Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-sistema futura tal-VAT: favur il-kummerċ, favur it-tkabbir

European Commission - IP/11/1508   06/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Is-sistema futura tal-VAT: favur il-kummerċ, favur it-tkabbir

Brussell, is-6 ta' Diċembru 2011 – "It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) titħallas miċ-ċittadini, tinġabar min-negozjiu u tammonta għal aktar minn 20 % tad-dħul nazzjonali. Għaldaqstant, din it-taxxa għandha impatt sinifikanti fuq kull ċittadin tal-UE. Madankollu, issa għaddew 40 sena minn meta ġiet stabbilita s-sistema tal-VAT fl-UE, u r-reġim ma għadux validu għall-ekonomija tagħna li tiffoka fuq is-servizzi u bbażata fuq it-teknoloġija. Wasal iż-żmien għal riforma ambizzjuża tal-VAT." qal Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi.

Fuq din il-bażi, illum il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-futur tal-VAT. Din tistabbilixxi l-karatteristiċi fundamentali li għandhom jissottolinjaw ir-reġim il-ġdid tal-VAT, u l-azzjonijiet ta' prijorità maħtieġa biex tinħoloq sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar effiċjenti u isħaħ fl-UE.

Tliet għanijiet obbligatorji jiffurmaw il-viżjoni tas-sistema l-ġdida tal-VAT:

L-ewwel, il-VAT għandha tkun tiffunzjona aktar għan-negozji. Sistema tal-VAT aktar sempliċi għandha ttaffi l-piżijiet amministrattivi konsiderevoli u tinkoraġġixxi aktar kummerċ bejn il-fruntieri. Din is-sistema għandha tkun ta' ġid għat-tkabbir. Fost il-miżuri previsti għal VAT li tkun ta' fejda għan-negozji hemm l-espansjoni ta' approċċ ta' post wieħed minn fejn isiru t-tranżazzjonijiet transkonfinali; l-istandardizzazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT; u li jkun ipprovdut aċċess ċar u faċli għad-dettalji tar-reġimi nazzjonali kollha tal-VAT permezz ta' portal ċentrali fuq l-internet.

It-tieni, il-VAT għandha ssir aktar effiċjenti biex issostni l-isforzi tal-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli tal-Istati Membri. It-twessigħ tal-bażi tat-taxxi u l-limitazzjoni tal-użu ta' rati mnaqqsa jistgħu jiġġeneraw dħul finanzjarju ġdid għall-Istati Membri mingħajr il-bżonn ta' żieda fir-rata. Jekk jitneħħew l-eżenzjonijiet u t-tnaqqis, ir-rata standard tal-VAT tista' saħansitra titnaqqas f'uħud mill-Istati Membri mingħajr ebda impatt fuq id-dħul. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiggwidaw ir-reviżjoni tal-eżenzjonijiet u tar-rati mnaqqsa. Il-Komunikazzjoni ser tanalizza wkoll l-użu tar-rati mnaqqsa mill-Istati Membri meta tkun qed tirrevedi l-politiki fiskali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (ara MEMO/11/11).

It-tielet, jeħtieq li jitwaqqfu l-frodi u t-telf enormi tad-dħul finanzjarju li jiġri bħalissa. Huwa stmat li madwar 12 % tal-VAT totali li għandha tinġabar, mhijiex tinġabar (dik li tissejjaħ id-diskrepanza tal-VAT). Fl-2012, il-Kummissjoni ser tipproponi mekkaniżmu ta' reazzjoni veloċi biex tiżgura li l-Istati Membri jistgħu jirrispondu aħjar għall-iskemi ta' frodi suspettati.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tara jekk il-mekkaniżmi attwali ta' kontra l-frodi, bħall- Eurofisc għandhomx jiġu msaħħa u ser tesplora l-possibbiltà ta' skwadra ta' awdituri transkonfinali biex tiffaċilita l-kontrolli multilaterali.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kwistjoni li ilha għaddeja tat-tibdil fis-sistema tal-VAT bbażata fuq it-tassazzjoni fil-post tal-oriġini ma għadhiex aktar rilevanti. Għaldaqstant, il-VAT ser tkompli tinġabar fil-pajjiż tad-destinazzjoni (jiġifieri, fejn ikun jinsab il-klijent), u l-Kummissjoni ser taħdem biex toħloq sistema moderna tal-VAT ibbażata fuq dan il-pirinċipju.

Sfond

Fl-1 ta' Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar "Il-futur tal-VAT – Lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar b'saħħitha u aktar effettiva" ("The future of VAT – Towards a simpler, more robust and efficient VAT system"). Din il-Green Paper kienet segwita minn konsultazzjoni pubblika li damet għaddejja sitt xhur li permezz tagħha il-Kummissjoni rċeviet 1700 kontribuzzjoni min-negozji, mill-akkademiċi, miċ-ċittadini u mill-awtoritajiet tat-taxxi.

Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Grupp tal-Politika dwar it-Taxxi li jikkonsisti f'rappreżentanti personali tal-Ministeri tal-Finanzji laqgħu l-Green Paper u kkonfermaw il-ħtieġa tar-riforma fis-sistema tal-VAT fl-UE.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ekonomika tas-sistema tal-VAT.

Biex tara t-test sħiħ tal-Komunikazzjoni u aktar dettalji dwar il-VAT, żur is-sit:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/vat/key_documents/communications/index_en.htm

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

MEMO/11/874

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website