Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfiffex il-parteċipazzjoni tal-pubbliku sabiex telimina l-ostakoli għall-persuni b’diżabbiltà

Commission Européenne - IP/11/1533   13/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni Ewropea qed tfiffex il-parteċipazzjoni tal-pubbliku sabiex telimina l-ostakoli għall-persuni b’diżabbiltà

Brussell, 13 ta’ Diċembru 2011 – Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-pjanijet futuri tagħha għal biex telimina l-ostakoli għall-Ewropej b’diżabbiltajiet. Il-konsultazzjoni ser tgħin lill-Kummissjoni sabiex tipprepara l-proposti tagħha għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, ippjanat għall-ħarifa tal-2012. L-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura li persuni b’diżabbiltajiet jkollhom aċċess, fuq bażi ugwali daqs ħaddieħor, għall–ambjent fiżiku, t-trasport u l-informazzjoni u s-servizzi ta’ komunikazzjoni. Ser jibbenefikaw anki nies b‘mobbiltà limitata, bħall-anzjani. Il-konsultazzjoni – li minna nnifisha hi aċċessibbli kompletament – għandha l-għan li tiġbor opinjonijiet minn negozji, persuni b’diżabbiltajiet u l-pubbliku ġenerali u ser tibqa' miftuħa sad-29 ta’ Frar 2012.

“L-aċċessibilità timplika t-tkissir tal-ostakoli għal persuni b’diżabbiltà fil-bini, t-trasport u online. It-titjib tal-aċċess jagħmel il-ħajja eħfef anki għal persuni anzjani, ġenituri bi tfal żgħar u ħafna oħrajn," qalet il-Kummissarju għall-Ġustizzja Viviane Reding. “Li tagħmel il-prodotti u s-servizzi iżjed aċċessibbli huwa wkoll dwar kif toħloq opportunitajiet tas-suq u jista’ jkun ta’ stimolu għall-innovazzjoni u t-tkabbir. Huwa għalhekk li qed nikkonsultaw man-negozjanti kif ukoll ma' persuni b’diżabbiltajiet, persuni anzjani u l-pubbliku ġenerali.”

Is-sena li għaddiet il-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva biex tinħoloq Ewropa mingħajr ostakoli għal persuni b’diżabbiltà sal-2020 (IP/10/1505). Il-pjan jippreżenta b'mod ġenerali kif l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħtu lill-persuni b’diżabbiltajiet is-setgħa biex ikunu jistgħu jgawdu drittijiethom.

Waħda mill-azzjonijiet ewlenija inklużi kienet inizjattiva għall-aċċessibbilità. L-għan huwa li jintużaw regoli ta’ standardizzazzjoni jew l-akkwist pubbliku biex il-prodotti u s-servizzi kollha jsiru aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltajiet filwaqt li jiġi inkuraġġit suq Ewropew għal tagħmir ta' assistenza. Dan is-suq mistenni jikber b'mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, wara l-esperjenza fl-Istati Uniti

Studju li sar mir-Royal National Institute of the Blind tar-Renju Unit wera li investiment ta' £35 000 minn katina ta' supermarkits biex għamlet is-sit tagħha fuq l-internet aċċessibbli rriżulta fi dħul addizzjonali ta' aktar minn £13-il miljun fis-sena. Fi studju li sar fil-Ġermanja nstab li faċilitajiet aktar aċċessibbli jwasslu biex jiżdied l-ivvjaġġar minn persuni b'diżabbiltajiet, u dan jirriżulta f'bejn €620 miljun u €1.9 biljun f'valur addizzjonali tal-bejgħ għall-industrija turistika Ġermaniża.

Sfond

Persuna minn kull sitta fl-Unjoni Ewropea – madwar 80 miljun – għandha diżabbiltà li tvarja minn ħafifa sa severa. 'Il fuq minn terz tal-persuni ta' 'l fuq minn 75 sena għandhom diżabbiltajiet li b'mod jew b'ieħor jillimitawhom. Dawn in-numri huma mistennija jikbru hekk kif il-popolazzjoni tal-UE bil-mod il-mod tkompli tixjieħ. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-persuni spiss ma jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija minħabba ostakoli fiżiċi jew ta' tip ieħor, kif ukoll minħabba diskriminazzjoni.

IL-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tgħid li l-"L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità" Barra minn hekk, l-UE u s-27 Stat Membru tagħha kollha diġà impenjaw ruħhom li joħolqu Ewropa mingħajr ostakoli billi ffirmaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet (UNCRPD).

‘Aċċessibilità’ tfisser li persuni b'diżabbiltajiet ikollhom aċċess, fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor, għall-ambjent fiżiku, it-trasport, it-teknoloġiji u s-sistemi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal faċilitajiet u servizzi oħra.

Fl-1 u t-2 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni organizzat konferenza ewlenija fil-kuntest tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabbilità, li ffukat ukoll fuq il-perspettiva tal-kriżi ekonomika fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà. Matul il-konferenza l-Viċi-President Reding ħabbret li Salzburg, fl-Awstrija, kien ir-rebbieħ tal-Access City award 2012, il-premju tal-UE għal bliet li huma aċċessibli (IP/11/1492).

Fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE ingħaqdu għall-ewwel darba mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbilità, f’laqgħa ta’ livell għoli, sabiex jiddiskutu kwistjonijiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom Ewropej b'diżabbiltà (IP/11/1507).

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Konsultazzjoni pubblika dwar l-aċċessibbilità

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/discrimination/opinion/111207_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site