Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Il-Kummissjoni tipproponi li jitnaqqsu l-flus allokati għaċ-ċivil tal-UE

Brussell, it-13 ta' Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni llum adottat formalment pakkett ta' proposti għal riforma fir-rigward tal-persunal li, jekk jitpoġġa fil-prattika, iwassal biex sal-2020 jiġu ffrankati biljun ewro u, fuq medda itwal ta' żmien, aktar minn biljun ewro fis-sena. Jekk dan iseħħ, l-UE tkun tista' tiffriża n-nefqa operazzjonali għall-amministrazzjoni sal-2020. Il-proposta tgħolli l-età tal-irtirar, iżżewweġ tnaqqis ta' 5% fl-għadd tal-persunal ma' żieda fl-għadd ta' sigħat li l-membri tal-persunal iridu jaħdmu kull ġimgħa, tnaqqas is-salarji f'ċerti oqsma, tgħolli imposta speċjali tas-solidarjetà u tissimplifika l-metodu użat għall-aġġustamenti li jsiru kull sena fis-salarji u fil-pensjonijiet.

Il-Viċi-President Maroš Šefčovič qal: "L-istituzzjonijiet Ewropej u l-persunal tagħhom qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi kbar. Madanakollu, konvint li dawn l-isfidi jistgħu jegħlbuhom billi jaħdmu aktar, għal aktar ħin u b'iżjed effiċjenza. Il-proposta toħloq il-bilanċ li hemm bżonn bejn l-isforz meħtieġ biex nagħmlu l-ekonomija u l-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jwettqu l-linji l-politiċi tagħhom.

"Dan huwa wkoll ir-rispons politikament xieraq u legalment sod għat-talba li għamlu l-Istati Membri biex, kaġun tal-kriżi, nissospendu l-aġġustament annwali fil-paga ta' din is-sena. Ma kienx possibbli li tali miżura titwettaq minħabba li l-kriterji legali stretti biex issir ma kinux issodisfati."

Il-proposta tinkludi:

  • Tnaqqis ta' 5% tal-persunal fl-istituzzjonijiet kollha matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2017, permezz tar-rotazzjoni normali tal-persunal.

  • Żieda fil-ġimgħa minima tax-xogħol għall-persunal fl-istituzzjonijiet kollha minn 37 siegħa u nofs għal 40 siegħa, mingħajr aġġustamenti kumpensatorji fil-pagi.

  • L-età normali tal-irtirar se togħla minn 63 għal 65. Il-possibbiltà li wieħed jibqa' jaħdem minn jeddu sas-67 se ssir iktar faċli.

  • Sabiex tiġi kkunsidrata l-qagħda ekonomika iebsa ta' bħalissa, l-imposta speċjali (taxxa oħra minbarra t-taxxa fuq id-dħul), li se tispiċċa fl-2013, mhux biss se tinbidel b''imposta tas-solidarjetà' ġdida iżda wkoll se togħla għal 6% (bħalissa qiegħda 5.5%).

  • Ir-regoli dwar l-irtirar bikri se jiġu limitati sostanzjalment (l-età minima għall-irtirar bikri se togħla minn 55 għal 58; l-aċċess għall-iskema mingħajr tnaqqis tal-jeddijiet tal-pensjoni se jitnaqqas b'50%).

  • L-aċċess għall-ogħla gradi u salarji fil-karriera ta' "assistent" se jiġu limitati għall-assistenti li jagħtu l-aqwa riżultati li japplikaw b'suċċess għal post bl-ogħla livell ta' responsabbiltà f'din il-kategorija.

  • Is-salarji tal-membri segretarjali u klerikali ġodda tal-persunal se jitnaqqsu b'madwar 18%.

  • Miżuri oħrajn jinkludu: metodu ġdid u ssimplifikat biex is-salarji u l-pensjonijiet jiġu aġġustati fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet politiċi li ħadu s-27 Stat Membru kollha kemm huma għall-membri taċ-ċivil nazzjonali tagħhom, klawżola ta' eċċezzjoni ġdida u ssimplifikata sabiex ikun jista' jkun hemm rispons minnufih f'każ ta' kriżi ekonomika, tnaqqis tal-għadd massimu ta' jiem tal-lif mogħtijin lill-membri tal-persunal għall-mawra annwali tagħhom lejn pajjiżhom minn sitt ijiem għal tlieta, mod immodernizzat biex tinħadem id-distanza mill-pajjiż minn fejn ikun ġej il-membru tal-persunal li se jwassal biex jitnaqqsu l-allowances individwali, estenzjoni fit-tul massimu tal-kuntratti għall-aġenti kuntrattwali fl-istituzzjonijiet minn tliet snin għal sitta, u regoli aktar konsistenti għall-persunal fl-aġenziji tal-UE.

Sfond

Il-proposti tħabbru għall-ewwel darba fi tmiem Ġunju, iżda ġew emendati parzjalment wara kważi sitt xhur ta' taħdidiet u negozjati mar-rappreżentanti tal-persunal, mal-Istati Membri u mal-amministrazzjonijiet tal-istittuzzjonijiet l-oħrajn.

Sabiex ma jintilfux il-punt prinċipali tal-proposta u l-impatt finanzjarju tagħha, mingħajr ma ssir ħsara lill-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-UE li jirreklutaw u jżommu persunal ikkwalifikat ħafna, l-elementi ewlenin tal-proposta ta' Ġunju baqgħu mhux mimsusin.

Il-bidliet ewlenin li saru għall-proposta tal-bidu:

  • L-imposta tas-solidarjetà proposta biex titħallas mill-persunal se togħla minn 5.5% għal 6%.

  • Il-kompiti segretarjali u klerikali se jibqgħu jwettquhom uffiċjali (minflok jingħaddew lil persunal kuntrattwaki kif kien ġie propost fil-bidu). Madanakollu, se jiddaħħal tip ġdid ta' struttura tal-karriera għalihom b'salarji iktar baxxi u bi prospettivi tal-karriera li jikkorrispondu mal-livell tar-responsabbiltajiet.

  • Il-metodu użat għall-aġġustamenti annwali għall-pagi u għall-pensjonijiet se jiġi ssimplifikat u se jiġi estiż għal 10 snin oħra (minflok għal tmienja).

  • Mill-1 ta' Jannar 2013, is-27 Stat Membru kolla kemm huma se jintużaw biex tiġi rintraċċata l-evoluzzjoni tal-poter tal-akkwist tal-ħaddiema taċ-ċivil nazzjonali, li huwa element ewlieni tal-metodu. (Dan jieħu post il-proposta oriġinali sempliċiment biex iżid lill-Isvezja u lill-Polonja mal-kampjun ezistenti ta' 8 Stati Membri).

  • It-tul massimu li l-aġenti kuntrattwali jistgħu jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-UE se jittawwal minn tliet snin għal sitta (minflok għal ħamsa).

Il-pakkett rivedut ta' proposti issa se jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għal aktar diskussjoni u biex jiġi adottat permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Għal aktar informazzjoni, ara l-MEMO/11/907.

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website