
Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa
Spinta sinifikanti fl-appoġġ tal-UE għall-ambjent u l-klima permezz tal-programm ġdid LIFE
Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni tipproponi allokazzjoni ta’ EUR 3.2 biljun għas-snin 2014-2020 għall-Programm ġdid għall-Azzjoni dwar l-Ambjent u l-Klima - LIFE. Il-programm ġdid propost ser jibni fuq is-suċċess tal-Programm LIFE+ eżistenti però ser jiġi rriformat sabiex ikollu impatt ikbar, ikun iktar semplifikat u iktar flessibbli u jkolli baġit miżjud sostanzjalment.
Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Il-Programm LIFE huwa kruċjali għat-tfassil ta’ politika aħjar dwar l-ambjent. Huwa disponibbli biex jappoġġa dawk in-nies u l-organizzazzjonijiet kollha li qegħdin jaħdmu biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni jkollha riżultati aħjar għall-ambjent fl-Ewropa. Qegħdin nirriformaw il-programm biex iwassal għal impatt akbar billi jimmobilizza appoġġ b’mod integrat minn sorsi oħra ta’ finanzjament."
Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika Connie Hedegaard ikkummentat: "Il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-fondi bi tliet darbiet għall-klima fi ħdan il-programm il-ġdid. Dan għandu jippermettilna li nżidu l-appoġġ għall-istrateġija reġjonali għall-karbonju baxx u r-reżiljenza għall-klima u għall-proġetti klimatiċi fuq skala żgħira mill-SMEs, l-NGOs u l-awtoritajiet lokali. Permezz tal-LIFE, nistgħu wkoll nattiraw fondi oħrajn Ewropej u nazzjonali għall-azzjoni klimatika. "
L-aspetti l-ġodda għall-Programm LIFE tal-ġejjieni jinkludu:
Il-ħolqien ta’ programm sekondarju ġdid għal Azzjoni Klimatika;
Definizzjoni iktar ċara tal-prijoritajiet bi programmi ta’ ħidma multiannwali adottati f’konsultazzjoni mal-Istati Membri;
Possibbiltajiet ġodda għall-implimentazzjoni ta’ programmi fuq skala ikbar permezz ta’ "Proġett integrati" li jistgħu jgħinu biex jiġu mmobilizzati fondi oħrajn tal-UE, dawk nazzjonali u dawk privati għal għanijiet dwar l-ambjent jew il-klima.
Il-programm sekondarju għall-Ambjent ser jappoġġa l-isforzi f’dawn l-oqsma:
"Effiċjenza fl-Ambjent u r-Riżorsi" ser jiffoka fuq soluzzjonijiet aktar innovattivi għall-implimentazzjoni aħjar tal-politika dwar l-ambjent u għall-integrazzjoni ta’ għanijiet ambjentali f’setturi oħra.
"Il-Bijodiversità" ser jiżviluppa l-aqwa prattiki biex titwaqqaf it-telfa tal-bijodiversità u jerġa’ jistabbilixxi s-servizzi tal-ekosistema, waqt li jiffoka primarjament fuq l-appoġġ tas-siti tan-Natura 2000, speċjalment permezz ta’ proġetti integrati konsistenti mal-Oqsfa ta’ Azzjoni Prijoritizzati tal-Istati Membri (kif spjegat fid-dokument il-ġdid tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament tan-Natura 2000);
"Informazzjoni u Governanza tal-Ambjent" ser jippromwovi l-qsim tal-għarfien, id-disseminazzjoni tal-aqwa prattiki, u konformità aħjar, flimkien ma' kampanji li jqajmu kuxjenza.
Il-programm sekondarju għal Azzjoni Klimatika jkopri l-oqsma li ġejjin:
"Il-Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima" ser jiffoka fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;
"L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima" ser jiffoka fuq iż-żieda tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;
"Informazzjoni u Governanza Klimatika" ser jiffoka fuq iż-żieda fil-kuxjenza, il-komunikazzjoni, il-kooperazzjoni u d-disseminazzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet dwar il-mitigazzjoni u l-adattament klimatiċi.
L-għotjiet ta’ finanzjament għal proġetti ser jibqgħu t-tip ewlieni ta’ intervent tal-Programmi. Għotjiet operattivi għall-NGOs u l-entitajiet oħrajn ser jibqgħu possibbli, u ser jkun hemm ukoll ambitu għal kontribuzzjonijiet għal strumenti finanzjarji innovattivi.
LIFE ser jadotta proċeduri eħfef u aktar flessibbli.
Il-Passi li Jmiss
Il-Kummissjoni tispera li l-proposti ser itemmu il-proċess tagħhom, fil-ħin, mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-perjodu tal-ipprogrammar li jmiss (2014-2020).
Sfond
Il-Programm LIFE huwa parti mill-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014-2020, li jistabbilixxi l-qafas baġitarju u l-orjentazzjonijiet ewlenin għall-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza l-azzjoni dwar l-ambjent u l-klima bħala parti integrali tal-istrumenti u l-interventi ewlenin kollha u flimkien mal-approċċ tas-“semplifikazzjoni", tipproponi li tkompli l-Programm LIFE li bħalissa huwa rregolat mir-Regolament LIFE+. Billi tingħaqad is-semplifikazzjoni ma’ strument speċifiku, dan iwassal għal żieda fil-koerenza u l-valur miżjud tal-intervent tal-UE.
Il-Programm LIFE li tnieda fl-1992, huwa wieħed mill-aqwa mezzi ta' finanzjament tal-UE għall-ambjent. Diġà ffinanzja iktar minn 3 500 proġett, u kkontribwixxa EUR 2.5 biljun għall-ħarsien tal-ambjent. LIFE+, li beda fl-2007 u ser ikompli sal-2013 b’baġit ta’ ftit iktar minn EUR 2.1 biljun, jiffinanzja l-aktar għotjiet (dawn ikopru 78 % tal-baġit tal-LIFE+).
LIFE kellu rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali ewlenija tal-UE bħad-Direttiva dwar il-Ħabitas u l-Għasafar, u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma. Il-proposti għall-programm il-ġdid huma msejsa fuq l-evalwazzjoni ta’ esperjenza preċedenti, u r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi riċenti. Dawn juru li proġetti ekoinnovattivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima, l-ilma u l-iskart kellhom l-ikbar suċċess fil-kisba ta’ benefiċċji ambjentali diretti.
Għal aktar tagħrif:
Għal aktar tagħrif dwar LIFE+:
http://ec.europa.eu/environment/life/index.htm
Ara wkoll:
Finanzjament ta' Natura 2000. Investiment f'Natura 2000: benefiċċji għan-natura u n-nies (dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni)
Kuntatti : Joe Hennon (+32 2 295 35 93) Monica Westeren (+32 2 299 18 30) Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71) Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78) |