Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Insarrfu d-dejta tal-gvern f'deheb

Commission Européenne - IP/11/1524   12/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Aġenda Diġitali: Insarrfu d-dejta tal-gvern f'deheb

Brussell, it-12 ta' Diċembru 2011 – Il-Kummissjoni varat Strateġija għall-Ewropa dwar id-Dejta Miftuħa, li hija mistennija tipprovdi spinta f'forma ta' EUR 40 biljun fis-sena lill-ekonomija tal-UE. L-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Ewropa għandhom minjiera tad-deheb ta' potenzjal ekonomiku mhux realizzat: il-volumi kbar ta' informazzjoni miġbura minn għadd kbir ta' awtoritajiet u servizzi pubbliċi. Stati Membri bħar-Renju Unit u Franza diġà qed juru dan il-valur. L-istateġija biex ittejjeb il-prestazzjoni madwar l-UE hija msejsa fuq tliet binarji: l-ewwel, il-Kummissjoni se tmexxi permezz tal-eżempju, billi tiftaħ il-ħażniet tagħha ta' informazzjoni lill-pubbliku, mingħajr ħlas, permezz ta' portal ġdid tad-dejta. Fit-tieni lok, se jkunu stabbiliti kundizzjonijiet indaqs għal dejta miftuħa madwar l-UE. Fl-aħħar nett, dawn il-miżuri se jkunu sostnuti mill-EUR 100 miljun li se jingħataw fl-2011-2013 bħala finanzjament għar-riċerka f'teknoloġiji mtejba ta' mmaniġġar tad-dejta.

Dawn l-azzjonijiet iqiegħdu l-UE bħala l-mexxej globali fl-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku. Dawn se jagħtu spinta lill-industrija, li qed tirnexxi, li tbiddel id-dejta mhux ipproċessata f'materjal li jiddependu fuqu miljuni ta' utenti tal-ICT, pereżempju applikazzjonijiet ta' smart phones bħal mapep, informazzjoni dwar it-traffiku u t-temp f'ħin reali, għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet u aktar. Benefiċjarji ewlenin oħra jinkludu ġurnalisti u akkademiċi.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: "Illum qed nibagħtu sinjal b'saħħtu lill-amministrazzjonijiet. Id-dejta tiegħek se jkollha valur ogħla jekk taqsamha mal-oħrajn. Ejja nibdew nagħmlu dan minn issa: uża dan il-qafas biex tingħaqad mal-mexxejja intelliġenti l-oħra li diġà qed jibbenefikaw mill-fatt li laqgħu d-dejta miftuħa. Il-kontribwenti diġà ħallsu għal din l-informazzjoni, l-inqas li nistgħu nagħmlu huwa li ntuha lura lil dawk li jixtiequ jużawha b'modi ġodda sabiex jgħinu lin-nies u joħolqu impjiegi u tkabbir." Ara l-kwotazzjoni bil-vidjow tas-Sin. Kroes hawnhekk.

Il-Kummissjoni tipproponi aġġornament tad-Direttiva tal-2003 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku billi:

  • Tagħmilha regola ġenerali li d-dokumenti kollha li kienu disponibbli minn korpi tas-settur pubbliku jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid għal kwalunkwe raġuni, kemm kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali, sakemm mhumiex protetti minn drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi;

  • Tistabbilixxi l-prinċipju li l-korpi pubbliċi ma għandhomx ikollhom permess li jimponu ħlas ogħla mill-ispejjeż li jirriżultaw minn talba individwali għad-dejta (spejjeż marġinali); fil-prattika, dan ifisser li l-biċċa l-kbira tad-dejta se tkun offruta bla ħlas jew virtwalment bla ħlas sakemm mhux ġustifikat b'mod xieraq.

  • Tagħmilha obbligatorja li tiġi pprovduta dejta f'formats użati b'mod komuni, li jinqraw faċilment mill-magni, sabiex jiġi żgurat li d-dejta tista' effettivament tintuża mill-ġdid.

  • Tintroduċi sorveljanza regolatorja għall-infurzar ta' dawn il-prinċipji;

  • Tespandi bil-kbir il-kopertura tad-Direttiva sabiex tinkludi libreriji, mużewijiet u arkivji għall-ewwel darba; ir-regoli eżistenti tal-2003 se japplikaw għal dejta minn tali istituzzjonijiet.

Flimkien ma' dan, il-Kummissjoni se tagħmel pubblika d-dejta tagħha stess permezz ta' "portal tad-dejta" ġdid, li l-Kummissjoni diġà ftiehmet kuntratt dwaru. Il-portal attwalment qiegħed f'"verżjoni beta" (fażi ta' żvilupp u testjar) b'varar mistenni fir-rebbiegħa tal-2012. Biż-żmien, dan se jservi bħala punt uniku ta' aċċess għal dejta li tista' tintuża mill-ġdid mill-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali kollha.

Sfond

Dejta Miftuħa hija informazzjoni ġenerali li tista' tintuża, terġa' tintuża u tiġi ddistribwita mill-ġdid minn kulħadd - kemm mingħajr ħlas jew bi spiża marġinali.

Il-proposta tal-Kummissjoni llum tkun se topera bir-rispett sħiħ tar-regoli dwar it-trattament tad-dejta personali.

Studji mwettqa f'isem il-Kummissjoni Ewropea juru li l-industrija u ċ-ċittadini għadhom jaffrontaw diffikultajiet fis-sejba u l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni mis-settur pubbliku. B'hekk, qed infiehmu li d-dejta miftuħa ftit li xejn hija żviluppata fl-Ewropa.

Fis-settur importanti tal-informazzjoni ġeografika, kważi 80 % minn fost dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-Kummissjoni jgħidu li huma mċaħħda milli jagħmlu użu sħiħ mill-informazzjoni miżmuma mill-korpi pubbliċi. Ir-raġunijiet jinkludu miżati għoljin, regoli u prattiki mhux trasparenti fir-rigward tal-użu mill-ġdid, nuqqas ta' trasparenza dwar liema tip ta' dejta hija miżmuma u minn min, ftehimiet esklussivi ta' liċenzjar li jistgħu jkollhom l-effett li jimminaw il-kompetizzjoni.

Fl-'Aġenda Diġitali għall-Ewropa' tagħha, il-Kummissjoni identifikat l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, flimkien mal-aċċess għall-internet veloċi u ultraveloci, bħala element ewlieni biex jitwettaq is-Suq Diġitali Uniku.

Id-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku introduċiet l-ewwel sett ta' miżuri biex tagħmilha iktar faċli għan-negozji li jiksbu aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-gvern u l-permess li jużawha mill-ġdid. Wasslet ukoll għal proċess fejn l-aġenziji tal-gvern naqqsu l-miżati imposti għall-ksib tal-informazzjoni. Il-proposta ta' llum testendi l-aċċess u twessa' l-kopertura tad-Direttiva.

Aktar informazzjoni:

Ara MEMO/11/891

Is-sit elettroniku tad-Dejta Miftuħa tal-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali: ec.europa.eu/digital-agenda

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes: ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: twitter.com/neeliekroeseu

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16); Twitter: @ECspokesRyan

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site