Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-Saħħa Pubblika: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri effettivi għal ħarsien aħjar taċ-ċittadini minn medda wiesgħa ta’ theddidiet għas-saħħa minn pajjiż għal ieħor

Commission Européenne - IP/11/1516   08/12/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Is-Saħħa Pubblika: Il-Kummissjoni tipproponi miżuri effettivi għal ħarsien aħjar taċ-ċittadini minn medda wiesgħa ta’ theddidiet għas-saħħa minn pajjiż għal ieħor

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011. Biex l-Ewropej ikollhom aktar ħarsien minn medda wiesgħa ta’ theddidiet għas-saħħa, u f’każ ta’ kriżi jkun hemm reazzjoni kkoordinata fis-sħiħ, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta leġiżlattiva dwar kif tindirizza theddid serju għas-saħħa minn pajjiż għal ieħor. Bis-saħħa tat-tagħlimiet meħuda minn kriżijiet reċenti bħall-pandemija H1N1 fl-2009, is-sħaba ta’ rmied vulkaniku fl-2010 u t-tifqigħa ta’ E. coli fl-2011, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ il-mezzi biex tkun lesta għal din it-tip ta’ kriżi u tindirizzaha. Il-miżuri prinċipali proposti huma:

  • l-estensjoni tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni attwali għal mard li jittieħed għat-theddid kollu għas-saħħa li jiġi minn kawżi bijoloġiċi, kimiċi jew ambjentali;

  • it-tisħiħ tal-mandat tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa;

  • it-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija għall-kriżi, pereżempju permezz tal-akkwist konġunt ta’ vaċċini;

  • il-forniment ta’ mezzi għall-għarfien ta’ “sitwazzjoni ta’ emerġenza għas-saħħa” Ewropea, bil-għan li l-mediċini jkunu disponibbli aktar malajr;

  • u li jkun hemm ftehim dwar miżuri ta’ emerġenza transkonfinali mal-Ewropa kollha meta kriżi tirriżulta f’mortalità ta’ skala għolja u l-miżuri nazzjonali ma jirnexxilhomx iżommu l-marda milli tinfirex.

John Dalli, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: “Fis-soċjetà globalizzata ta’ llum, in-nies u l-prodotti jgħaddu minn fruntiera għal oħra u l-mard jista’ jinfirex mal-Ewropa kollha - u mad-dinja - fi ftit sigħat. Din hija r-raġuni l-għala l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jridu jkunu lesti jaġixxu b’mod ikkoordinat bis-sħiħ biex iżommu marda milli tinfirex. Il-proposta li adottajna llum tagħtina l-mezzi u l-istrutturi biex inħarsu b’mod effettiv iċ-ċittadini tagħna mal-Ewropa kollha minn medda wiesgħa ta’ theddidiet għas-saħħa”.

Fatturi bijoloġiċi, kimiċi jew ambjentali jistgħu jixprunaw theddid serju għas-saħħa minn fruntiera għal oħra. Dan id-theddid jista’ jimmaterjalizza bħala mard li jittieħed minn persuna għal oħra bħall-influwenza, mard li jkun moħbi fl-ikel u fl-ilma bħall-botuliżmu, infezzjonijiet tal-E. coli jew jista’ jiġi minn kundizzjonijiet ta’ temp estremi bħal perjodu twil ta’ ġranet sħan jew ta’ kesħa. F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea għaddiet minn bosta kriżijiet ta’ dan it-tip. Abbażi tas-Sistema ta’ Twissija u Reazzjoni fil-Pront għall-mard li jittieħed maħluqa fl-1998, il-proposta tal-Kummissjoni tressaq miżuri biex issaħħaħ ir-reazzjoni għat-theddid serju minn fruntiera għal oħra fl-UE.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat kapaċitajiet biex tlaħħaq tajjeb ma’ kriżijiet tas-saħħa u waqqfet sensiela ta’ strateġiji politiċi, mekkaniżmi u strumenti biex tindirizza t-theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Twaqqfu strateġiji mfasslin bil-qies skont in-natura tat-theddida, pereżempju: b’attenzjoni fuq il-protezzjoni ċivili, l-infurzar tal-liġi jew strutturi ta’ appoġġ.

Iżda, s’issa, it-tipi differenti ta’ theddidiet serji għas-saħħa minn fruntiera għal oħra ma ġewx ittrattati b’mod konsistenti fil-livell tal-UE. It-theddid li jiġi minn fatturi bijoloġiċi, kimiċi u ambjentali ma jiġix indirizzat bl-istess mod bħal dak minn mard li jittieħed.

Il-proposta attwali sserraħ fuq l-istrutturi li hemm bħalissa u ssaħħaħhom aktar permezz ta’ dan l-ġej:

1. Testendi l-stima tar-riskji u l-koordinazzjoni tal-miżuri mill-mard li jittieħed għat-theddid kollu għas-saħħa li jiġi minn kawżi bijoloġiċi, kimiċi jew ambjentali;

Matul kriżi tas-saħħa huwa essenzjali li tkun magħrufa n-natura tat-theddida, kif qed tinfirex, f’kemm żmien u sa fejn se tinfirex, biex il-firxa u l-effetti għas-saħħa jkunu jistgħu jiġu limitati u biex iċ-ċittadini jkunu aġġornati dwar tagħrif u pariri. Diġà jeżisti netwerk għas-sorveljanza ta' epidemiji ta' mard li jittieħed magħmul mill-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-awtoritajiet nazzjonali. B’din il-proposta l-ġdida, din il-kompetenza tiġi estiża għal theddidiet oħra serji għas-saħħa minn fruntiera għal oħra. F’każ li sseħħ theddida, jistgħu jitwaqqfu netwerks fuq bażi ad hoc għall-iskambju tal-informazzjoni, l-istima tar-riskji, id-disponibbiltà ta' xjenzjati u kompetenzi.

2. Issaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa biex jikkoordina aħjar miżuri kontra kriżi tas-saħħa

Fl-2001, wara l-attakki terroristiċi u t-tixrid deliberat tat-tossiċi tal-anthrax fl-Istati Uniti, twaqqaf il-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE mill-Ministri tas-Saħħa tal-UE. Minn dakinhar il-kumitat ta l-appoġġ tiegħu għall-koordinazzjoni tar-reazzjonijiet għall-kriżijiet tas-saħħa pubblika fil-livell tal-UE billi kkoordina l-istima tar-riskju u l-ġestjoni tat-theddidiet serji għas-saħħa minn fruntiera għal oħra. Il-proposta tifformalizza u tagħti mandat usa’ lill-Kumitat u fiha hemm li huwa jipprovdi pariri lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tekniċi u ta’ strateġija politika marbuta mas-sigurtà tas-saħħa.

3. Issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija kontra kriżi

Li jkun hemm pjan ta’ stat ta’ tħejjija fir-rigward ta’ x’għandu jsir meta tfaqqa kriżi huwa essenzjali biex tiġi miġġielda l-kriżi. Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi li kull Stat Membru jikkoordina l-isforzi tiegħu biex jiżviluppa, issaħħaħ u jżomm il-pjan ta’ stat ta’ tħejjija u ta’ reazzjoni nazzjonali, f’konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħra. Dawn il-pjanijiet jinkludu pereżempju miżuri biex jitjieb l-aċċess għal kontromiżuri mediċi u koordinazzjoni ma’ setturi ewlenin oħra. L-Istati Membri jirrispettaw ukoll il-linji gwida mressqa mill-Kummissjoni li se tikkoordina l-proċess. Dawn il-linji gwida jistgħu jkunu marbuta ma’ miżuri ta’ saħħa jew ma’ komunikazzjoni mal-pubbliku. Il-proposta tipprovdi ukoll is-sies għal akkwist konġunt volontarju ta’ vaċċini u kontromiżuri mediċi oħra għall-Istati Membri interessati.

4. Tipprovdi l-mezzi għall-għarfien ta’ “sitwazzjoni ta’ emerġenza għas-saħħa” Ewropea bil-għan li l-mediċini (meħtieġa kontra l-kriżi) ikunu disponibbli aktar malajr

Il-proposta tipprevedi li meta marda ta’ theddida għall-ħajja u li tista’ tiġi pprevenuta bil-vaċċini jew ikkurata bil-mediċini tkun qed tinfirex malajr fl-Ewropa u l-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija tkun għadha ma ddikjaratx sitwazzjoni ta’ “emerġenza”, l-UE tista’ tagħraf sitwazzjoni ta’ emerġenza għas-saħħa Ewropea għall-uniku fini li tawtorizza mediċini ġodda aktar malajr jew tibdel l-indikazzjoni ta’ xi mediċina. Bil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea trid tistenna li d-WHO tiddikjara emerġenza internazzjonali mal-kontinenti. Din id-dispożizzjoni tfittex li tindirizza sitwazzjonijiet fejn marda tkun qed tinfirex mal-Ewropa (mhux fuq skala dinjija) u tista’ tiġi salvata l-ħajja tan-nies bil-farmaċewtiċi.

5. Miżuri ta’ emerġenza Ewropea transkonfinali

Il-proposta tipprevedi li f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza speċifiċi ħafna li jwasslu għall-imwiet tan-nies jew għal li jiddaħħlu l-isptar fuq skala kbira, u meta l-miżuri tal-Istati Membri jirriżultaw mhux biżżejjed biex jikkontrollaw it-tixrid minn fruntiera għal oħra, il-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza transkonfinali, pereżempju marbuta mal-kontroll ta’ tifqigħa jew l-iskrinjar ta’ ċittadini infettati.

Għal aktar informazzjoni żur is-siti ta' hawn taħt:

http://ec.europa.eu/health/preparedness_response/policy/index_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Dalli:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/dalli/index_en.htm

MEMO/11/884

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site