Navigation path

Left navigation

Additional tools

Laqgħa ta’ livell għoli dwar id-diżabilità: il-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew jgħaqqdu l-isforzi tagħhom ma’ dawk tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità

European Commission - IP/11/1507   06/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Laqgħa ta’ livell għoli dwar id-diżabilità: il-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew jgħaqqdu l-isforzi tagħhom ma’ dawk tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità

Brussell, is-6 ta’ Diċembru, 2011 - Il-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea llum ingħaqdu għall-ewwel darba mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità biex jiddiskutu kwistjonijiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom madwar 80 miljun Ewropew u Ewropea li għandhom xi diżabilità.

Il-Presidenti: José Manuel Barroso (il-Kummissjoni Ewropea), Jerzy Buzek (il-Parlament Ewropew), Herman Van Rompuy (il-Kunsill Ewropew), kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, iltaqgħu mar-rappreżentanti mill-Ewropa kollha tal-komuità ta’ persuni b’diżabilità.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “L-Unjoni Ewropea trid toqgħod attenta għas-sitwazzjoni tan-nies b’diżabilità. L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabiiltà tistabbilixxi aġenda ambizzjuża għall-10 snin li ġejjin. L-UE tibqa’ impenjata li tagħti s-setgħa lin-nies b' diżabilità sabiex ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom, u jgawdu bis-sħiħ milli jipparteċipaw fis-soċjetà u l-ekonomija.”

Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, qal: "Wieħed minn kull sitt Ewropej jgħix b’xi forma ta’ diżabilità. L-isforzi biex jiġu mgħejjuna gruppi vulnerabbli għandhom jiġu rduppjati fi żminijiet ta' kriżi peress li x'aktarx li jkunu huma l-ewwel li jintlaqtu. L-Ewropa għandha tara li l-impatt tal-miżuri ta' awsterità li jkunu neċessarji jkun l-anqas possibbli, speċjalment għal dan il-grupp. L-ostakoli kollha, materjali u immaterjali li jtellfuhom milli jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà għandhom jitneħħew. L-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità tkun ukoll ta’ kontribut indispensabbli għall-ħtiġijiet, fil-futur qrib, tas-suq tax-xogħol Ewropew bħala riżultat tal-miljuni mill-ġenerazzjoni tal-baby-boom li qegħdin jirtiraw. L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbilitipprovdi kontribut siewi f’din id-direzzjoni. Il-Parlament Ewropew huwa impenjat bis-sħiħ lejn is-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilitajiet, kif rifless mill-inklużjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni kollha relvanti u fir-regolamenti tal-persunal, u l-aħħa’ iżda mhux l-anqas mill-Parlament innifsu bħala post tax-xogħol.”

Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew, saħaq: "L-Ewropa kienet minn ta' quddiem fil-kampanja għall-avvanz tal-kawża tal-persuni b'diżabilitajiet. Nixtieq nisħaq fuq l-importanza tal-inklużività. Il-persuni b’diżabiltajiet għandhom ikunu parti mill-ekonomija tas-suq soċjal ta’ għada. Anki waqt il-kriżi ekonomika, l-għanijiet tagħna għandhom jibqgħu dawk li jagħtu opportunità ta’ aċċessibbiltà u opportunitajiet indaqs f’sens reali, b’mod li l-parteċipazzjoni sħiħa ta’ persuni b’diżabilità ssir realtà. Hija ħaġa ċivilizzata li niffendu l-valuri komuni tagħna. Fl-Ewropa, is-soċjetà tfisser kulħadd u soċjetà moderna għandha tirrifletti lill-membri kollha tagħha.”

Il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija komprensiva s-sena l-oħra biex tinħoloq Ewropa mingħajr ostakoli għal persuni b’diżabilità sal-2020 (IP/10/1505). Il-pjan jippreżenta b'mod ġenerali kif l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħtu lill-persuni li għandhom diżabbiltajiet is-setgħa biex ikunu jistgħu jgawdu jeddijiethom. Id-diskussjoni tal-lum iffokat fuq il-progress li sar s’issa fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u kif in-nies b’diżabilità qed jiġu affettwati mill-kriżi ekonomika.

Taħt it-tmexxija tal-Viċi President Reding, il-Kummissjoni se tressaq l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà fil-ħarifa 2012 biex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor għall-ambjent fiżiku, għat-trasport u għas-servizzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni. L-aċċessibbiltà hija prerekwiżit għall-persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu igawdu d-drittijiet imnaqqxa fil-Konvenzjoni tan-NU, fit-Trattat tal-UE u fil-Karta għad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà biex tkun ta’ għajnuna fit-tħejjija tal-inizjattiva.

Persuna minn kull sitta fl-Unjoni Ewropea – madwar 80 miljun – għandha diżabbiltà li tvarja minn ħafifa sa severa. 'Il fuq minn terz tan-nies ta' 'l fuq minn 75 sena għandhom diżabbiltajiet li b'mod jew b'ieħor jillimitawhom. Dawn in-numri huma mistennija jikbru hekk kif il-popolazzjoni tal-UE bil-mod il-mod tkompli tixjieħ. Il-biċċa l-kbira ta' dawn in-nies spiss ma jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija minħabba ostakoli fiżiċi jew ta' tip ieħor, kif ukoll minħabba d-diskriminazzjoni.

It-tneħħija tal-ostakoli mhijiex biss biċċa xogħol tajba mill-aspett tas-soċjetà umana, iżda tista' wkoll toħloq opportunitajiet ġodda għas-suq. Studju li sar mir-Royal National Institute of the Blind tar-Renju Unit wera li investiment ta' £35,000 minn katina ta' supermarkits biex għamlet is-sit tagħha fuq l-internet aċċessibbli rriżulta fi dħul addizzjonali ta' aktar minn £13-il miljun fis-sena. Fi studju li sar il-Ġermanja nstab li faċilitajiet aktar aċċessibbli jwasslu biex jiżdied l-ivvjaġġar minn persuni b'diżabbiltajiet, u dan jirriżulta f'bejn €620 miljun u €1.9 biljun f'valur addizzjonali tal-bejgħ għall-industrija turistika Ġermaniża.

Quddiem dan l-isfond, l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità tenfasizza l-impenn tal-UE biex ittejjeb is-sitwazzjoni tal-Ewropej b’diżabilità. Din l-istrateġija tikkumplimenta u ssostni l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istati Membri, li għandhom ir-responsabbiltà ewlenija rigward il-politiki dwar id-diżabilità.

Bejn l-1 u t-2 ta’ Diċembru il-Kummissjoni organizzat konferenza ewlenija fil-kuntest tal-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità, li ffukat ukoll dwar il-perspettiva tal-kriżi ekonomika fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilà.

Sfond

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tgħid li l-"Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità." Barra minn hekk, l-UE u s-27 Stat Membru tagħha kollha kemm huma diġà impenjaw ruħhom li joħolqu Ewropa mingħajr ostakoli billi ffirmaw l-UNCRPD.

L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabiltà tikkomplementa l-azzjonijiet tal-UE taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 (IP/10/225) u r-rapport dwar iċ-ċittadinanza tal-UE (IP/10/1390).

L-istrateġija tal-UE tiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lin-nies li għandhom diżabbiltajiet biex ikunu jistgħu jgawdu jeddijiethom daqs ħaddieħor u fuq it-tneħħija tal-ostakoli mill-ħajja ta' kuljum. L-azzjonijiet ewlenin huma:

  • Inizjattiva dwar l-aċċessibbiltà: nikkunsidraw kif nużaw ir-regoli dwar l-istandardizzazzjoni, l-akkwist pubbliku jew l-għajnuna mill-Istat biex il-prodotti u s-servizzi kollha nagħmluhom aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltajiet filwaqt li ninkuraġġixxu suq Ewropew għal tagħmir ta' assistenza ("L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà"). Dan is-suq mistenni jikber b'mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin, jekk wieħed jara kif żviluppaw l-affarijiet fl-Istati Uniti;

  • Il-Parteċipazzjoni: niżguraw li l-persuni li għandhom diżabbiltajiet u l-familji tagħhom jeżerċitaw daqs ħaddieħor id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-UE permezz tal-għarfien reċiproku tal-karti tal-persuni b'diżabbiltà u ta' drittijiet relatati; niffaċilitaw l-użu tal-lingwa tas-sinjali u tal-Braille meta ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom jew meta jkollhom x'jaqsmu mal-istituzzjonijiet tal-UE; nippromwovu format aċċessibbli tas-siti fuq l-internet u tax-xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur, bħalma huma l-kotba;

  • Il-Finanzjament: niżguraw li l-programmi u l-fondi tal-UE f'oqsma politiċi li huma rilevanti għall-persuni b'diżabbiltajiet jintużaw biex jippromwovu kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol għal dawk li jieħdu ħsiebhom b'mod professjonali jew informali u biex jiġu żviluppati skemi ta' assistenza personali;

  • Aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri (permezz tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar id-Diżabbiltà) u s-soċjetà ċivili: nipprovdu forum għall-iskambju ta' dejta u għall-koordinazzjoni tal-politiki, b'mod partikulari dwar il-ġarr minn post għal ieħor tad-drittijiet, bħad-dritt għall-assistenza personali;

  • Żieda fl-għarfien: naħdmu biex in-nies ikunu jafu aktar dwar id-diżabbiltà u dwar l-aċċessibbiltà, ngħidu aħna permezz tal-premju Ewropew għall-ibliet aċċessibbli;

  • Il-Ġbir u monitoraġġ tad-dejta: intejbu l-konoxxenza dwar il-qagħda tan-nies b'diżabiltajiet fl-Ewropa u l-ostakoli li jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, filwaqt li wkoll nidentifikaw u nippromwovu strutturi ta' appoġġ li daħħlu l-Istati Membri fil-livell nazzjonali u li rnexxew

L-istrateġija tinkludi lista ta' azzjonijiet konkreti u skeda. Il-Kummissjoni se tirrapporta b'mod regolari dwar il-kisbiet u l-progress tal-pjan biex timxi skont l-obbligi tagħha taħt il-Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet (United Nations Convention on the Rights of People with Disabilities, UNCRPD), li hija ffirmat.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea – nies b’diżabilitajiet

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/disabilities/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-President Barroso

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Matthew Newman (+32 2 296 24 06)

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website