Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Regoli ġodda tal-UE għall-ġbir ta’ fondi: spinta lill-kapital ta’ riskju għall-SMEs u ffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu

Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2011 – L-aċċess għall-finanzi huwa essenzjali biex jitjiebu l-kompetittività u l-potenzjal ta’ tkabbir għall-SMEs. Iżda fil-kuntest tal-kriżi attwali, ikkaratterizzata minn tnaqqis fis-self lill-ekonomija reali, qed ikun dejjem aktar diffiċli għal kumpaniji bħal dawn biex ikollhom aċċess għas-self. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta strateġija biex tippromwovi aċċess aħjar biex tiffinanzja l-SMEs permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni tal-UE li jinkludi żieda fl-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment u proposta għal regolament li jiffissa regoli uniformi għat-tqegħid fis-suq ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju.

Ir-regolament il-ġdid se jagħmilha aktar faċli għal dawk li joffru kapital ta’ riskju biex jiġbru l-fondi madwar l-Ewropa għall-benefiċċju ta’ impriżi għadhom jibdew. Il-metodu huwa sempliċi: ladarba jiġi sodisfatt sett ta’ rekwiżiti, il-maniġers tal-fondi kollha li jikkwalifikaw jistgħu jiġbru l-kapital taħt id-deżinjazzjoni "Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju" madwar l-UE. Dawn mhux se jkollhom jibqgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti kkumplikati li huma differenti għal kull Stat Membru. Bl-introduzzjoni ta' sett uniku ta’ regoli, il-fondi tal-kapital ta’ riskju se jkollhom il-potenzjal jattiraw aktar impenji kapitali u jikbru.

Barra mill-miżuri ppreżentati l-ġimgħa l-oħra, inkluż EUR 1.4 biljun ta' garanziji finanzjarji ġodda taħt il-Programm għall-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME (2014-2020) - IP/11/1476); il-Bank Ewropew tal-Investiment se jżomm l-attività tiegħu ta’ self lill-SMEs b’ritmu sostnut, qrib il-livell ta’ EUR 10 biljun tal-2011.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropeja Antonio Tajani, reponsabbli mill-Industrija u l-Imprenditorija, qal: “L-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs huwa l-ewwel prijorità biex noħorġu mill-kriżi. Il-Pjan ta’ Azzjoni tagħna juri kemm l-Ewropa qed tagħmel dak kollu possibbli biex ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjamenti. Qed nimmiraw li nsaħħu l-istrumenti finanzjarji tal-UE għall-SMEs u li ntejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq finanzjarji.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Neħtieġu aktar kapital ta’ riskju fl-Ewropa. Bl-għajnuna lill-kumpaniji biex isiru iżjed innovattivi u kompetittivi, il-kapital ta’ riskju se joħloq il-kumpaniji ta-ġejjieni tal-Ewropa. Sabiex jiġu appoġġati l-impriżi ġodda l-aktar promettenti, il-fondi tal-kapital ta’ riskju għandhom jikbru u jsiru aktar diversifikati fl-investimenti tagħhom. Il-proposti tal-lum se jgħinu l-iżvilupp ta’ dan is-suq emerġenti."

Pjan ta’ azzjoni għall-SMEs

Is-suċċess ekonomiku Ewropew jiddependi l-aktar fuq it-tkabbir tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) li jiksbu l-potenzjal tagħhom. L-SMEs jikkontribwixxu aktar minn nofs il-valur totali miżjud fl-ekonomija tan-negozju mhux finanzjarja u pprovdew 80 % tal-impjiegi ġodda kollha fl-Ewropa fl-aħħar ħames snin. Il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta fi Pjan ta’ Azzjoni diversi politiki li qed issegwi biex tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tat-23 miljun SME tal-Ewropa u tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għat-tkabbir. Il-miżuri regolatorji u oħrajn proposti jimmiraw li jżommu l-fluss tal-kreditu għall-SMEs u li jtejbu l-aċċess tagħhom għas-swieq kapitali, billi jżidu l-viżibbiltà għall-investituri tas-swieq u l-ishma tal-SMEs, u billi jnaqqsu l-piż regolatorju u amministrattiv.

Kapital ta' riskju għall-SMEs

Il-kapital ta’ riskju, li jipprovdi finanzjament minn kmieni lin-negozji ġodda, jifforma sors importanti ta' investiment fit-tul għall-impriżi żgħażagħ u innovattivi żgħar u medji (SMEs). Madankollu, id-daqs żgħir tal-fondi u l-kapaċità li jipprovdu biss livelli baxxi ta' kapital żammhom milli jkollhom rwol aktar importanti fil-finanzjament tal-bidu. B’hekk, l-SMEs qed ikomplu jiddependu fuq self bankarju għal żmien qasir. Iżda fil-kuntest tal-kriżi attwali, ikkaratterizzata minn tnaqqis fis-self għall-ekonomija reali, jista' jkun diffiċli ħafna għal kumpaniji bħal dawn biex ikollhom aċċess għal dan it-tip ta' self.

L-evidenza eżaminata mill-Kummissjoni turi li kumpanija b’investituri ta' kapital ta’ riskju fit-tul tirnexxi aktar minn kumpanija li jkollha bżonn tiddependi fuq finanzjament għal żmien qasir mill-banek. Dan huwa attribwit b’mod komuni għall-iskrinjar rigoruż li fond ta’ kapital ta’ riskju jiżvolġi qabel ma jinvesti f'kumpanija. Iżda l-fond medju Ewropew ta’ kapital ta’ riskju huwa żgħir u ta' daqs wisq inqas minn dak ottimali meħtieġ għal strateġija ta' investiment diversifikata li tkun tista' tagħti kontribuzzjoni kapitali ta' importanza lil kumpaniji individwali u għalhekk tipproduċu impatt reali. Filwaqt li l-fond ta’ kapital ta’ riskju medju fl-Unjoni Ewropea fih madwar EUR 60 miljun, il-kontroparti Amerikana tiegħu ikollha daqs medju ta’ EUR 130 miljun.1 L-istudji ekonomiċi juru li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju jistgħu jagħmlu differenza kbira għall-industriji li jinvestu fihom ladarba d-daqs tagħhom jilħaq madwar EUR 280 miljun2. Barra minn hekk, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju tal-Istati Uniti investew medja ta' madwar EUR 4 miljun f’kull kumpanija; filwaqt li l-fondi Ewropej irnexxielhom jiġbru medja ta' EUR 2 miljun biss ta’ volumi ta’ investiment għal kull kumpanija. L-investimenti fil-kapital fl-istadju bikri fl-Istati Uniti kienu fil-medja ta’ EUR 2.2 miljun għal kull kumpanija filwaqt li l-kontribuzzjonijiet għall-kapital fl-istadju bikri fl-UE kienu fil-medja ta’ EUR 400 000 għal kull kumpanija. 3

Fondi ta' kapital ta' riskju akbar ifissru aktar kapital għal kumpaniji individwali u se jagħtu lill-fondi l-ħila li jispeċjalizzaw f'setturi partikolari bħat-teknoloġija tal-informatika, il-bijoteknoloġija jew il-kura tas-saħħa. Dan għandu jgħin lill-SMEs jkunu aktar kompetittivi fis-suq globali.

Ara wkoll MEMO/11/879.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/finance/index_en.htm

Elementi ewlenin tal-proposta dwar il-kapital ta’ riskju:

  • Il-proposta tistabbilixxi "sett uniku ta’ regoli" uniformi li jirregola t-tqegħid fis-suq ta' fondi taħt id-deżinjazzjoni "Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju”. "Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju" huwa definit minn tliet rekwiżiti essenzjali: 1. Jinvesti fl-SMEs 70 % tal-kapital impenjat mill-isponsers tiegħu; 2. jipprovdi finanzjament ta’ ekwità jew kważi-ekwità lil dawn l-SMEs (jiġifieri "kapital ġdid"); u 3. ma jużax ingranaġġ (jiġifieri il-fond ma jinvestix aktar kapital minn dak impenjat mill-investituri sabiex ma jidħolx fi djun). Il-fondi kollha li joperaw taħt din id-deżinjazzjoni għandhom ikunu konformi ma’ regoli uniformi u standards tal-kwalità (inkluż l-istandards tal-iżvelar lill-investituri u r-rekwiżiti operazzjonali) meta jiġbru l-fondi madwar l-UE. Is-"sett uniku ta’ regoli" se jiżgura li l-investituri jafu eżattament x’se jiksbu meta jinvestu fil-Fondi Ewropej ta’ Kapital ta’ Riskju.

  • Il-proposta toħloq approċċ uniformi għall-kategoriji ta’ investituri li huma eliġibbli biex jikkommettu kapital għal "Fond Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju". L-investituri eliġibbli se jkunu investituri professjonali kif definit fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji tal-2004 (MiFID - ara IP/04/546) u ċerti investituri oħrajn tal-kapital ta’ riskju tradizzjonali (bħal individwi b' valur nett għoli jew investituri informali). Ir-regoli uniformi dwar l-investituri ta’ kapital ta’ riskju se jaċċertaw li l-kummerċjalizzazzjoni tista’ tiġi mfassla apposta għall-ħtiġijiet ta' dawn il-kategoriji ta' investituri.

  • Ir-Regolament se jipprovdi lill-maniġers kollha ta' fondi ta’ kapitali ta' riskju li jikkwalifikaw, passaport tal-kummerċjalizzazzjoni Ewropew li jippermettilhom aċċess għal investituri eliġibbli madwar l-UE. Dan huwa titjib sinifikanti fuq ir-regoli eżistenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-assi, partikolarment id-Direttiva dwar il-Maniġers tal-Fondi ta’ Investiment Alternattiv tal-2011 (AIFMD - ara MEMO/10/572) għaliex il-passaport eżistenti pprovdut taħt l-AIMFD huwa applikabbli biss għall-maniġers li l-assi tagħhom li qed jiġu ġestiti huma ’l fuq mil-livell limitu ta’ EUR 500 miljun. Barra minn hekk, ir-regoli tal-AIFMD joħolqu qafas legali tipikament immirat lejn il-hedge funds (fondi spekulattivi) u l-kumpaniji ta’ ekwità privata, u huma anqas adattati għall-fond ta’ kapital ta’ riskju tipiku li jimxi fuq reġim imfassal.

Il-passi li jmiss:

Il-proposta dwar il-kapital ta’ riskju issa se tmur għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (l-Istati Membri) għan-negozjar u l-adozzjoni taħt il-proċedura tal-kodeċiżjoni.

Ara wkoll MEMO/11/880.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/investment/venture_capital_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Sara Tironi (32 2 299 0403)

1 :

Josh Lerner, Yannis Pierrakis, Liam Collins u Albert Bravo Biosca, "Atlantic Drift - Venture Capital performance in the UK and the US, Research report Ġunju 2011, ara t-taqsima 4.1

2 :

Idem

3 :

K. Raade and C.T. Machado: Recent developments in the European private equity markets, Economic papers 319, April 2008


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website