Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Miżuri ġodda li jistimulaw il-finanzjament għal negozji soċjali

Brussell, 7 ta' Diċembru 2011 - In-negozji soċjali huma kumpaniji li għandhom impatt soċjali pożittiv u li jindirizzaw objettivi soċjali bħala l-għan korporattiv tagħhom, aktar milli jimmassimizzaw biss il-profitti tagħhom. Huwa settur li qiegħed jikber fl-Ewropa u li diġà jirrappreżenta 10 % tan-negozji kollha Ewropej u li jimpjega aktar minn 11-il miljun impjegat imħallas. Filwaqt li dawn in-negozji ta' spiss jirċievu appoġġ pubbliku, l-investiment privat, permezz ta' fondi li jinvestu f'intraprendituri soċjali, jibqa' vitali għat-tkabbir tagħhom. Madankollu, tali fondi speċjalizzati ta' investiment soċjali huma rari jew mhumiex kbar biżżejjed. Investiment transkonfinali f'tali fondi huwa kumplikat u għali żżejjed.

Bil-proposta ta' llum għal Regolament, il-Kummissjoni tistabbilixxi s-sisien għal suq Ewropew b'saħħtu għall-fondi ta' investiment soċjali. Tintroduċi tikketta ġdida ta' "Fondi Ewropej ta' Intraprenditorija Soċjali" sabiex l-investituri jkunu jistgħu jidentifikaw faċilment fondi li jiffukaw fuq l-investiment fin-negozi soċjali Ewropej. L-approċċ huwa sempliċi: ladarba jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti ddefiniti fil-proposta, il-maniġers tal-fondi ta' investiment soċjali jkunu jistgħu jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom madwar l-Ewropa kollha. Biex tinkiseb tikketta, fond ikollu juri li perċentwal għoli tal-investimenti (70 % tal-kapital li ġej mill-investituri) jintefaq fuq l-appoġġ għan-negozji soċjali. Regoli uniformi fuq l-iżvelar jiżguraw li l-investituri jkollhom informazzjoni ċara u effettiva dwar dawn l-investimenti.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Negozji soċjali jikkaratterizzaw eżattament it-tip ta' tkabbir u investiment intelliġenti, inklużiv u sostenibbli li tant huma importanti għall-ekonomija Ewopea ta' llum. Il-miżuri l-ġodda tagħna se jgħinu fil-bini ta' dawn in-negozji madwar l-Ewropa, u b'hekk jiżguraw li jirċievu l-appoġġ finanzjarju li għandhom bżonn biex jikbru - speċjalment f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi."

Sfond

Elementi ewlenin tal-proposta

  • Marka kummerċjali tal-UE rikonoxxuta għall-fondi ta' intraprenditorija soċjali: Attwalment, l-investituri jistgħu jsibuha diffiċli li jidentifikaw fondi li qed jinvestu f'negozji soċjali u dan jista' jimmina l-fiduċja fis-suq tan-negozji soċjali. Fl-istess waqt, fondi ta' investiment soċjali jistgħu jsibuha diffiċli li jiddistingwu ruħhom minn fondi oħra u dan jista' jimmina t-tkabbir tas-settur. Ir-Regolament adottat illum joħloq marka kummerċjali komuni: il-"Fondi Ewropej ta' Intraprenditorija Soċjali". B'din it-tikketta, l-investituri se jkunu jafu li l-biċċa l-kbir tal-investiment tagħhom imur lejn in-negozji soċjali. Minbarra dan, il-marka kummerċjali komuni għall-UE kollha se tagħmilha iktar faċli għall-investituri madwar l-UE biex jillokalizzaw dawn il-fondi.

  • Informazzjoni mtejba għall-investitur: Hekk kif l-investituri jistgħu jsibuha diffiċli li jidentifikaw fondi li jinvestu f'negozji soċjali, bl-istess mod hija diffiċli li titqabbel u tintuża l-informazzjoni disponibbli dwar dawn il-fondi u dwar dak li qed jagħmlu. Għaldaqstant, l-istabbiliment ta' qafas komuni tal-UE għal din l-informazzjoni huwa vitali. Fil-futur, il-fondi kollha li jużaw il-marka kummerċjali ġdida għandhom jippubblikaw b'mod ċar l-informazzjoni dwar it-tipi ta' negozji soċjali fil-mira, il-mod kif jintagħżlu, il-modi kif il-fond jista' jgħin lin-negozji soċjali, u kif se jiġu mmonitorjati u rrappurtati l-impatti soċjali.

  • Miżuri ta' prestazzjoni aħjar: L-impatt ipproġettat huwa fattur importanti għall-investituri meta jagħżlu bejn fondi ta' investiment soċjali differenti. Il-miżuri proposti se jistabbilixxu rekwiżiti ċari għall-fondi sabiex jinfurmaw l-investituri dwar kif għandhom jimxu fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-impatti. Madankollu, x'aktarx jeħtieġ aktar minn hekk. Il-Kummissjoni se twettaq ħidma ulterjuri fl-iżvilupp ta' modi aħjar u aktar kumparabbli dwar kif tista' tiġi mkejla l-prestazzjoni soċjali tal-investimenti. Dan se jippermetti l-iżvilupp ta' suq ta' investiment aktar trasparenti u aktar fiduċja mill-investitur.

  • Tneħħija tal-ostakli għall-ġbir ta’ fondi madwar l-Ewropa: Ir-regoli li jimmiraw il-fondi ta' investiment soċjali huma differenti bejn l-Istati Membri u ta' spiss huma onerużi u kumplessi. Għal din ir-raġuni, il-proposti ġodda se jissimplifikaw ir-regoli. Pereżempju, passaport Ewropew għandu jiżgura li l-fondi ta' intraprenditorija soċjali jistgħu jiġbdu fondi minn madwar l-Ewropa. Maniġers tal-fondi mhux se jkunu sfurzati li jużaw il-qafas ġdid, iżda jekk jagħmlu dan, se jkunu jistgħu jiksbu aċċess għal investituri minn madwar l-UE u għal marka kummerċjali tal-UE rikonoxxuta b’mod ċar li, biż-żmien, l-investituri se jibdew jafdawha u jfittxuha.

  • Disponibbiltà għall-investituri: Peress li l-investiment fin-negozji soċjali jista' jkun riskjuż, it-tikketta ta' "Fondi Ewropej ta' Intraprenditorija Soċjali", fil-bidu, tkun disponibbli biss għall-investituri professjonali. Ladarba l-qafas ikun stabbilit u jaħdem, il-Kummissjoni se teżamina miżuri possibbli biex tali investimenti jkunu disponibbli wkoll għal klijenti konsumaturi.

Il-passi li jmiss:

Il-proposti issa se jgħaddu għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (l-Istati Membri) biex jiġu nnegozjati u adottati skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Ara wkoll il-MEMO/11/881.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/investment/social_investment_funds_en.htm

Kuntatti :

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website