Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Mogħti il-Gran Premju Lorenzo Natali 2011

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2011 – Sbatax-il rebbieħ minn madwar id-dinja kollha ġew mogħtija l-Premju Lorenzo Natali għal xogħol ġurnalistiku eċċellenti li jkopri kwistjonijiet dwar l-żvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija matul ċ-ċerimonja tal-premjazzjoni fi Brussell illejla. Dawn ġew magħżula minn fost aktar minn 1300 parteċipant.

Huwa u jitkellem dwar ir-rebbieħa, il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp Andris Piebalgs qal: "Il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, u l-midja ħielsa huma l-kundizzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku. L-Ewropa hija mpenjata li tippromwovi dawn il-valuri madwar id-dinja, iżda tirrikonoxxi li dawn jeħtieġu l-kontribuzzjoni tal-midja sabiex tingħata vuċi liċ-ċittadini kollha u sabiex l-avvenimenti jiġu rreġistrati bir-reqqa. Permezz tal-impenn u tal-professjonalità tagħhom, ir-rebbieħa tal-Premju Lorenzo Natali 2011 sfruttaw il-potenzjal biex jilħqu liċ-ċittadini, ipprovdewna bi stejjer umani u realtajiet lokali li fetħulna għajnejna. Aħna napprovaw l-isforzi tagħhom u nirringrazzjawhom tal-kontribuzzjonijiet siewja sabiex jippromwovu l-iżvilupp, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha."

Dan il-premju qed jitngħata għall-20 sena. Permezz ta’ dan il-premju, il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tippremja lil ġurnalisti li jirrappurtaw spiss f’ċirkostanzi diffiċli, li tiċċelebra l-modi li bihom il-ġurnaliżmu jista’ jkun iż-żerriegħa ta’ bidla pożittiva, l-ispirazzjoni għall-iżvilupp, u l-mutur għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

Ir-rebbieħa l-oħra tal-Premju Lorenzo Natali 2011 koprew dawn is-suġġetti: il-mikrokreditu, l-istupru korrettiv u l-ħajja doppja tal-omosesswali fl-Afrika, il-proporzjon ta’ bejn is-sessi fl-Indja, it-traffikar tat-tfal, il-maġija, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-iskjavitù, eċċ.

Il-lista sħiħa tar-rebbieħa kollha u l-artikli tagħhom u x-xogħlijiethom għat-TV u r-Radju huma disponibbli fuq il-websajt tal-Premju Lorenzo Natali.

http://lorenzonataliprize.eu/

Sfond:

Għal dawn l-aħħar għoxrin sena, il-Premju Lorenzo Natali kien parti mill-politika tal-iżvilupp tal-Kummissjoni. Il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp jippermettu l-promozzjoni tal-governanza tajba, il-paċi u t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' għajxien fl-ifqar pajjiżi.

Il-premji, li jiswew total ta' EUR 60 000, (il-Gran Premju, il-Premju Speċjali għat-TV u l-Premju Speċjali għar-Radju u l-ewwel premju f'kull kategorija reġjonali jammonta għal EUR 5000. It-tieni u t-tielet premju fil-kategoriji reġjonali huma ta' EUR 2500 u EUR 1500), qed jingħataw lil sbatax-il ġurnalist għall-kopertura ta' dawn l-oqsma: L-Afrika, id-Dinja Għarbija/il-Lvant Nofsani, l-Asja, l-Ewropa, l-Amerika Latina/il-Karibew, il-Premju Speċjali għat-TV, il-Premju Speċjali għar-Radju u l-Gran Premju.

Ġurija indipendenti, immexxija minn Toby Vogel, ġurnalist fi grad għoli mal-European Voice, għażlet ir-rebbieħa ta’ din is-sena. Għall-organizzazzjoni tal-Premju Lorenzo Natali 2011, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem flimkien mal-Korrispondenti Mingħajr Fruntieri, rebbieħa tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb fl-2005.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt tal-Premju Lorenzo Natali:

http://lorenzonataliprize.eu/

Xi siltiet u ritratti taċ-ċerimonja ser ikunu disponibbli fuq il-Europe by Satellite (EbS, L-Ewropa bis-Satellita).

http://ec.europa.eu/avservices/ebs/schedule.cfm

Contacts :

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website