jekk tkunx trid lil xi ħadd li jiġi infurmat dwar id-detenzjoni, pereżempju xi membru tal-familja jew inkella min iħaddmek. F’ċerti każijiet id-dritt li persuni oħra jiġu infurmati bid-detenzjoni tiegħek jista' jiġi limitat għal żmien temporanju. Dan ikunu jistgħu jgħiduhulek il-pulizija.

Jekk inti barrani, għid lill-pulizija jekk tkunx trid li l-awtorità konsulari jew l-ambaxxata tiegħek tiġi infurmata bid-detenzjoni. Għid lill-pulizija wkoll jekk tkunx trid tikkuntattja xi uffiċjal tal-awtorità konsulari jew tal-ambaxxata tiegħek.

G. ASSISTENZA MEDIKA URĠENTI

Meta tiġi arrestat, inti għandek id-dritt li tingħata assistenza medika urġenti. Għid lill-puliżija jekk għandekx bżonn ta’ kura medika urġenti.

H. PERJODU TA’ ĊAĦDA TAL-LIBERTÀ

Wara l-arrest inti tista’ tinċaħadlek il-libertà/tinżamm għal perjodu massimu ta’ ... [imla l-ammont ta’ sigħat/jiem applikabbli] Fi tmiem dan il-perjodu inti għandek jew tinħeles jew inkella tittella’ quddiem imħallef li jiddeċiedi dwar jekk għandekx tibqa’ tinżamm f’detenzjoni. Itlob informazzjoni mingħand l-avukat tiegħek jew mingħand l-imħallef dwar il-possibbiltajiet li tikkontesta l-arrest, li tirrevedi d-detenzjoni jew li titlob għal ħelsien provviżorju.

ANNESS II: Mudell indikattiv ta’ Ittra tad-Drittijiet għal persuni arrestati abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew

L-uniku skop ta' dan il-mudell huwa li jiġi ppreżentat eżempju ta' Ittra tad-Drittijiet bil-ħsieb li l-awtoritajiet nazzjonali jiġi mgħejjun’ meta jkunu qed ifasslu Ittra bħal din fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri mhumiex marbuta li jużaw dan il-mudell. Meta jfasslu l-Ittra tagħhom, huma jkunu jistgħu jemendaw dan il-mudell biex iġibuh jaqbel mar-regoli applikabbli nazzjonali tagħhom u jżidu xi informazzjoni li tista' tkun utli.

Inti ġejt arresta abbażi ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Inti għandek id-drittijiet li ġejjin:

A. INFORMAZJONI DWAR IL-MANDA TA’ ARREST EWROPEW

Inti għandek id-dritt li tingħata informazzjoni dwar il-kontenut tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew li abbażi tiegħu inti ġejt arrestat.

B. ASSISTENZA TA’ AVUKAT

Għandek id-dritt li titkellem b’mod kunfidenzjali ma’ avukat. Avukat huwa indipendenti mill-pulizija. Staqsi lill-pulizija jekk tkun trid għajnuna biex tikkuntattja avukat, il-pulizija jgħinuk. F’ċerti każijiet, l-assistenza tista’ tingħata bla ħlas. Staqsi lill-pulizija għal aktar informazzjoni.

C. INTERPRETAZZJONI U TRADUZZJONI

Jekk inti ma titkellimx jew ma tifhimx il-lingwa, għandek id-dritt li tingħata assistenza ta’ interpretu. Din tingħatalek bla ħlas. L-interpretu jista’ jgħinek titkellem mal-avukat tiegħek u huwa obbligat li jżomm kunfidenzjali dak li jintqal. Għandek id-dritt li tingħata traduzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew f'lingwa li inti tifhem. F’ċerti ċirkostanzi tista' tingħata traduzzjoni bil-fomm jew inkella ġabra fil-qosor.

D. POSSIBBILTÀ LI TAGĦTI L-KUNSENS TIEGĦEK

Inti tista’ tagħti l-kunsens tiegħek, jew inkella ma tagħtihx, biex tingħata f’idejn l-Istat li jkun qed ifittxek. Il-kunsens tiegħek iħaffef il-proċedimenti. [Żidiet possibbli minn ċerti Stati Membri: Jista’ jkun diffiċli, jew anki impossibbli li din id-deċiżjoni tinbidel aktar tard.] Itlob aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet jew mingħand l-avukat tiegħek.

E. SMIGĦ

Jekk inti ma tagħtix il-kunsens tiegħek li tingħata f’idejn Stat ieħor, għandek id-dritt li tidher quddiem awtorità ġudizzjarja.

Persuni ta’ Kuntatt:

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website