Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Ambjent: Nilħqu l-isfida tat-trattament tad-drenaġġ

Brussell it-13 ta’ Diċembru 2011 – Bejn l-2007 u l-2013, madwar EUR 14-il biljun ser jintefqu madwar l-UE fuq infrastruttura għall-ġbir jew it-trattament tad-drenaġġ skont id-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi [tad-drenaġġ urban] (Urban Waste Water Treatment Directive - UWWT). L-għan huwa li jiġi żgurat li l-iskart uman u industrijali ma jkollux effett ħażin fuq is-saħħa umana u l-ambjent. L-aħħar rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, għall-perjodu 2007/2008, juri li l-ħidma miexja sewwa ’l quddiem iżda li r-rati tal-konformità tal-ġbir u t-trattament għadhom jistgħu jitjiebu. Ir-rapport jiżvela li l-Istati Membri tal-UE li ilhom l-iktar stabbiliti (UE-15)1 żammew standards tajbin għat-trattament tad-drenaġġ u tejbu t-trattament ta’ ilmijiet sensittivi, filwaqt li l-Istati Membri l-aktar ġodda (UE-12) tejbu l-ġbir u t-trattament ġenerali.

Is-sejbiet ewlenin tar-rapport huma:

  • Il-biċċa l-kbira tas-sistemi tal-ġbir tad-drenaġġ urban tal-UE-15 huma ħafna effikaċi u jiġbru 99 % tal-ilmijiet fil-mira tagħhom

  • L-erja totali maħtura bħala sensittiva (ewtropika jew f’riskju li ssir ewtropika), u li teħtieġ trattament iktar strinġenti, żdiedet minn 68 % għal 73 % mill-aħħar rapport. Dan jista’ jindika fost oħrajn żieda fl-ilmijiet ewtropiċi, iżda wkoll li l-Istati Membri jirrikonoxxu aħjar l-ilmijiet sensittivi tagħhom u jipproteġuhom iktar.

  • Għad baqa’ varjazzjonijiet kbar rigward l-implimentazzjoni tat-trattament iktar strinġenti tal-ilmijiet, iżda ntlaħqu rati ta’ konformità għoljin ħafna fl-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja; kien hemm titjib fid-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Lussemburgu u l-Isvezja, u fl-UE-12, speċjalment fil-Litwanja.

  • It-trattament tad-drenaġġ huwa avvanzat sew fi bliet kbar, b’installazzjonijiet għat-trattament iktar strinġenti stabbiliti għal 77 % tad-drenaġġ bħal dan. Ċerti bliet madankollu għad ma għandhomx trattament adegwat, inklużi erbgħa fl-UE-15: Barreiro/Moita u Matosinhos fil-Portugall, Frejus fi Franza, u Trieste fl-Italja

Il-Passi li Jmiss

Il-Kummissjoni ser tgħin lill-Istati Membri fil-finanzjament ta’ proġetti bl-użu tal-Fondi ta’ Koeżjoni; hekk ukoll istituzzjonijiet oħrajn tal-UE għandhom rwol importanti fil-finanzjament, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Dwar l-infurzar, il-Kummissjoni ser tieħu passi proattivi biex taħdem mal-Istati Membri meta jkun possibbli, iżda ser tkompli wkoll tieħu azzjoni legali kontra l-pajjiżi fejn l-implimentazzjoni taqa’ lura, speċjalment f’każijiet ta’ differenzi serji u dewmien fl-implimentazzjoni.

Sfond

Id-Direttiva UWWT teħtieġ li d-drenaġġ jinġabar u jiġi ttrattat fi kwalunkwe żona li tiġġenera tniġġis tal-ilma li huwa ekwivalenti għal abitazzjoni ta’ aktar minn 2000 persuna. Hemm kważi 23 000 żona bħal dawn fl-UE 27, li jipproduċu ammont totali ta’ tniġġis mid-drenaġġ ta’ madwar ekwivalenza ta’ popolazzjoni ta’ 550 miljun. Id-Direttiva tipprovdi għat-trattament bijoloġiku tad-drenaġġ (‘trattament sekondarju’), u hemm bżonn trattament iktar strinġenti għal żoni tal-ilmijiet speċjalment sensittivi li jeħtieġu livell ogħla ta' ħarsien.

Għall-Istati Membri tal-UE-15, id-Direttiva kellha tkun implimentata totalment fil-waqt tar-rapport, iżda l-pajjiżi tal-UE-12 ingħataw estensjonijiet fit-Trattati tal-Adeżjoni tagħhom. Fl-2007/08 l-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Rumanija u s-Slovejna kien għad għandhom dati tal-iskandenzi pendenti.

Studju tal-Kummissjoni fl-2000 stima li madwar EUR 152 biljun kienu ser jiġu investiti f’infrastruttura għad-drenaġġ matul il-perjodu 1990-2010. Il-fondi tal-UE għandhom rwol ewlieni fil-finanzjament tal-infrastruttura għat-trattament u l-ġbir, speċjalment fl-UE-12. Qabel, il-fondi għenu pajjiżi bħall-Irlanda, Spanja, l-Italja u l-Greċja jiksbu titjib impressjonanti sa mid-disgħinijiet, f’xi każijiet iċ-ċifri għat-trattament sekondarju żdiedu b’erba’ darbiet.

L-UE ttejjeb il-livelli ta’ konformità permezz ta’ azzjonijiet strinġenti ta’ infurzar: fl-2007 pereżempju, il-Kummissjoni segwiet is-sentenzi tal-Qorti dwar il-UWWT kontra l-Belġju, il-Lussemburgu, ir-Renju Unit u Spanja.

Dan huwa s-sitt rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva UWWT. Wara 20 sena, is-sitwazzjoni tat-trattament tad-drenaġġ fl-Ewropa tjiebet sinifikament.

Għal aktar tagħrif:

Is-Sitt Sommarju tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva UWWT

Ara wkoll:

Il-paġni tas-sit tal-internet dwar id-drenaġġ urban tal-UE :

http://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/index_en.html

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)

1 :

Ir-Renju Unit ma pprovdiex dejta fid-dati ta’ skadenzi miftiehma; b’riżultat ta’ dan, ir-riżultati tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-UWWTD mhumiex imdaħħla f’dan is-Sitt Rapport


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website