Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

EUROSUR: nistabbilixxu rabtiet fis-sorveljanza fuq il-fruntieri

Commission Européenne - IP/11/1528   12/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

EUROSUR: nistabbilixxu rabtiet fis-sorveljanza fuq il-fruntieri

Brussell, 12 ta’ Diċembru 2011 –Illum il-Kummissjoni Ewropea proponiet li tistabbillixxi Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) bl-għan li żżid il-koordinazzjoni ġewwa u bejn l-Istati Membri sabiex tipprevjeni u tittratta l-kriminalità serja, bħat-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin, u tnaqqas in-numru inaċċettabbli ta’ mwiet ta’ migranti fil-baħar.

Taħt il-mekkaniżmu tal-EUROSUR, l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għas-sorveljanza fuq il-fruntieri (gwardjani tal-fruntiera, gwardjani tal-kosta, pulizija tad-dwana u dawk navali) ser ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni operazzjonali u jikkooperaw ma’ xulxin, mal-Frontex u mal-pajjiżi ġirien. Iż-żieda fl-iskambju ta’ informazzjoni u l-użu ta’ teknoloġiji moderni ta’ sorveljanza introdotti minn EUROSUR jistgħu jkunu vitali biex isalvaw il-ħajja tal-migranti li jippruvaw jilħqu x-xtut tal-Istati Membri tal-UE b’dgħajjes żgħar li mhux tajbin għall-baħar, u li hu diffiċli ħafna sabiex jiġu lokalizzati.

“Il-EUROSUR ser tgħin biex fl-individwazzjoni u l-ġlieda kontra l-attivitajiet tan-netwerks tal-kriminali u ser tkun għodda kruċjali sabiex issalva lil migranti li jpoġġu ħajjithom f’riskju hekk kif jipprovaw jilħqu x-xtut tal-UE,” qalet Cecilia Malmström, Kummissarju għall-Affarijiet Interni “Is-sistema l-ġdida ser tikkontribwixxi għal sistema ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri filwaqt li tiżgura li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-dejta, u l-prinċipju ta’ non-refoulement.”

L-iskambju ta’ informazzjoni fil qafas tal-EUROSUR ser jieħu l-forma ta’ ‘ritratti tas-sitwazzjoni' li jistgħu jiġu deskritti bħala interfaċċja grafika li tippreżenta dejta, informazzjoni u tagħrif. Dawn ir-ritratti tas-sitwazzjoni ser ikunu stabbiliti fuq livell nazzjonali u Ewropew u ser ikun strutturati b’mod simili ħalli jħaffu l-fluss tal-informazzjoni bejniethom. Sabiex ittejjeb il-kapaċità li jiġu skoperti bastimenti żgħar, il-Frontex ser twaqqaf servizz għall-applikazzjoni komuni ta’ għodod ta’ sorveljanza, billi tgħaqqad fost l-oħrajn immaġini satellitari ma’ informazzjoni li ġejja mis-sistemi ta’ rappurtar tal-vapur.

Dan ser iżid il-possibilità li jiġu identifikati u lokalizzati r-rotot użati min-netwerks kriminali. Il-fatt li t-traffikanti qed jużaw attwalment dgħajjes żgħar tal-injam u tal-fajber-glass għat-traffikar kemm tal-bnedmin kif ukoll tad-drogi lleċiti qed joħloq sfida kbira għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi peress li hu diffiċli ħafna sabiex dgħajjes żgħar ta’ dan it-tip jiġu individwati, identifikati u llokalizzati fil-baħar miftuħ.

Il-Kuntest

Attwalment f’uħud mill-Istati Membri, sa sitt awtoritajiet differenti huma involuti direttament fis-sorveljanza fuq il-fruntieri marittimi, xi drabi joperaw sistemi ta’ sorveljanza parallela, mingħajr regoli ċari u flussi ta' xogħol għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejniethom. Barra minn hekk, fil-qasam ta’ sorveljanza fuq il-fruntieri mhux biss hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-Istati Membri, iżda wkoll bejniethom, minħabba l-assenza ta’ proċeduri proprji, ta' kanali ta’ netwerks jew ta' komunikazzjoni għall-iskambju tal-informazzjoni.

Il-EUROSUR ser isaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri tal-Istati Membri kif ukoll mal-Frontex. Għal dan il-għan, kull Stat Membru bi fruntieri esterni marittimi u tal-art ser jistabbilixxi ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni għal sorveljanza fuq il-fruntieri, li ser jiskambja l-informazzjoni maċ-ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni l-oħra u l-Frontex permezz ta’ netwerk ta' komunikazzjoni protetta.

Fl-2008, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li teżamina l-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) u stabbiliet pjan direzzjonali għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni tas-sistema (MEMO/08/86).

Bl-istess mod, l-Istati Membri bħalissa qed iwaqqfu ċentri ta’ koordinazzjoni nazzjonali għal sorveljanza fuq il-fruntiera, li għandhom ikunu l-punt ta' kuntatt waħdieni għal dejta f’ħin reali, l-iskambju ta’ informazzjoni u tagħrif bejn gwardjani tal-fruntiera, gwardjani tal-kosta pulizija u awtoritajiet nazzjonali oħra kif ukoll mal-Frontex u ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni oħra.

F’Novembru 2011, il-FRONTEX fuq bażi pilota rabtet l-ewwel sitt ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni1 permezz ta' netwerk ta’ komunikazzjoni protetta. Il-bqija taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri ser ikunu miżjuda fl-2012 u l-2013.

Flimkien mal-Istati Membri u aġenziji oħra tal-UE, il-Frontex bħalissa qiegħda tiżviluppa l-komponenti l-oħra tal-EUROSUR, li jiffokaw b’mod partikolari fuq l-iskoperta ta’ bastimenti żgħar użati għat-traffikar tal-bnedmin kif ukoll għat-traffikar tad-droga.

Ir-Regolament tal-illum ser jiġi issa diskuss mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bl-għan li l-EUROSUR tkun tista’ ssir operattiva mill-aħħar tal-2013.

Il-prijorità li ġiet mogħtija lil EUROSUR ġiet ikkonfermata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2011, li talab li s-sistema tiġi żviluppata ulterjorment bi prijorità sabiex tkun operattiva mill-2013. (IP/11/781).

Dan ir-Regolament jagħmel parti mill-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-fruntieri esterni u l-Istrateġija ta’ Sigurtà Inetrna tal-UE (IP/10/1535 u MEMO/10/598).

Sabiex jittejjeb il-kontroll tal-fruntieri esterni, il-Kummissjoni diġà pproponiet li ssaħħaħ il-governanza ġenerali taż-żona Schengen (għall-‘pakkett Schengen’, ara IP/11/1036 u MEMO/11/606) u li jistabbilixxi ġestjoni iżjed moderna u effiċjenti tal-flussi tal-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni tagħhom (għall-inizjattiva ‘Il-Fruntieri Intelliġenti’ ara IP/11/1234and MEMO/11/728).

Għal iktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Il-paġna ewlenija tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni dwar EUROSUR ara:

http://ec.europa.eu/home-affairs/policies/borders/borders_crossing_eurosur_c_en.htm

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)

1 :

Il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Polonja, is-Slovakkja, u Spanja.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site