Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja: Baġit estern għall-perjodu 2014-2020 sabiex jiġu rrispettati l-impenji tal-UE u biex jiġu promossi l-valuri kondiviżi

European Commission - IP/11/1510   07/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja: Baġit estern għall-perjodu 2014-2020 sabiex jiġu rrispettati l-impenji tal-UE u biex jiġu promossi l-valuri kondiviżi

Brussell, is-07 ta' Diċembru 2011 - Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti tal-baġit għall-istrumenti esterni tagħha għall-perjodu li jkopri mill-2014 sal-2020. Dawn se jippermettu lill-Unjoni tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha fix-xena dinjija: li tiġġieled il-faqar u li tippromwovi d-demokrazija, il-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità. Il-firxa ta' strumenti previsti se tappoġġja lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw kif ukoll lill-pajjiżi fil-viċinat Ewropew u dawk li qed iħejju għall-adeżjoni tagħhom fl-UE. Il-Kummissjoni se tfittex li timmira r-riżorsi tagħha fejn huma l-aktar meħtieġa u fejn dawn se jkollhom l-ikbar impatt filwaqt li jiżguraw aktar flessibbiltà biex ikunu jistgħu jirreaġixxu malajr għal avvenimenti mhux previsti. Dan il-baġit se jgħin ukoll lill-UE biex tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha fix-xena dinjija u biex tippromwovi l-interessi u l-valuri tagħha.

Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/il-Viċi-President tal-Kummissjoni qalet: "Anke fi żminijiet ta' kriżi, l-Ewropa trid tħares 'il barra u tieħu impenji fid-dinja. Is-sigurtà u l-prosperità tagħna jiddependu fuq dak li jiġri lil hinn mill-fruntieri tagħna, u speċjalment fil-viċinat tagħna stess. L-UE se tibqa' tonora l-impenji internazzjonali tagħha fil-konfront tal-aktar nies fqar u ta' dawk li huma l-aktar vulnerabbli, ta' dawk li qegħdin fil-viċinat tagħna u li għaddejjin minn żmien ta' tranżizzjoni u ta' dawk li jinsabu fil-pajjiżi fi triqithom biex jissieħbu mal-Unjoni. Permezz ta' dawn l-istrumenti esterni l-ġodda, l-UE se tkun ukoll f'pożizzjoni aħjar biex tippromwovi l-valuri u l-interessi prinċipali tagħha stess, bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, iżda wkoll biex tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-faqar, fil-preservazzjoni tal-paċi u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti mad-dinja kollha."

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp Andris Piebalgs iddikjara: "L-UE hija l-ewwel donatur fid-dinja u għandna nibqgħu minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra l-faqar. Skont l-istħarriġ, bosta Ewropej jaqblu li l-UE għandha turi solidarjetà billi żżid l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp. Dawn il-proposti se jippermettu lill-baġit tal-UE jikkontribwixxi, fuq livell simili għal dak preċedenti, għall-impenn tal-UE li talloka 0.7 % mill-ING tal-UE għall-għajnuna sal-2015. Huwa rikonoxxut li l-iżgurar ta' tkabbir iktar inklużiv u iktar sostenibbli fid-dinja huwa wkoll fl-interess tal-UE. Illum, qed nikkonfermaw ukoll li se jkun hemm bidla fir-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi emerġenti u li se ssir iktar enfasi fuq l-għajnuna mogħtija lill-ifqar pajjiżi."

Fir-rigward tal-istrument il-ġdid Ewropew ta' Viċinat u l-istrument il-ġdid għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni, il-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat Štefan Füle kkummenta dan li ġej: "Dawn l-istrumenti l-ġodda se jippermettulna nirreaġixxu iżjed aħjar għall-bżonnijiet u l-ambizzjonijiet futuri tal-imsieħba tagħna. Permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat il-ġdid u tal-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni l-ġdid, il-ġirien tagħna se jingħataw appoġġ aktar rapidu u iżjed flessibbli; u dan jippermetti li jiżdiedu d-divrenzjar u l-inċentivi għall-aħjar prestaturi. Fl-istess ħin, dan l-appoġġ se jkompli jiżgura s-suċċess tal-proċess ta' demokratizzazzjoni kif ukoll itejjeb l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-viċinat immedjat tagħna, u jappoġġja l-proċess ta' riforma f'dawk il-pajjiżi li qed iħejju biex jissieħbu mal-UE. "

Il-proposti tal-baġit se jappoġġjaw l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni - l-"Aġenda għall-Bidla" - li tiffoka l-għajnuna tal-UE fuq inqas setturi, bil-għan li tappoġġja d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba u li toħloq tkabbir inklużiv u sostenibbli.

Skont il-prinċipju l-ġdid ta' "divrenzjar", l-UE se talloka proporzjon akbar ta' fondi fejn l-għajnuna jista' jkollha l-ikbar impatt: fir-reġjuni u fil-pajjiżi li l-aktar jinsabu fil-bżonn, inklużi l-istati fraġli. Il-pajjiżi li jistgħu jiġġeneraw biżżejjed riżorsi biex jiżguraw l-iżvilupp tagħhom stess mhux se jirċievu aktar għotjiet bilaterali ta' għajnuna u minflok se jibbenefikaw minn forom ġodda ta' sħubija; huma se jkomplu jirċievu xi fondi permezz ta' programmi tematiċi u reġjonali. Dan se jiġi kkumplimentat minn diversi modalitajiet ta' kooperazzjoni innovattivi bħal pereżempju l-kombinazzjoni ta' għotjiet u self.

L-Istrument ta' Sħubija jikkostitwixxi waħda mill-innovazzjonijiet maġġuri u għodda ewlenija ta' politika esterna. Huwa se jkollu l-għan li jmexxi 'l quddiem l-interessi tal-UE u li jippromwovihom u li jindirizza l-isfidi globali maġġuri. Dan l-istrument se jippermetti wkoll lill-UE ssegwi aġendi li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp flimkien mal-pajjiżi industrijalizzati, mal-ekonomiji emerġenti u mal-pajjiżi fejn l-UE għandha interessi sinifikanti.

Sfond

It-testi tal-lum jikkostitwixxu l-proposti legali biex jiġi implimentat il-Qafas Finanzjarju Multiannwali ppreżentat mill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2011, fil-qasam tal-azzjoni esterna. Il-pakkett ikopri l-firxa sħiħa ta' appoġġ estern iffinanzjat mill-baġit tal-UE u jinkludi: Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: "Ewropa Globali" u l-proposti leġiżlattivi għal disa' strumenti ġeografiċi u tematiċi akkumpanjati minn regolament ta' implimentazzjoni komuni

L-ammont totali propost għal dawn id-disa' strumenti huwa ta' EUR 96 249,4 miljun għall-perjodu 2014-2020 (il-prezzijiet kurrenti).

L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA): EUR 14 110 miljun

L-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI): EUR 18 182 miljun

L-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI): EUR 23 295 miljun

L-Istrument ta’ Sħubija (PI): EUR 1 131 miljun

L-Istrument għall-Istabbiltà (IfS): EUR 2 829 miljun

L-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR): EUR 1 578 miljun

L-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari: EUR 631 miljun

L-Istrument għal Groenlandja: EUR 219 miljun

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ, barra mill-Baġit tal-UE): EUR 34 276 miljun

Il-pakkett se jiġi trażmess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u huwa mistenni li se jiġi adottat fl-2012. (Għal aktar dettalji dwar il-varji strumenti, ara MEMO/11/878).

L-approċċ ta' divrenzjar

Id-divrenzjar l-ewwel se jiġi applikat fil-pajjiżi koperti mill-Istrumenti DCI u ENI. Skont l-Istrument DCI, huwa propost li 17-il Pajjiż bi Dħul Medju Superjuri (l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Kazakistan, l-Iran, il-Malasja, il-Maldive, il-Messiku, il-Panama, il-Perù, it-Tajlandja, il-Venezwela u l-Urugwaj) u żewġ Pajjiżi kbar bi Dħul Medju Baxx, li għandhom PDG akbar minn 1 % tal-PDG globali (l-Indja, l-Indoneżja), jibdew jagħmlu parti minn sħubijiet ġodda li mhumiex ibbażati fuq l-għajnuna bilaterali. L-ekonomiji emerġenti bħal taċ-Ċina, tal-Brażil u tal-Indja b'mod partikolari, bħalissa huma meqjusa aktar bħala msieħba tal-UE biex jindirizzaw sfidi globali.

L-Istrument ta' Viċinat u l-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni

Fil-kuntest tal-approċċ imġedded għall-Politika Ewropea ta' Viċinat (ENP), l-Istrument ENI l-ġdid se jipprovdi appoġġ issimplifikat lill-istess 16-il pajjiż imsieħba1 bħall-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) preċedenti. F'konformità mal-prinċipji tad-divrenzjar u ta' "aktar għal aktar", l-Istrument ENI se jappoġġja t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi msieħba u se jipprovdi benefiċċji tanġibbli kemm lill-UE kif ukoll lill-imsieħba tagħha f'oqsma bħad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, l-iżvilupp sostenibbli ekonomiku u soċjali u l-integrazzjoni ekonomika progressiva fis-suq uniku tal-UE.

L-UE se tkompli tappoġġja lill-pajjiżi ta' tkabbir2 permezz ta' Strument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni (IPA) mġedded, sabiex tibni fuq l-esperjenza pożittiva li akkwistat mill-istrument attwali. L-IPA se jgħin lil dawn il-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji komprensivi ta' riforma meħtieġa għat-tħejjija ta' sħubija futura, b'enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni reġjonali, l-implimentazzjoni tal-liġijiet u tal-istandards tal-UE, il-kapaċità li jiġu ġestiti l-politiki interni tal-Unjoni mal-adeżjoni, u l-għoti ta' benefiċċji soċjoekonomiċi tanġibbli fil-pajjiżi benefiċjarji. Se jsir aktar użu mill-arranġamenti ta' finanzjament innovattivi stabbiliti ma' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, fejn il-fondi tal-UE se jiffunzjonaw bħala katalist biex tingħata spinta lill-investiment fl-infrastruttura.

Għal iktar tagħrif

MEMO/11/878 – The Multiannual Financial Framework: The Proposals on External Action Instruments

It-test sħiħ tal-Komunikazzjonijiet:

http://ec.europa.eu/europeaid/how/finance/mff/financial_framework_news_en.htm

Il-proposti dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (id-29 ta' Ġunju 2011):

http://ec.europa.eu/budget/biblio/documents/fin_fwk1420/fin_fwk1420_en.cfm

Il-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla

http://ec.europa.eu/europeaid/what/development-policies/documents/agenda_for_change_mt.pdf

Il-konsultazzjoni dwar il-futur tal-politika tal-iżvilupp

http://ec.europa.eu/europeaid/how/public-consultations/5241_en.htm

Il-websajt ta' EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs

Website of European Commissioner for Enlargement and European Neighbourhood Štefan Füle:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/fule/

More on the new IPA:

http://ec.europa.eu/enlargement/press_corner/whatsnew/news/111207_en.htm

Website of the ENP

http://ec.europa.eu/world/enp/index_en.htm

Kuntatti :

Maja Kocijancic (+32 2 298 65 70)

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Peter Stano (+32 2 295 74 84)

1 :

L-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Marokk, it-territorju okkupat tal-Palestina, is-Sirja, it-Tuneżija u l-Ukraina.

2 :

L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, l-Islanda, il-Kosovo (skont UNSCR 1244/1999), il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija u dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website